LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Tħalli Xejn Ibiegħdek Minn Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa—2013 | Jannar 15
    • Tħalli Xejn Ibiegħdek Minn Ġeħova

      “Agħżlu għalikom infuskom illum lil min se taqdu.”—ĠOŻ. 24:15.

      IPPROVA WIEĠEB

      • Kif tistaʼ żżomm l-​impjieg sekulari fil-​post xieraq tiegħu?

      • Kif tistaʼ turi bilanċ fir-​rikreazzjoni u d-​divertiment?

      • Jekk membru tal-​familja jitlaq lil Ġeħova, kif tistaʼ tkampa man-​niket tiegħek?

      1-3. (a) Ġożwè għala hu eżempju tajjeb għalina? (b) X’għandna nżommu f’moħħna meta niffaċċjaw deċiżjonijiet?

      L-​GĦAŻLIET li nagħmlu huma importanti ferm. Iħalluna nikkontrollaw kif nużaw ħajjitna. Dan hu simili għal meta individwu jkun miexi fi triq li tinqasam f’żewġ toroq separati. Ikollu jagħżel minn liema waħda se jgħaddi. X’aktarx se jagħżel it-​triq li twasslu eqreb taʼ fejn irid imur minflok ma jagħżel it-​triq li tbiegħdu mid-​destinazzjoni tiegħu.

      2 Il-​Bibbja fiha għadd t’eżempji taʼ wħud li ffaċċjaw sitwazzjoni simili. Pereżempju, Kajjin kellu jiddeċiedi jekk jikkontrollax ir-​rabja tiegħu jew le. (Ġen. 4:6, 7) Ġożwè kellu jagħżel bejn li jaqdi lill-​Alla l-​veru jew li jqim lil allat foloz. (Ġoż. 24:15) Il-​mira taʼ Ġożwè kienet li jibqaʼ qrib Ġeħova; għalhekk, għażel triq li ħaditu f’din id-​direzzjoni. Kajjin ma kellux mira bħal din u għażel triq li begħditu minn Ġeħova.

      3 Kultant aħna wkoll ikollna nieħdu deċiżjonijiet importanti sabiex inkunu nistgħu nibqgħu fit-​triq it-​tajba. Irridu niftakru li l-​għażliet tagħna jistgħu jew iġibu glorja lil Ġeħova u jgħinuna nibqgħu qrib tiegħu jew jistgħu jifirduna minnu. (Aqra Ebrej 3:12.) F’dan l-​artiklu u f’taʼ warajh se neżaminaw sebaʼ oqsma fil-​ħajja li fihom m’għandna nħallu xejn ibegħedna minn Ġeħova.

      L-​IMPJIEG U L-​KARRIERA

      4. Għala hu importanti li naħdmu?

      4 Il-​Kristjani għandhom l-​obbligu li jmantnu lilhom infushom u lill-​familji tagħhom. Il-​Bibbja turi li jekk xi ħadd ma jridx jipprovdi għal dawk taʼ daru, ikun agħar minn bniedem li ma jemminx jew bniedem li ċaħad lil Ġeħova. (2 Tess. 3:10; 1 Tim. 5:8) B’mod ċar, l-​impjieg sekulari hu parti importanti mill-​ħajja, imma jekk ma toqgħodx attent, l-​impjieg u l-​karriera jistgħu jbegħduk minn Ġeħova. Kif?

      5. X’għandek tikkunsidra qabel ma taċċetta impjieg?

      5 Ejja ngħidu li qed tfittex xogħol. Jekk tgħix f’pajjiż fejn hu diffiċli ssib impjieg, forsi titħajjar taċċetta l-​ewwel offerta taʼ xogħol li tinqalaʼ—ikun xi jkun ix-​xogħol. Però, xi ngħidu jekk it-​tip taʼ xogħol imur kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja? Xi ngħidu jekk l-​iskeda jew l-​ivvjaġġar involut se jfixkel l-​attività Kristjana tiegħek jew jiħodlok mill-​ħin tal-​familja? Għandek int taċċetta l-​offerta xorta waħda, billi tirraġuna li aħjar xogħol mhux adattat milli bla xogħol? Ftakar, l-​għażla tiegħek tistaʼ jew tgħinek tibqaʼ qrib Ġeħova jew tifirdek minnu. (Ebr. 2:1) Kemm jekk għandek bżonn xogħol u kemm jekk qed taħseb biex tbiddel dak li għandek, kif tistaʼ tieħu deċiżjoni għaqlija?

