-
Ħu Gost bl-Istudju Persunali tal-Kelma t’AllaIt-Torri tal-Għassa—2002 | Diċembru 1
-
-
Ħu Gost bl-Istudju Persunali tal-Kelma t’Alla
“Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.”—SALM 77:13 (77:12, NW).
1, 2. (a) Għala rridu nwarrbu l-ħin biex nimmeditaw? (b) X’jiġifieri li timmedita?
BĦALA dixxipli taʼ Ġesù Kristu, ir-relazzjoni tagħna m’Alla u rraġunijiet għala naqdu Lilu huma żewġ affarijiet li għandhom jinteressawna profondament. Madankollu, illum il-biċċa l-kbira min-nies tant jgħixu ħajja mgħaġġla li ma jħallux ħin għall-meditazzjoni. Jinsabu mitlufin fil-geġwiġija taʼ materjaliżmu, konsumiżmu, u ġiri bla sens wara l-pjaċiri. Kif nistgħu nevitaw li nagħmlu ħaġa bla siwi bħal din? Bħalma nwarrbu ħin kuljum speċifikament għal attivitajiet essenzjali, bħal li nieklu u norqdu, hekk ukoll irridu nħallu ħin kuljum biex nimmeditaw fuq l-attivitajiet u l-għemejjel taʼ Jehovah.—Dewteronomju 8:3; Mattew 4:4.
2 Ġieli tieqaf u timmedita? X’jiġifieri li timmedita? Din il-kelma tfisser li wieħed jiffoka ħsibijietu fuq: jirrifletti jew jaħseb fil-fond dwar xi ħaġa; li jikkunsidra speċjalment bil-kwiet, bis-serjetà, u fil-fond. Dan xi jfisser għalina?
3. Maʼ xiex huwa konness direttament il-progress spiritwali?
3 Qabel xejn, dan għandu jfakkarna f’dak li kiteb l-appostlu Pawlu lill-qaddej sieħbu Timotju: “Sa ma niġi, ħu ħsieb il-qari tal-Kotba Mqaddsa, it-twissijiet u t-tagħlim. . . . Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom [‘immedita fuqhom,’ NW], agħti ruħek għalihom [jew, “kun medhi fihom,” NW], biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem.” Iva, il-mixi ’l quddiem u l-progress kienu mistennijin, u kliem Pawlu wera li kien hemm relazzjoni diretta bejn li wieħed jimmedita fuq affarijiet spiritwali u li jimxi ’l quddiem. Dan għadu jgħodd għalina llum. Sabiex ingawdu s-sodisfazzjon li jiġi meta nagħmlu progress spiritwali, għadna rridu ‘nimmeditaw’ u ‘nkunu medhijin’ f’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Kelma t’Alla.—1 Timotju 4:13-15.
4. Liema provvedimenti tistaʼ tuża biex jgħinuk timmedita regolarment fuq il-Kelma taʼ Jehovah?
4 L-aqwa ħin għalik biex timmedita jiddependi minnek u s-sehem tiegħek fir-rutina tal-familja. Ħafna jimmeditaw fuq vers mill-Bibbja kmieni fil-għodu meta jaqraw mill-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum. Fil-fatt, xi 20,000 volontier fid-djar Betel madwar id-dinja jibdew il-ġurnata tagħhom billi jagħmlu kwarta jikkunsidraw il-vers Bibliku għal dak in-nhar. Għalkemm kull fil-għodu jkun hemm biss ftit uħud mill-familja taʼ Betel li jikkummentaw b’mod verbali, il-bqija jimmeditaw fuq dak li jkun qed jintqal u jinqara. Xhieda oħra jimmeditaw fuq il-Kelma t’Alla waqt li jkunu sejrin ix-xogħol. Huma jisimgħu l-awdjokasetts tal-Bibbja u tar-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! li huma disponibbli b’xi lingwi. Ħafna nisa tad-dar jagħmlu dan waqt li jkunu qed jagħmlu l-faċendi. Fil-fatt, ikunu qed jimitaw lis-salmista Asaf, li kiteb: “Niftakar f’għemilek, Mulej; naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi. Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.”—Salm 77:12, 13 (77:11, 12, NW).
Attitudni Xierqa Ġġib Riżultati Pożittivi
5. L-istudju persunali għala għandu jkun importanti għalina?
5 Fiż-żminijiet moderni tagħna tat-TV, vidjos, u kompjuters, il-qari ħa daqqa taʼ ħarta kbira. Dan żgur li m’għandux ikun minnu fost ix-Xhieda taʼ Jehovah. Wara kollox, il-qari tal-Bibbja huwa bħal ħabel tas-salvataġġ li jqabbadna maʼ Jehovah. Eluf taʼ snin ilu, Ġożwè sar il-mexxej taʼ Iżrael wara Mosè. Biex jikseb il-barka taʼ Jehovah, Ġożwè kellu jaqra l-Kelma t’Alla għalih innifsu. (Ġożwè 1:8; Salm 1:1, 2) Din għadha ħtieġa llum. Madankollu, minħabba edukazzjoni limitata xi wħud forsi jsibuha diffiċli biex jaqraw jew il-qari jdejjaqhom. Mela, x’jistaʼ jgħinna biex inkunu rridu naqraw u nistudjaw il-Kelma t’Alla? It-tweġiba nistgħu nsibuha fil-kliem tas-Sultan Salamun imniżżel fi Proverbji 2:1-6. Jekk jogħġbok iftaħ il-Bibbja tiegħek u aqra dawn il-versi. Imbagħad se niddiskutuhom flimkien.
6. Liema attitudni għandna nuru lejn l-għarfien t’Alla?
6 L-ewwelnett insibu dan it-tħeġġiġ: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa [jikseb “id-dixxerniment,” NW]; . . . ” (Proverbji 2:1, 2) X’nitgħallmu minn dan il-kliem? Li r-responsabbiltà taqaʼ fuqna individwalment. Innota l-kundizzjoni “jekk tilqaʼ kliemi.” Din il-“jekk” hija importanti għax il-biċċa l-kbira min-nies ma jagħtux kas il-Kelma t’Alla. Sabiex nieħdu gost nistudjaw il-Kelma t’Alla, irridu nkunu lesti li nilqgħu kliem Jehovah u nqisuh bħal teżor li ma nixtiqux nitilfuh. Qatt m’għandna nħallu r-rutina tagħna taʼ kuljum iġġagħalna nkunu tant imħabbtin jew aljenati li nibdew nittrattaw il-Kelma t’Alla b’indifferenza, saħansitra b’dubji.—Rumani 3:3, 4.
7. Kulmeta jkun possibbli, għala għandna nkunu preżenti u nagħtu widen fil-laqgħat Kristjani?
7 Noqogħdu attenti verament u ‘nagħtu widen’ bir-reqqa meta l-Kelma t’Alla tkun qiegħda tiġi spjegata fil-laqgħat Kristjani tagħna? (Efesin 4:20, 21) ‘Inħallu lil moħħna jifhem sewwa’ biex b’hekk niksbu d-dixxerniment? Jistaʼ jkun li l-kelliemi ma jkunx l-iktar wieħed t’esperjenza, imma waqt li jkun qed juża l-Kelma t’Alla, dan jixraqlu l-attenzjoni sħiħa tagħna. M’għandniex xi ngħidu, sabiex nagħtu widen għall-għerf taʼ Jehovah, irridu, kulmeta jkun possibbli, inkunu preżenti għal-laqgħat Kristjani. (Proverbji 18:1) Immaġina kemm iddiżappuntaw ruħhom dawk li forsi tilfu l-laqgħa fil-kamra taʼ fuq f’Ġerusalemm f’Pentekoste tat-33 E.K.! Għalkemm il-laqgħat tagħna m’humiex spettakolari daqs dik il-waħda, fihom tiġi diskussa l-Bibbja, il-ktieb ewlieni għall-istudju tagħna. B’hekk, kull laqgħa tistaʼ tkun barka għalina jekk nagħtu widen u nsegwu fil-Bibbji tagħna.—Atti 2:1-4; Lhud 10:24, 25.
8, 9. (a) X’jirrikjedi minna l-istudju persunali? (b) Kif tqabbel il-valur tad-deheb mal-fehma taʼ l-għarfien t’Alla?
8 Il-kliem li jmiss tas-sultan għaref jgħid: “Jekk issejjaħ l-għerf [“il-fehma,” NW], u tgħolli leħnek għall-fehma t-tajba [“għad-dixxerniment,” NW]; . . . ” (Proverbji 2:3) Liema attitudni jew spirtu jesprimilna dan il-kliem? Bla dubju, xewqa kbira li nifhmu l-Kelma taʼ Jehovah! Dan il-kliem jimplika li rridu nkunu lesti li nistudjaw bl-għan li niksbu d-dixxerniment, li nifhmu x’inhi r-rieda taʼ Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, biex nagħmlu hekk hemm bżonn sforz, u dan iġibna għall-kliem u t-tixbiha li jmiss taʼ Salamun.—Efesin 5:15-17.
9 Hu jkompli: “Jekk tfittex l-għerf [il-fehma] bħall-fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; . . . ” (Proverbji 2:4) Dan iġagħalna naħsbu f’dak li rnexxielhom iwettqu fil-minjieri l-irġiel li matul is-sekli fittxew id-deheb u l-fidda, metalli hekk imsejħin prezzjużi. Kien hemm min qatel għad-deheb. Oħrajn qattgħu ħajjithom kollha jipprovaw isibuh. Iżda, kemm jiswa verament id-deheb? Jekk tintilef f’deżert u tkun qed tmut bl-għatx, x’kont tippreferi: ingott tad-deheb jew tazza ilma? Madankollu, kemm fittxewh b’żelu dan id-deheb in-nies, bil-valur artifiċjali tiegħu li dejjem jinbidel!a Kemm iktar għandna nfittxu b’żelu l-għerf, id-dixxerniment, u l-fehma t’Alla u tar-rieda tiegħu! Imma x’inhuma l-benefiċċji taʼ tfittxija bħal din?—Salm 19:8-11 (19:7-10, NW); Proverbji 3:13-18.