      6, 7. (a) Liema miri jistaʼ jkollu bniedem rigward ix-​xogħol sekulari? (b) Liema mira se tressqek eqreb lejn Ġeħova, u għala?

      6 Bħalma ssemma qabel, żomm f’moħħok id-​destinazzjoni tiegħek. Staqsi lilek innifsek, ‘X’qed nistenna mix-​xogħol tiegħi?’ Jekk l-​iskop prinċipali tax-​xogħol tiegħek hu biex tmantni lilek innifsek u lil familtek ħalli tkun tistaʼ tibqaʼ taqdi lil Ġeħova, hu se jbierek l-​isforzi tiegħek. (Mt. 6:33) Ġeħova jaf kif jgħinek meta f’daqqa waħda titlef l-​impjieg jew meta l-​ekonomija tmajna. (Is. 59:1) Hu “jaf kif jeħles mill-​provi lil dawk li huma devoti lejh.”—2 Pt. 2:9.

      7 Mill-​banda l-​oħra, xi ngħidu jekk il-​mira tiegħek hi biss li ssir sinjur? Forsi jirnexxilek. Imma hu perikoluż li taħdem biss biex tkun sinjur. (Aqra l-​1 Timotju 6:9, 10.) Jekk il-​flus u l-​karriera huma l-​iktar affarijiet importanti f’ħajtek, int se tispiċċa tinfired minn Ġeħova.

      8, 9. Il-​ġenituri x’għandhom jikkunsidraw rigward l-​attitudni tagħhom lejn ix-​xogħol sekulari? Spjega.

      8 Jekk int ġenitur, aħseb dwar kif l-​eżempju tiegħek jeffettwa lil uliedek. Huma x’jaħsbu li hi l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek—il-​karriera tiegħek jew il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova? Jekk jaraw li l-​istat soċjali, il-​prestiġju, u l-​flus għandhom l-​ewwel post f’ħajtek, jistaʼ jkun li jagħmlu bħalek u jaqbdu din it-​triq li twassal għal diżastru? Jistgħu jitilfu r-​rispett għalik bħala ġenitur? Żagħżugħa Kristjana tgħid: “Lil missieri dejjem nafu preokkupat b’xogħlu. Għall-​ewwel, kien jidher li kien jaħdem daqstant iebes għax ried li l-​familja tagħna jkollha l-​aqwa u l-​aħjar. Hu ried li ma jkun jonqosna xejn. Imma fis-​snin reċenti, xi ħaġa nbidlet. Hu jaħdem bla waqfien, u mbagħad iġib lura d-​dar affarijiet lussużi minflok il-​bżonnijiet. Minħabba f’hekk, aħna magħrufin bħala l-​familja li għandha ħafna flus minflok bħala l-​familja li tinkuraġġixxi lil oħrajn f’affarijiet spiritwali.” Hi tgħid li tkun iktar ferħana jekk missierha jaħdem iebes biex iżomm lill-​familja qrib Ġeħova minflok ma jaħdem iebes biex jaqlaʼ ħafna flus.

      9 Ġenituri, tbegħdux lilkom infuskom minn Ġeħova billi tpoġġu enfasi żejda fuq il-​karriera tagħkom. Bl-​eżempju tagħkom, uru lil uliedkom li verament temmnu li l-​akbar ġid li jistaʼ jkollna hu spiritwali, mhux materjali.—Mt. 5:3.

      10. Żagħżugħ x’jistaʼ jikkunsidra meta jkun se jagħżel karriera?

      10 Jekk int żagħżugħ li qed taħseb x’karriera se tagħżel, kif tistaʼ tagħmel għażla tajba? Bħalma diġà ġie diskuss, għandek bżonn tkun taf f’liema direzzjoni sejra ħajtek. Jekk qed taħseb dwar li tiġi mħarreġ għal ċertu xogħol, se jgħinek dan ix-​xogħol tagħmel is-​servizz taʼ Ġeħova l-​iktar ħaġa importanti f’ħajtek? Jew se jifirdek minn Ġeħova? (2 Tim. 4:10) Int trid tkun bħan-​nies fid-​dinja li huma ferħanin biss meta jkollhom ħafna flus? Jew se tafda f’Ġeħova bħalma għamel David? Hu kiteb: “Kont żagħżugħ, u issa xjaħt, u madankollu qatt ma rajt lil xi ħadd ġust abbandunat għalkollox, lanqas lil uliedu jfittxu l-​ħobż.” (Salm 37:25) Ftakar, triq waħda se tbiegħdek minn Ġeħova, filwaqt li t-​triq l-​oħra se twasslek għall-​aqwa ħajja possibbli. (Aqra Proverbji 10:22; Malakija 3:10.) Int liema triq se tagħżel?a

      IR-​RIKREAZZJONI U D-​DIVERTIMENT

      11. Il-​Bibbja x’tgħallimna dwar ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment, imma x’għandna nżommu f’moħħna?

      11 Il-​Bibbja mhijiex kontra li nieħdu pjaċir, lanqas ma tgħid li r-​rikreazzjoni u d-​divertiment huma ħela taʼ ħin. Pawlu kiteb lil Timotju: “It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju għal ftit.” (1 Tim. 4:8) Il-​Bibbja saħansitra tgħid li hemm “żmien li tidħaq” u “żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn,” u tinkuraġġina biex nistrieħu biżżejjed. (Ekk. 3:4; 4:6) Madankollu, jekk ma toqgħodx b’sebaʼ għajnejn, ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment jistgħu jbegħduk minn Ġeħova. Kif? Ħafna mill-​periklu jiddependi minn żewġ aspetti—liema tip tagħżel u kemm tqattaʼ ħin fih.

      Ir-​rikreazzjoni hi tajba għalina meta nagħżlu t-​tip xieraq u nikkontrollaw kemm inqattgħu ħin fiha

      12. X’għandek tikkunsidra meta tagħżel ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment?

      12 L-​ewwel, ikkunsidra x’tip taʼ rikreazzjoni u divertiment għandek tagħżel. Serraħ moħħok li tistaʼ ssib dawk li huma tajbin. Imma ħafna mid-​divertiment fid-​dinja jinvolvi affarijiet li Alla jobgħod, inkluż il-​vjolenza, l-​ispiritiżmu, u s-​sess immorali. Għalhekk, għandek bżonn tifli t-​tip taʼ rikreazzjoni u divertiment li tieħu sehem fih. X’effett għandu fuqek? Iqanqal fik spirtu taʼ vjolenza, kompetizzjoni qawwija, jew nazzjonaliżmu? (Prov. 3:31) Iħallik bla flus? Jistaʼ jfixkel lil oħrajn? (Rum. 14:21) L-​għażla tiegħek taʼ rikreazzjoni u divertiment maʼ liema tip taʼ nies iġġibek f’kuntatt? (Prov. 13:20) Tqanqal fik xewqa li tikkommetti għemejjel ħżiena?—Ġak. 1:14, 15.

      13, 14. X’għandek bżonn tikkunsidra rigward kemm tqattaʼ ħin fir-​rikreazzjoni?

      13 Ikkunsidra wkoll l-​ammont taʼ ħin li tqattaʼ fir-​rikreazzjoni u d-​divertiment. Staqsi lilek innifsek, ‘Inqattaʼ tant ħin fir-​rikreazzjoni li ftit li xejn jifdalli ħin għall-​attivitajiet spiritwali?’ Jekk tqattaʼ wisq ħin fid-​divertiment, mhux se jibqaʼ daqstant pjaċevoli. Infatti, dawk li jżommu l-​ħin tal-​mistrieħ f’postu jgawduh saħansitra iktar. Għala? Għax jafu li l-​ewwel ħadu ħsieb “dak li hu iktar importanti,” allura ma jkollhomx għalfejn iħossuhom ħatjin għax igawdu ftit.—Aqra Filippin 1:10, 11.