10. X’nistgħu nsibu jekk nistudjaw il-Kelma t’Alla?
10 Il-kliem taʼ Salamun ikompli: “Mbagħad tifhem il-biżaʼ tal-Mulej, u ssib it-tagħrif [“l-għarfien,” NW] taʼ Alla.” (Proverbji 2:5) Kemm hu ħsieb taʼ l-għaġeb—li aħna bħala bnedmin imperfetti nistgħu nsibu l-għarfien t’Alla, Jehovah, il-Mulej Sovran taʼ l-univers! (Salm 73:28; Atti 4:24) Il-filosfi u l-hekk imsejħa għorrief tad-dinja ilhom sekli sħaħ jipprovaw jifhmu l-misteri tal-ħajja u l-univers. Madankollu, ma rnexxilhomx isibu l-għarfien t’Alla. Għala? Għalkemm dan ilu disponibbli għal eluf taʼ snin fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, huma jwarrbuh bħala xi ħaġa sempliċi żżejjed, u b’hekk ma jaċċettawhx u ma jifhmuhx.—1 Korintin 1:18-21.
11. X’inhuma xi benefiċċji taʼ l-istudju persunali?
11 Inċentiv ieħor li Salamun jenfasizza hu: “Il-Mulej jagħti l-għerf, minn fommu ġej it-tagħrif u d-dehen [“dixxerniment,” NW].” (Proverbji 2:6) Jehovah minn qalbu u b’mod ġeneruż jagħti għerf, għarfien, u dixxerniment lil kulmin lest li jfittex għalihom. Żgur li għandna kull raġuni biex napprezzaw l-istudju persunali tal-Kelma t’Alla, avolja jeħtieġ sforz, dixxiplina, u sagrifiċċju. Għallinqas għandna kopji stampati tal-Bibbja u ma rridux noqogħdu nagħmlu kopji bil-miktub, bħalma kellhom jagħmlu xi wħud fl-imgħoddi!—Dewteronomju 17:18, 19.
Biex Ngħixu Sewwa Kif Jixraq lil Jehovah
12. X’għandu jkun il-motiv tagħna meta nfittxu l-għarfien t’Alla?
12 X’għandu jkun il-motiv għall-istudju persunali tagħna? Biex nidhru aħjar minn ħaddieħor? Biex nuru li għandna iktar għarfien? Biex attwalment insiru nafu dak kollu li hemm fil-Bibbja? Le. Il-mira tagħna hi li nkunu Kristjani f’dak kollu li ngħidu u nagħmlu, dejjem lesti li ngħinu lil oħrajn, fl-ispirtu rifreskanti taʼ Kristu. (Mattew 11:28-30) L-appostlu Pawlu wissa: “L-għerf [“għarfien,” NW] jonfoħna; l-imħabba tibnina.” (1 Korintin 8:1) Għalhekk, għandu jkollna l-attitudni umli li wera Mosè meta qal lil Jehovah: “Għallimni triqatek, biex nagħrfek u nsib ħniena quddiemek.” (Eżodu 33:13) Iva, għandna nixtiequ li jkollna l-għarfien sabiex nogħġbu lil Alla, mhux biex nimpressjonaw lin-nies. Irridu nkunu qaddejja t’Alla li huma umlin u li jgħixu kif jixraq lilu. Kif nistgħu nilħqu din il-mira?
13. X’hemm bżonn biex wieħed ikun qaddej t’Alla kif jixraq Lilu?
13 Pawlu ta parir lil Timotju dwar kif jogħġob lil Alla billi qal: “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa [‘jimmaniġġa sewwa,’ NW] l-kelma tal-verità.” (2 Timotju 2:15) L-espressjoni ‘timmaniġġa sewwa’ ġejja minn verb Grieg li huwa msawwar b’żewġ kelmiet jew iktar li oriġinalment kien ifisser “taqtaʼ dritt.” (Kingdom Interlinear) Skond xi wħud, dan jissuġġerixxi l-idea taʼ ħajjât li jaqtaʼ d-drapp skond mudell, taʼ bidwi li jagħmel ir-raddi fl-għalqa, eċċetra. Hu x’inhu li jissuġġerixxi, ir-riżultat finali jrid ikun preċiż, jew dritt. Il-punt hu li biex ikun qaddej approvat t’Alla kif jixraq Lilu, Timotju kellu ‘jagħmel mill-aħjar’ biex ikun ċert li t-tagħlim u l-kondotta tiegħu jkunu fi qbil mal-kelma tal-verità.—1 Timotju 4:16.
14. L-istudju persunali tagħna kif għandu jeffettwana f’dak li nagħmlu u ngħidu?
14 Pawlu ħareġ l-istess punt meta ħeġġeġ lil sħabu l-Kristjani f’Kolossi biex ‘jgħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u jogħġbuh f’kollox’ billi jagħmlu l-frott f’kull opra tajba u jikbru fl-għarfien t’Alla. (Kolossin 1:10) Pawlu hawn jagħmel konnessjoni bejn li wieħed jgħix kif jixraq lil Jehovah u li jagħmel il-frott f’kull opra tajba kif ukoll li jikber fl-għarfien t’Alla. Fi kliem ieħor, dak li jgħodd għal Jehovah m’huwiex biss kemm napprezzaw l-għarfien imma wkoll kemm inżommu mill-qrib mal-Kelma t’Alla f’dak li nagħmlu u ngħidu. (Rumani 2:21, 22) Dan ifisser li l-istudju persunali tagħna għandu jeffettwa l-mod kif naħsbu u naġixxu jekk irridu nogħġbu lil Alla.