      14 Għalkemm jistaʼ jidher taʼ pjaċir li tqattaʼ ħafna ħin fir-​rikreazzjoni, dan jistaʼ jbiegħdek minn Ġeħova. Oħt taʼ 20 sena li jisimha Kim tgħallmet dan mill-​esperjenza. Hi qalet li kienet toħroġ kull nhar taʼ Ġimgħa, Sibt, u Ħadd. Però, issa tara li hemm affarijiet iktar importanti li għandha tagħmel. Hi tgħid: “Pereżempju, bħala pijuniera, inqum fis-​sitta taʼ filgħodu għas-​servizz tal-​għalqa, allura ma nistax nibqaʼ barra sas-​siegħa jew is-​sagħtejn taʼ filgħodu. Naf li mhux kull tip taʼ divertiment hu ħażin, imma jistaʼ jkun taʼ tfixkil kbir. Bħal kull ħaġa oħra, irid jinżamm f’postu.”

      15. Il-​ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom igawdu rikreazzjoni siewja?

      15 Il-​ġenituri huma responsabbli biex jipprovdu materjalment, spiritwalment, u emozzjonalment għalihom infushom u għal uliedhom. Dan jinkludi li jipprovdu rikreazzjoni. Jekk int ġenitur, taħsibx li r-​rikreazzjoni kollha hi ħażina. Veru, xi tipi taʼ rikreazzjoni u divertiment huma ħżiena. (1 Kor. 5:6) Imma jekk tagħmel sforz biex tagħżel ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment b’attenzjoni, tistaʼ ssib modi kif il-​familja tiegħek tieħu pjaċir flimkien.b B’hekk, int u wliedek se tagħżlu triq li se tressaqkom eqreb lejn Ġeħova.

      RELAZZJONIJIET TAL-​FAMILJA

      16, 17. Liema sitwazzjoni taʼ niket esperjenzaw ħafna ġenituri, u kif nafu li Ġeħova jifhem l-​uġigħ tagħhom?

      16 Ir-​rabta bejn il-​ġenituri u t-​tfal hi tant b’saħħitha li Ġeħova uża din ir-​relazzjoni biex juri mħabbtu għall-​poplu tiegħu. (Is. 49:15) Għalhekk, huwa normali li nkunu mnikktin għall-​aħħar meta membru maħbub tal-​familja jitlaq lil Ġeħova. “Kelli qalbi maqsuma,” tgħid oħt li bintha ġiet maqtugħa mis-​sħubija. “Ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Għala telqet lil Ġeħova?’ Ħassejtni ħatja, u waħħalt fija nnifsi.”

      17 Ġeħova jifhem l-​uġigħ tiegħek. Hu nnifsu “ħassu mweġġaʼ f’qalbu” meta l-​ewwel membru tal-​familja umana tiegħu u iktar tard il-​biċċa l-​kbira min-​nies li kienu jgħixu qabel id-​Dilluvju rribellaw. (Ġen. 6:5, 6) Jistaʼ jkun diffiċli għal dawk li qatt ma ġarrbu telfa bħal din biex jifhmu kemm tistaʼ tkun devastanti. Minkejja dan, ikun perikoluż li tħalli l-​kondotta ħażina tal-​membru tal-​familja tiegħek li jkun maqtugħ mis-​sħubija tbiegħdek minn Ġeħova. Kif tistaʼ tkampa man-​niket meta membru tal-​familja jitlaq lil Ġeħova?

      18. Il-​ġenituri għala m’għandhomx iwaħħlu fihom infushom jekk xi ħadd minn uliedhom jitlaq lil Ġeħova?

      18 Twaħħalx fik innifsek għal dak li ġara. Ġeħova ta għażla lill-​bnedmin, u kull membru tal-​familja dedikat u mgħammed għandu “jġorr it-​tagħbija tiegħu” taʼ responsabbiltà. (Gal. 6:5) Fl-​aħħar mill-​aħħar, Ġeħova jżomm lill-​midneb—mhux lilek—responsabbli għall-​għażla tiegħu. (Eżek. 18:20) Ukoll, twaħħalx f’ħaddieħor. Uri rispett għall-​mod kif Ġeħova jiddixxiplina lil niesu. Tagħtix it-​tort lill-​anzjani li qed jipproteġu lill-​kongregazzjoni. Imma ieqaf sod kontra x-​Xitan, u tħallix lil din is-​sitwazzjoni tbiegħdek minn Ġeħova.—1 Pt. 5:8, 9.

      Mhuwiex ħażin li nittamaw li maħbub jerġaʼ lura għand Ġeħova

      19, 20. (a) X’jistgħu jagħmlu l-​ġenituri taʼ tfal maqtugħin mis-​sħubija biex ikampaw man-​niket tagħhom? (b) Liema tama għandhom dawn il-​ġenituri?