15. Kif nistgħu nipproteġu u nikkontrollaw lil moħħna u ħsibijietna?
15 Illum, Satana huwa determinat li jkisser l-ispiritwalità tagħna billi jmexxi ’l quddiem battalja li tinvolvi l-moħħ. (Rumani 7:14-25) Għalhekk, għandna nipproteġu u nikkontrollaw lil moħħna u ħsibijietna sabiex inkunu wħud li jgħixu kif jixraq lil Alla tagħna, Jehovah. L-arma li għandna hija “l-għarfien taʼ Alla,” li kapaċi ‘ijassar kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu.’ Din hija raġuni akbar għala għandna noqogħdu attenti li nistudjaw il-Bibbja kuljum, għax irridu nqaċċtu ’l barra minn moħħna ħsibijiet egoistiċi u karnali.—2 Korintin 10:5.
Għajnuniet biex Nifhmu
16. Kif nistgħu nibbenefikaw hekk kif Jehovah jgħallimna?
16 It-tagħlim taʼ Jehovah iġib benefiċċji spiritwali u fiżiċi. M’huwiex teoloġija bla gost u akkademika. B’hekk naqraw: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi.” (Isaija 48:17) Jehovah kif iqabbadna t-triq li hija taʼ ġid għalina? L-ewwelnett, għandna l-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja Mqaddsa. Din hija l-ktieb ewlieni għall-istudju tagħna li nirreferu għalih spiss. Għalhekk huwa tajjeb li nsegwu dak li jintqal fil-laqgħat Kristjani billi niftħu l-Bibbji tagħna. Il-benefiċċji li jiġu jekk nagħmlu dan jistgħu jidhru mir-rakkont dwar l-ewnuku Etjopjan, imniżżel f’Atti kapitlu 8.
17. X’ġara fil-każ taʼ l-ewnuku Etjopjan, u dan x’juri?
17 L-ewnuku Etjopjan kien ikkonverta għall-Ġudaiżmu. Hu kien jemmen sinċerament f’Alla, u kien jistudja l-Iskrittura. Waqt li kien qed jivvjaġġa fil-karru tiegħu, l-ewnuku kien qed jaqra silta minn Isaija meta Filippu ġera għal ħdejh u staqsieh: “Dan li qed taqra qiegħed tifhmu?” X’wieġbu l-ewnuku? “‘Kif nistaʼ nifhem jekk xi ħadd ma jurinix?’ Mbagħad stieden lil Filippu biex jitlaʼ bilqiegħda ħdejh.” Imbagħad Filippu, bid-direzzjoni taʼ l-ispirtu, għen lill-ewnuku jifhem il-profezija taʼ Isaija. (Atti 8:27-35) Dan x’juri? Li l-qari tagħna tal-Bibbja fil-privat m’huwiex biżżejjed. Jehovah, bl-ispirtu tiegħu, juża l-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret biex tgħinna nifhmu l-Kelma tiegħu fil-ħin u fil-waqt. Dan kif isir?—Mattew 24:45-47; Luqa 12:42.
18. Il-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret kif tgħinna?
18 Għalkemm il-klassi taʼ l-ilsir hija deskritta bħala leali u diskreta, Ġesù ma qalx li kienet se tkun infallibbli. Dan il-grupp t’aħwa midlukin leali għadu magħmul minn Kristjani imperfetti. Avolja bl-aħjar intenzjonijiet, dawn jistgħu jieħdu żball, bħalma kultant ħadu xi wħud fl-ewwel seklu. (Atti 10:9-15; Galatin 2:8, 11-14) Madankollu, il-motiv tagħhom huwa pur, u Jehovah qed jużahom biex jipprovdulna l-għajnuniet għall-istudju tal-Bibbja biex nibnu l-fidi tagħna fil-Kelma t’Alla u l-wegħdi tiegħu. Il-provvediment bażiku li tana l-ilsir għall-istudju persunali huwa n-New World Translation of the Holy Scriptures. Din issa hi disponibbli, jew sħiħa jew partijiet minnha, bi 42 lingwa, u ġew stampati 114-il kopja tagħha f’diversi edizzjonijiet. Kif nistgħu nużawha b’mod effettiv fl-istudju persunali tagħna?—2 Timotju 3:14-17.
19. Liema huma xi karatteristiċi tan-New World Translation—With References li jistgħu jkunu t’għajnuna fl-istudju persunali?
19 Ħu per eżempju n-New World Translation of the Holy Scriptures—With References. Din għandha kolonni taʼ referenzi marġinali, noti taʼ taħt, indiċi żgħir tal-kliem f’għamla taʼ “Bible Words Indexed” u “Footnote Words Indexed,” u Appendiċi estensiva li tkopri 43 suġġett, inkluż mapep u tabelli. Hemm ukoll l-“Introduction,” li tagħti spjegazzjoni dwar il-ħafna sorsi użati għal din it-traduzzjoni unika tal-Bibbja. Jekk inhi disponibbli b’lingwa li tistaʼ tifhem, agħmel li tistaʼ biex issir midħla taʼ dawn il-karatteristiċi u użahom. Fi kwalunkwe każ, il-Bibbja hija l-pedament għall-programm taʼ studju tagħna, u permezz tan-New World Translation, għandna verżjoni li b’mod xieraq tenfasizza l-isem divin hekk kif tiġbed l-attenzjoni lejn il-ħakma tas-Saltna t’Alla.—Salm 149:1-9; Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10.
20. Issa liema mistoqsijiet dwar l-istudju persunali jeħtieġu tweġiba?
20 Issa, għandna mnejn nistaqsu: ‘Liema għajnuna oħra għandna bżonn biex nifhmu l-Bibbja? Kif nistgħu nippjanaw il-ħin għall-istudju persunali? Kif nistgħu nagħmlu l-istudju tagħna iktar effettiv? L-istudju tagħna kif għandu jeffettwa lil oħrajn?’ L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn l-aspetti vitali tal-progress Kristjan tagħna.
-
-
Studju Persunali li Jħejjina biex Inkunu Għalliema EffettiviIt-Torri tal-Għassa—2002 | Diċembru 1
-
-
Studju Persunali li Jħejjina biex Inkunu Għalliema Effettivi
“Dawn il-ħwejjeġ ħu ħsiebhom, agħti ruħek għalihom, biex kulħadd jara li int miexi ’l quddiem. Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek.” —1 TIMOTJU 4:15, 16.
1. X’inhi l-verità dwar il-ħin u l-istudju persunali?
“KOLLOX għandu żmienu,” tgħid il-Bibbja f’Koħèlet 3:1. Dan żgur li japplika għall-istudju persunali. Ħafna jsibuha iebsa li jimmeditaw fuq affarijiet spiritwali jekk ma jkunx f’ħin tajjeb jew ma jkunux f’post addattat. Per eżempju, wara ġurnata mimlija xogħol u ikla kbira fil-għaxija, se jkollok aptit tistudja, speċjalment jekk tkun intfajt fuq il-pultruna favorita tiegħek quddiem it-TV? Ma tantx. Mela, x’inhi s-soluzzjoni? B’mod ċar, għandna nagħżlu meta u fejn nistudjaw bl-għan li nibbenefikaw kemm nistgħu mill-isforzi tagħna.
2. Taʼ spiss liema jkun l-aħjar ħin għall-istudju persunali?
2 Ħafna jsibu li l-aħjar ħin għalihom biex jistudjaw huwa l-ewwel ħaġa fil-għodu meta normalment ikunu l-iktar imqajmin. Oħrajn jużaw il-waqfa taʼ nofsinhar biex jagħmlu ftit ħin jistudjaw. Fl-eżempji li ġejjin, innota r-referenza għall-ħin meta jsiru attivitajiet spiritwali importanti. Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem kiteb: “Fakkarni mas-sebħ fi tjubitek, għax fik jien nittama. Għarrafni t-triq li minnha għandi ngħaddi, għax lejk jien nerfaʼ ruħi.” (Salm 143:8) Il-profeta Isaija wera apprezzament simili meta qal: “Sidi l-Mulej tani lsien taʼ wieħed jitgħallem, biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma. Taʼ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti, biex nismaʼ bħal wieħed jitgħallem.” Il-punt hu li għandna bżonn nistudjaw u nikkomunikaw intimament maʼ Jehovah meta nkunu fl-aqwa tagħna mentalment, ikun xi jkun il-ħin tal-ġurnata.—Isaija 50:4, 5; Salm 5:4 (5:3, NW); 88:14 (88:13, NW).
3. Liema huma l-aħjar kundizzjonijiet għal studju effettiv?
3 Fattur ieħor għal studju effettiv hu li m’għandniex nagħżlu li npoġġu fuq l-iktar pultruna jew sufan komdu. Dan m’huwiex se jżommna mqajmin. Meta nkunu qed nistudjaw, moħħna jrid jiġi inkuraġġit jaħdem, u wisq kumdità fiżika donnha tagħmel l-oppost. Għall-istudju u l-meditazzjoni jkun aħjar ukoll li jkun hemm il-kwiet u ma jkunx hemm affarijiet xi jtellfu. Mhux se jkollok l-aħjar riżultati jekk tipprova tistudja meta r-radju, it-TV, jew it-tfal ikunu qed jikkompetu għall-attenzjoni tiegħek. Meta Ġesù ried jimmedita, hu telaq lejn post fil-kwiet. Hu tkellem ukoll dwar il-valur taʼ li ssib post privat biex titlob.—Mattew 6:6; 14:13; Mark 6:30-32.
Studju Persunali li Jħejjina biex Inwieġbu
4, 5. Il-browxer X’Jirrikjedi b’liema modi huwa t’għajnuna prattika?
4 L-istudju persunali jkun sodisfaċenti meta nużaw id-diversi għajnuniet għall-fehma tal-Bibbja biex inħaffru iżjed fil-fond f’xi suġġett, speċjalment meta nagħmlu dan biex inwieġbu l-mistoqsijiet taʼ xi ħadd sinċier. (1 Timotju 1:4; 2 Timotju 2:23) Ħafna wħud ġodda bdew billi jistudjaw il-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?,a li issa huwa disponibbli b’261 lingwa. Dan huwa pubblikazzjoni sempliċi ħafna imma preċiża, ibbażata għalkollox fuq il-Bibbja. Jgħin lill-qarrejja tiegħu biex fi żmien qasir jifhmu x’jirrikjedi Alla għall-qima vera. Madankollu, il-mod kif inhu mqassam ma jippermettix studju dettaljat taʼ kull suġġett. Jekk l-istudent tiegħek tal-Bibbja jqajjem mistoqsijiet serji dwar ċerti suġġetti Bibliċi li tkunu qed tiddiskutu, kif tistaʼ ssib iktar informazzjoni Biblika li se tgħinu jwieġeb dawk il-mistoqsijiet?