      19 X’jiġri jekk tagħżel li tibqaʼ rrabjat maʼ Ġeħova għal dak li ġara lil ibnek jew bintek? Is-​sentimenti tiegħek jistgħu jbegħduk minn Ġeħova. Fir-​realtà, il-​membru għażiż tal-​familja tiegħek jeħtieġ ikun jaf li int determinat li tħobb lil Ġeħova saħansitra iktar milli tħobb lil familtek. Allura biex tkampa man-​niket tiegħek, stinka biex iżżomm ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova b’saħħitha. Assoċja regolarment maʼ ħutek li huma leali. (Prov. 18:1) Iftaħ qalbek maʼ Ġeħova fit-​talb. (Salm 62:7, 8) Tfittixx skużi biex tassoċja maʼ membru tal-​familja li hu maqtugħ mis-​sħubija, pereżempju, bil-​messaġġi jew bl-​e-​mail. (1 Kor. 5:11) Ibqaʼ medhi f’attivitajiet spiritwali. (1 Kor. 15:58) L-​oħt li ssemmiet hawn fuq tgħid, “Naf li rrid nibqaʼ bieżla fis-​servizz taʼ Ġeħova u nżomm ruħi b’saħħti spiritwalment biex meta binti tiġi lura għand Ġeħova, jien inkun lesta biex ngħinha.”

      20 Il-​Bibbja tgħid li l-​imħabba “kollox tittama.” (1 Kor. 13:4, 7) Mhuwiex ħażin li tittama li l-​maħbub tiegħek jerġaʼ lura. Kull sena, ħafna li jkunu dinbu, jindmu u jirritornaw lejn l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Ġeħova ma jibqax irrabjat magħhom wara li jindmu. Għall-​kuntrarju, hu ‘lest li jaħfer.’—Salm 86:5.

      AGĦMEL GĦAŻLIET GĦAQLIN

      21, 22. X’inhi d-​determinazzjoni tiegħek rigward l-​użu tal-​libertà tal-​għażla?

      21 Ġeħova ta lill-​bnedmin il-​libertà tal-​għażla. (Aqra Dewteronomju 30:19, 20.) Imma din il-​libertà ġġib magħha wkoll responsabbiltà li ġġegħelna naħsbu. Kull Kristjan għandu jistaqsi lilu nnifsu: ‘Jien f’liema triq qiegħed? Ħallejt l-​impjieg u l-​karriera, ir-​rikreazzjoni u d-​divertiment, jew ir-​relazzjonijiet tal-​familja jbegħduni minn Ġeħova?’

      22 Ġeħova qatt ma jieqaf iħobb lil niesu. L-​uniku mod li bih nistgħu nitbiegħdu minn Ġeħova hu jekk nagħżlu li naqbdu triq ħażina. (Rum. 8:38, 39) Però, dan m’għandux għalfejn jiġri! Agħmilha d-​determinazzjoni tiegħek li ma tħalli xejn ibiegħdek minn Ġeħova. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti erbaʼ oqsma oħra li fihom tistaʼ turi din id-​determinazzjoni.

      a Għal iktar informazzjoni dwar kif tagħżel karriera, ara kapitlu 38 tal-​ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2.

      b Għal suġġerimenti, ara paġni 17-​19 tal-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Novembru, 2011.

  • Ibqaʼ Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa—2013 | Jannar 15
    • Ibqaʼ Ersaq Qrib Lejn Ġeħova

      “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—ĠAK. 4:8.

      TISTAʼ TISPJEGA?

      • Kif nistgħu nagħmlu ċert li l-​kompjuters, l-​oġġetti elettroniċi, u t-​tħassib dwar saħħitna ma jbegħduniex minn Ġeħova?

      • Kif nistgħu nżommu ħarsa xierqa lejn il-​flus u l-​kburija?

      • Kif nistgħu nibqgħu qrib taʼ Ġeħova?

      1, 2. (a) X’inhuma “l-​pjanijiet” taʼ Satana? (b) X’se jgħinna nersqu qrib lejn Alla?