5 Għal dawk li għandhom il-Watchtower Library fuq is-CD-ROM bil-lingwa tagħhom, huwa faċli li jilħqu għadd kbir taʼ sorsi taʼ informazzjoni fuq xi kompjuter. Imma xi ngħidu għal dawk li m’għandhomx din l-għodda? Ejja neżaminaw żewġ suġġetti li huma kunsidrati fil-browxer X’Jirrikjedi sabiex naraw kif nistgħu nżidu l-fehma tagħna u nkunu nistgħu nwieġbu iktar fid-dettall—speċjalment jekk xi ħadd jistaqsi mistoqsijiet bħal, Min hu Alla, u kif kien tassew Ġesù?—Eżodu 5:2; Luqa 9:18-20; 1 Pietru 3:15.
Min Hu Alla?
6, 7. (a) Liema mistoqsija tqum rigward Alla? (b) Ċertu qassis liema ħaġa importanti ħalla barra meta kien qed jagħti taħdita?
6 Lezzjoni numru 2 fil-browxer X’Jirrikjedi twieġeb il-mistoqsija vitali, Min hu Alla? Dan huwa punt fundamentali għaliex persuna ma tistax tqim lil dak Alla veru jekk ma tkunx tafu jew forsi tiddubita li jeżisti. (Rumani 1:19, 20; Lhud 11:6) Madankollu, in-nies mad-dinja kollha għandhom mijiet taʼ ideat dwar min hu Alla. (1 Korintin 8:4-6) Kull filosofija reliġjuża għandha tweġiba differenti għall-mistoqsija dwar l-identità t’Alla. Fil-Kristjaneżmu, il-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet iqisu lil Alla bħala Trinità. Qassis famuż fl-Istati Uniti ta taħdita li kien jisimha “Tafu lil Alla?” imma lanqas darba fid-diskors tiegħu ma semma l-isem divin, avolja kkwota kemm-il darba mill-Iskrittura Ebrajka. M’għandniex xi ngħidu, hu qara minn traduzzjoni tal-Bibbja li tuża l-kelma ambigwa u anonima “Mulej” minflok Jehovah jew Jaħweh.
7 X’punt vitali qabiżlu lil dan il-qassis meta kkwota Ġeremija 31:33, 34: “Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: ‘Agħraf il-Mulej’ [Ebrajk, ‘Agħraf lil Jehovah’], għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej [Ebrajk, Jehovah].” It-traduzzjoni li uża neħħiet l-isem divin distint, Jehovah.—Salm 83:19 (83:18, NW).
8. X’juri kemm huwa importanti li jintuża l-isem t’Alla?
8 Salm 8:9 fin-New World Translation juri għala l-użu taʼ l-isem Jehovah huwa daqshekk sinifikanti: “O Jehovah Mulej tagħna, kemm hu maestuż ismek fl-art kollha!” Qabbel dan maʼ: “Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!” (Għaqda Biblika Maltija [vers 10]; ara wkoll Saydon [vers 10], Karm Żammit [vers 9], King James Version [vers 9]) Madankollu, kif semmejna fl-artiklu taʼ qabel, nistgħu niksbu l-għarfien t’Alla jekk inħallu lill-Kelma tiegħu tilluminana. Imma liema għajnuna għall-istudju tal-Bibbja se twiġbilna faċilment il-mistoqsijiet tagħna dwar l-importanza taʼ l-isem divin?—Proverbji 2:1-6.
9. (a) Liema pubblikazzjoni tistaʼ tgħinna nispjegaw l-importanza taʼ li nużaw l-isem divin? (b) Ħafna tradutturi kif naqsu li juru rispett lejn l-isem t’Alla?
9 Nistgħu mmorru fil-browxer The Divine Name That Will Endure Forever (L-Isem Divin li Se Jibqaʼ għal Dejjem), li ġie tradott b’69 lingwa.b Is-sezzjoni intitolata “God’s Name—Its Meaning and Pronunciation” (L-Isem t’Alla—It-Tifsir u l-Pronunzja Tiegħu) (paġni 6-11) turi b’mod ċar li t-Tetragrammaton Ebrajk (mill-Grieg, li jfisser “erbaʼ ittri”) jidher kważi 7,000 darba fil-kitbiet oriġinali Ebrajċi antiki. Madankollu, il-kleru u t-tradutturi tal-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu neħħewh apposta mill-maġġuranza tat-traduzzjonijiet tagħhom tal-Bibbja.c Kif jistgħu jistqarru li jafu lil Alla u kif jistaʼ hu jaċċetta r-relazzjoni tagħhom miegħu jekk ma jridux isejħulu b’ismu? L-isem veru tiegħu jiftaħ it-triq biex wieħed jifhem x’inhuma l-iskopijiet tiegħu u min hu. Iktar minn hekk, x’tiswa l-parti fit-talba mudell taʼ Ġesù “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek” jekk l-isem t’Alla lanqas biss jintuża?—Mattew 6:9; Ġwann 5:43; 17:6.
Min Hu Ġesù Kristu?
10. B’liema modi nistgħu niksbu stampa kompluta tal-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù?
10 Lezzjoni numru 3 fil-browxer X’Jirrikjedi hija intitolata “Min hu Ġesù Kristu?” F’sitt paragrafi biss, din tagħti deskrizzjoni qasira ħafna taʼ Ġesù, l-oriġini tiegħu, u l-iskop għala ġie fuq l-art. Madankollu, jekk trid rakkont komplet taʼ ħajtu m’hemmx aħjar—apparti r-rakkonti taʼ l-Evanġelji stess—mill-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, li huwa disponibbli b’111-il lingwa.* Dan il-ktieb jippreżenta rakkont kronoloġiku komplut tal-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristu, ibbażat fuq l-erbaʼ Evanġelji. Fih 133 kapitlu, u dawn ikopru l-ġrajjiet fil-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù. Għal metodu differenti u analitiku, tistaʼ tirreferi għall-Insight, it-2 Volum, taħt it-titlu “Jesus Christ” (Ġesù Kristu).
11. (a) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif inhuma differenti fit-twemmin tagħhom dwar Ġesù? (b) X’inhuma xi versi Bibliċi li b’mod ċar juru li d-duttrina tat-Trinità hija żbaljata, u liema pubblikazzjoni hija t’għajnuna f’dan ir-rigward?
11 Fil-Kristjaneżmu, il-kontroversja rigward Ġesù tiċċentra fuq jekk huwiex “l-Iben t’Alla” kif ukoll “Alla l-Iben”—fi kliem ieħor id-dibattitu fuq it-Trinità, li Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jsejħilha “l-misteru ewlieni tal-fidi . . . nisranija.” Ix-Xhieda taʼ Jehovah, b’differenza għar-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu, jemmnu li Ġesù huwa t’oriġini divina imma m’huwiex Alla. Diskussjoni eċċellenti dwar dan is-suġġett tinsab fil-browxer Għandek Int Temmen fit-Trinità?, tradott b’95 lingwa.d Fost l-għadd taʼ skritturi li juża biex juri li d-duttrina tat-Trinità hija żbaljata hemm Mark 13:32 u l-1 Korintin 15:24, 28.
12. Liema mistoqsija oħra jixirqilha l-attenzjoni tagħna?
12 Id-diskussjonijiet li għadna kemm semmejna rigward Alla u Ġesù Kristu qegħdin biex juru kif nistgħu nagħmlu studju persunali bl-għan li ngħinu lil dawk li m’humiex midħla tal-verità Biblika ħalli jiksbu għarfien eżatt. (Ġwann 17:3) Iżda, xi ngħidu għal dawk li ilhom jissieħbu mal-kongregazzjoni Kristjana għal bosta snin? Bl-għarfien Bibliku kollu li ġabru tul iż-żmien, għandhom huma xorta l-bżonn li jgħassu, jew joqogħdu attenti, għall-istudju persunali tal-Kelma taʼ Jehovah?
Għala ‘Ngħassu’?
13. Xi wħud liema ħarsa żbaljata jistaʼ jkollhom dwar l-istudju persunali?
13 Xi wħud li ilhom membri tal-kongregazzjoni għal bosta snin jistgħu jieħdu l-vizzju li jistrieħu biss fuq l-għarfien Bibliku li jkunu ħadu fl-ewwel ftit snin bħala Xhieda taʼ Jehovah. Faċli li wieħed jirraġuna: “M’għandix għalfejn nistudja bis-serjetà daqs dawk li huma iktar ġodda. Wara kollox, ara kemm-il darba għaddejt il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet Bibliċi tul is-snin.” Dan ikun daqslikieku qed jgħid: “M’hemmx għalfejn noqgħod attent dwar kemm niekol issa, għax ara kemm-il ikla kilt fil-passat.” Nafu li l-ġisem jeħtieġ kontinwament in-nutriment minn ikel tajjeb u preparat sew sabiex inżommuh f’saħħtu u attiv. Kemm iktar japplika dan biex inżommu s-saħħa u l-qawwa spiritwali tagħna!—Lhud 5:12-14.
14. Għala għandna bżonn ngħassu fuqna nfusna kontinwament?
14 Mela, ilkoll kemm aħna, sew jekk ilna ħafna nistudjaw il-Bibbja u sew jekk le, għandna bżonn nisimgħu mill-parir taʼ Pawlu lil Timotju, li sa dakinhar kien indokratur matur u responsabbli: “Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek; żomm sħiħ f’dawn il-ħwejjeġ, għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” (1 Timotju 4:15, 16) Għala għandna noqogħdu attenti ħafna għall-parir taʼ Pawlu? Ftakar, Pawlu wkoll ġibed l-attenzjoni li aħna għandna ġlieda kontra “t-tnassis [atti makakki] tax-Xitan” u “kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.” U l-appostlu Pietru wissa li x-Xitan qiegħed “ifittex ’il min sa jiblaʼ,” u dan jistaʼ jkun kwalunkwe wieħed minna. Jekk inħossuna sodisfatti bina nfusna mingħajr ma nindunaw bil-periklu nistgħu nkunu qed nagħtuh l-opportunità li jkun qed ifittex.—Efesin 6:11, 12; 1 Pietru 5:8.