      ALLA ĠEĦOVA ħalaq lill-​bnedmin bil-​bżonn li jersqu qrib lejh. Però, Satana jridna naħsbu bħalu—li m’għandniex bżonn lil Ġeħova. Satana ilu jipprova jġiegħel lill-​bnedmin jemmnu dan minn mindu gideb lil Eva fil-​ġnien tal-​Għeden. (Ġen. 3:4-​6) U minn dak iż-​żmien ’l hawn, ħafna nies emmnu li m’għandhomx bżonn lil Alla.

      2 B’ferħ, aħna m’għandniex għalfejn naqgħu fin-​nassa taʼ Satana. “Il-​pjanijiet tiegħu nafuhom.” (2 Kor. 2:11) Satana jipprova jbegħedna minn Ġeħova billi jħajjarna nagħmlu għażliet ħżiena. Imma bħalma rajna fl-​artiklu taʼ qabel dan, nistgħu nagħmlu għażliet tajbin rigward il-​karriera, id-​divertiment, u l-​familja. Dan l-​artiklu se juri kif nistgħu ‘nersqu qrib lejn Alla’ jekk nagħmlu għażliet tajbin rigward it-​teknoloġija, is-​saħħa, il-​flus, u l-​kburija.—Ġak. 4:8.

      IT-​TEKNOLOĠIJA

      3. Individwu b’liema modi differenti jistaʼ juża l-​kompjuters u oġġetti elettroniċi simili?

      3 Iktar u iktar nies qed jużaw il-​kompjuters u oġġetti elettroniċi oħrajn. Meta nużaw dawn l-​oġġetti b’mod xieraq, jistgħu jkunu utli ħafna. Imma meta nużawhom b’mod ħażin, jistgħu jbegħduna minn Missierna tas-​sema. Ejja nikkunsidraw il-​kompjuters. Ħutna jużawhom biex jiktbu u jippubblikaw It-​Torri tal-​Għassa. Il-​kompjuters jistgħu jgħinuna nagħmlu riċerka u nikkomunikaw, u tistaʼ tieħu gost tużahom. Imma jekk dawn jogħġbuna ħafna, għandna mnejn inqattgħu wisq ħin naħsbu dwarhom u nużawhom. Hemm ħafna riklami li jgħidulna li għandu jkollna kull oġġett elettroniku ġdid li joħroġ. Wieħed żagħżugħ tant ried ċertu kompjuter li bil-​moħbi neħħa waħda mill-​kliewi tiegħu u biegħha biex ikun jistaʼ jixtri l-​kompjuter. Kemm hi ħaġa tal-​biki!

      4. Ħu kif biddel id-​drawwa ħażina tiegħu li juża wisq il-​kompjuter?

      4 Huwa saħansitra agħar li nħallu oġġetti elettroniċi jagħmlu l-​ħsara lir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova. Nistgħu nqattgħu wisq ħin nużawhom jew nużawhom b’modi ħżiena. Ħu jismu Jon, li għandu kważi 30 sena, qal li kien qed iqattaʼ wisq ħin fuq il-​kompjuter minflok ma jistudja.a Spiss kien jibqaʼ mqajjem tard bil-​lejl fuq l-​Internet. Hu qal li iktar ma kien ikun għajjien, iktar kien ikun diffiċli li jieqaf jitkellem onlajn jew jara l-​vidjows, anki xi ftit li ma kinux xierqa. Hu ried ibiddel din id-​drawwa, u allura pprogramma l-​kompjuter tiegħu biex jintefa waħdu fil-​ħin li suppost imur jorqod.—Aqra Efesin 5:15, 16.

      Ġenituri, għinu lil uliedkom jużaw it-​teknoloġija bil-​għaqal

      5, 6. (a) Xi dmirijiet għandhom il-​ġenituri lejn uliedhom? (b) Il-​ġenituri kif jistgħu jagħmlu ċert li wliedhom ikollhom sħubija tajba?

      5 Ġenituri, m’għandkomx għalfejn tikkontrollaw kull pass taʼ wliedkom, imma għandkom bżonn toqogħdu attenti għal kif jużaw il-​kompjuter. Tħalluhomx jidħlu f’Websajts immorali jew spiritistiċi, jilagħbu logħob vjolenti, jew jitkellmu maʼ nies ħżiena fuq l-​Internet. Jekk tħalluhom jagħmlu kulma jridu basta ma jdejqukomx, għandhom mnejn jaħsbu li dawn l-​affarijiet mhumiex ħżiena. Bħala ġenituri, huwa dmirkom li tipproteġu lil uliedkom—inkluż l-​adoloxxenti—minn kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tbegħedhom minn Ġeħova. Anki l-​annimali jipproteġu liż-​żgħar tagħhom mill-​periklu. Immaġina x’tagħmel orsa jekk xi ħadd jipprova jweġġaʼ lill-​frieħ tagħha!—Qabbel Ħosea 13:8.