15. Liema difiża spiritwali għandna, u kif nistgħu nżommuha f’qagħda tajba?
15 Allura, x’difiża għandna? L-appostlu Pawlu jfakkarna: “Ħudu fuqkom l-armatura taʼ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, żżommu weqfin.” (Efesin 6:13) L-effettività taʼ din l-armatura spiritwali ma tiddependix biss mill-kwalità tagħha fil-bidu imma wkoll mill-manutenzjoni regulari. Għalhekk, din l-armatura kompluta li jipprovdi Alla għandha tinkludi għarfien aġġornat tal-Kelma t’Alla. Dan jenfasizza l-importanza taʼ li nżommu ruħna aġġornati mal-fehma tagħna tal-verità kif rivelata minn Jehovah permezz tal-Kelma tiegħu u permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u diskret. L-istudju persunali tal-Bibbja u tal-pubblikazzjonijiet Bibliċi b’mod regulari huwa vitali għall-manutenzjoni taʼ l-armatura spiritwali tagħna.—Mattew 24:45-47; Efesin 6:14, 15.
16. X’nistgħu nagħmlu biex inkunu ċerti li “t-tarka tal-fidi” tagħna tinsab f’qagħda tajba?
16 Bħala parti essenzjali mill-armatura tagħna li tipprovdilna difiża, Pawlu jenfasizza “t-tarka tal-fidi,” li biha nistgħu nbiegħdu u nitfu l-vleġeġ tan-nar t’akkużi foloz u tagħlim apostat li jitfaʼ Satana. (Efesin 6:16) Għalhekk, huwa essenzjali li niċċekkjaw kemm hija b’saħħitha t-tarka tal-fidi tagħna u liema passi rridu nieħdu biex inżommuha f’qagħda tajba u nsaħħuha. Per eżempju, tistaʼ tistaqsi: ‘Kif nipprepara għall-istudju tal-Bibbja taʼ kull ġimgħa bl-użu taʼ It-Torri taʼ l-Għassa? Studjajt biżżejjed sabiex inkun nistaʼ ‘nħajjar lil ħaddieħor għall-imħabba u għall-għemil tajjeb’ billi nagħti kummenti maħsubin tajjeb waqt il-laqgħa? Niftaħha l-Bibbja biex naqra l-iskritturi li jkun hemm referenza għalihom imma li ma jkunux kwotati? Ninkuraġġixxi lill-oħrajn billi nieħu sehem fil-laqgħat b’entużjażmu?’ L-ikel spiritwali tagħna huwa solidu, u hemm bżonn li nomogħduh sew biex nibbenefikaw bis-sħiħ.—Lhud 5:14; 10:24.
17. (a) Liema velenu qed juża Satana biex jipprova jkissrilna l-ispiritwalità tagħna? (b) X’inhu r-rimedju għall-velenu taʼ Satana?
17 Satana jaf id-dgħjufijiet tal-ġisem imperfett, u t-tnassis tiegħu huwa sottili. Mod wieħed kif ixerred l-influwenza ħażina tiegħu hu billi jagħmilha faċli ħafna li wieħed isib il-pornografija fuq it-TV, l-Internet, il-vidjos, u l-pubblikazzjonijiet stampati. Xi Kristjani ppermettew lil dan il-velenu jippenetra fid-difiżi tagħhom li jkunu ddgħajfu, u dan wassalhom biex jitilfu l-privileġġi fil-kongregazzjoni jew saħansitra għal konsegwenzi iktar serji. (Efesin 4:17-19) X’inhu r-rimedju għall-velenu spiritwali taʼ Satana? M’għandna qatt nittraskuraw l-istudju persunali u regulari tal-Bibbja, il-laqgħat Kristjani tagħna, u l-armatura sħiħa mogħtija minn Alla. Flimkien, dawn jagħtuna l-abbiltà li nagħrfu bejn it-tajjeb u l-ħażin u li nobogħdu dak li Alla jobgħod.—Salm 97:10; Rumani 12:9.
18. “Ix-xabla taʼ l-Ispirtu” kif tistaʼ tgħinna fil-ġlieda spiritwali tagħna?
18 Jekk inżommu d-drawwiet regulari tagħna taʼ studju tal-Bibbja, mhux biss se jkollna d-difiża b’saħħitha li tiġi mill-għarfien eżatt tal-Kelma t’Alla imma wkoll il-mezz biex nattakkaw b’mod effettiv permezz tax-“xabla taʼ l-Ispirtu li hi l-kelma taʼ Alla.” Il-kelma t’Alla “taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Efesin 6:17; Lhud 4:12) Jekk nitgħallmu nużaw dik “ix-xabla” bis-sengħa, imbagħad meta niffaċċjaw it-tentazzjonijiet, m’aħniex se nitqarrqu minn dak li jidher li ma jagħmilx ħsara, jew saħansitra jidher attraenti, imma nikxfuh bħala nassa qattiela tal-wieħed ħażin. Il-ħażna tagħna t’għarfien u fehma tal-Bibbja se tgħinna nirrifjutaw dak li hu ħażin u nagħmlu dak li hu tajjeb. Għalhekk, kull wieħed minna għandu bżonn jistaqsi lilu nnifsu: ‘Ix-xabla tiegħi msinna, jew imsadda? Insibha iebsa biex niftakar versi mill-Bibbja li jistgħu jsaħħu l-attakk tagħna?’ Ejja nżommu d-drawwiet tajbin tagħna taʼ studju persunali tal-Bibbja, u b’hekk nirreżistu lix-Xitan.—Efesin 4:22-24.
-