      6 Għinu lil uliedkom jissieħbu maʼ Kristjani taʼ kull età li jagħmlu għażliet tajbin. U ftakar, uliedkom għandhom bżonn lilkom biex tqattgħu ħin magħhom! Għalhekk, warrbu l-​ħin biex tidħqu, tilagħbu, taħdmu, u ‘tersqu qrib lejn Alla’ flimkien.b

      IS-​SAĦĦA

      7. Għala lkoll irridu nibqgħu f’saħħitna?

      7 “Kif qed tħossok?” Din l-​espressjoni komuni tikxef realtà kerha. Peress li l-​ewwel ġenituri tagħna ħallew lil Satana jbegħedhom minn Ġeħova, aħna lkoll nistgħu nimirdu. Satana jieħu gost meta nimirdu għax meta nkunu morda jkun iktar diffiċli għalina biex naqdu lil Ġeħova. U jekk immutu, żgur li ma nkunux nistgħu naqduh. (Salm 115:17) Allura, naturalment irridu nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu f’saħħitna.c U għandu jinteressana wkoll mis-​saħħa taʼ ħutna.

      8, 9. (a) Kif nistgħu nevitaw l-​estremitajiet rigward is-​saħħa? (b) Kif nibbenefikaw meta nikkultivaw il-​ferħ?

      8 Madankollu, huwa importanti li nevitaw l-​estremitajiet. Xi wħud iqattgħu iktar ħin jitkellmu dwar ċerti dieti, kuri tas-​saħħa, jew prodotti tas-​saħħa u tas-​sbuħija milli jqattgħu jippritkaw dwar is-​Saltna t’Alla. Għandhom mnejn verament jemmnu li qed jgħinu lil oħrajn. Imma m’għandniex nużaw is-​Sala tas-​Saltna, l-​assembleat, jew il-​konvenzjonijiet tagħna biex inbigħu prodotti jew nirriklamaw l-​ideat tagħna dwar is-​saħħa. Għala le?

      9 Aħna niltaqgħu flimkien biex niddiskutu affarijiet spiritwali u biex inżidu l-​ferħ tagħna, li jiġi mill-​ispirtu qaddis t’Alla. (Gal. 5:22) L-​iskop tal-​laqgħat mhuwiex biex nitkellmu dwar kuri u prodotti tas-​saħħa, anki jekk xi ħadd ieħor ikun jixtieq jitkellem dwarhom. Jekk nagħmlu dan nistgħu nġiegħlu lil oħrajn jitilfu l-​ferħ tagħhom. (Rum. 14:17) Ħalli lin-​nies jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom stess dwar kif se jieħdu ħsieb saħħithom. Wara kollox, ħadd m’għandu soluzzjoni għall-​mard kollu. Anki l-​aqwa tobba jixjieħu u jimirdu, u eventwalment imutu. U mbilli noqogħdu ninkwetaw iżżejjed dwar saħħitna mhux se ntawlu ħajjitna. (Lq. 12:25) Mill-​banda l-​oħra, “qalb ferriħija tajba biex tfejjaq.”—Prov. 17:22.

      10. (a) Liema kwalitajiet huma sbieħ għal Ġeħova? (b) Kif nistgħu ngawdu l-​aqwa saħħa possibbli?

      10 B’mod simili, huwa xieraq li jinteressana mid-​dehra tagħna. Imma m’għandniex għalfejn nitħabtu ħafna biex inneħħu kull sinjal tax-​xjuħija. Dawn is-​sinjali jistgħu jkunu evidenza taʼ maturità, dinjità, u sbuħija ġewwinija. Pereżempju, il-​Bibbja tgħid: “Ix-​xagħar griż hu kuruna taʼ sbuħija meta jkun fit-​triq tas-​sewwa.” (Prov. 16:31) Ġeħova hekk iqisna, u aħna għandna nipprovaw inqisu lilna nfusna bħalma jqisna hu. (Aqra l-​1 Pietru 3:3, 4.) Allura, għandna għalfejn nissograw saħħitna jew ħajjitna billi nieħdu trattamenti mediċi perikolużi jew billi nagħmlu operazzjonijiet sempliċement biex intejbu d-​dehra tagħna? Minkejja kemm għandna żmien jew kemm aħna f’saħħitna, is-​sbuħija vera tiġi milli jkollna “l-​ferħ taʼ Ġeħova.” (Neħ. 8:10) Huwa biss fid-​dinja l-​ġdida li se nkunu b’saħħitna kompletament u nerġgħu niksbu s-​sbuħija taż-​żgħożija. (Ġob 33:25; Is. 33:24) Sadanittant, jekk nuru l-​għaqal u jkollna l-​fidi se niġu megħjunin nibqgħu qrib taʼ Ġeħova filwaqt li nagħmlu ħilitna fiċ-​ċirkustanzi preżenti tagħna.—1 Tim. 4:8.

      IL-​FLUS

      11. Il-​flus kif jistgħu jbegħduna minn Ġeħova?

      11 Mhuwiex ħażin li jkollna l-​flus jew li nipprovaw naqilgħu l-​flus. (Ekk. 7:12; Lq. 19:12, 13) Imma jekk inħobbu l-​flus, dan se jbegħedna minn Ġeħova. (1 Tim. 6:9, 10) “L-​ansjetà taʼ din is-​sistema” tfisser li ninkwetaw iżżejjed dwar li niksbu l-​affarijiet li neħtieġu. Din l-​ansjetà tistaʼ tfixkilna spiritwalment. “Il-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi” tfisser li nistgħu nitqarrqu f’li nemmnu li l-​flus se jagħmluna ferħanin u fis-​sigurtà. (Mt. 13:22) Ġesù qal li “ħadd” ma jistaʼ jkun ilsir t’Alla u tal-​flus.—Mt. 6:24.

      12. (a) Xi nies b’liema modi jipprovaw jaqilgħu ħafna flus malajr? (b) Kif nistgħu nevitaw li nagħmlu għażliet ħżiena?

      12 Jekk naħsbu li l-​flus huma l-​iktar ħaġa importanti, għandna mnejn nitħajru nagħmlu l-​ħażin. (Prov. 28:20) Xi aħwa riedu jistagħnew malajr, u allura xtraw biljetti tal-​lotterija. Oħrajn jinvolvu ruħhom f’negozji li suppost irendulhom il-​flus malajr, u saħansitra jwiegħdu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni li anki huma jistgħu jaqilgħu kemxa flus ġmielha. Drabi oħra, xi aħwa staqsew lil membri tal-​kongregazzjoni biex jinvestu magħhom u wiegħdu li jagħtuhom imgħax għoli. Jekk inkunu rgħiba, għandna mnejn naċċettaw xi offerta taʼ negozju li tistaʼ ttellifna ħafna flus. Allura oqgħod attent li ma ssirx rgħib. Ġeneralment mhuwiex possibbli li taqlaʼ ħafna flus f’qasir żmien.

      13. Il-​ħarsa taʼ Ġeħova lejn il-​flus kif inhi differenti minn dik tad-​dinja?

      13 Meta npoġġu l-​ewwel “is-​saltna u s-​sewwa tiegħu,” Ġeħova jbierek l-​isforzi bilanċjati tagħna biex naqilgħu l-​bżonnijiet tal-​ħajja. (Mt. 6:33; Efes. 4:28) Ma jridniex nonogħsu matul il-​laqgħat għax inkunu ħdimna żżejjed jew li ninkwetaw dwar il-​flus meta nkunu bilqiegħda fis-​Sala tas-​Saltna. Però, ħafna fid-​dinja taʼ madwarna jemmnu li huwa biss billi jiddedikaw ruħhom biex jaqilgħu l-​flus li jistaʼ jkollhom futur fis-​sod u ma jkollhomx għalfejn jibqgħu jaħdmu iktar ’il quddiem fil-​ħajja. Spiss dawn l-​uħud jimbottaw lil uliedhom lejn l-​istess miri materjalistiċi. Ġesù wera li tħassib bħal dan mhuwiex raġunevoli. (Aqra Luqa 12:15-​21.) Dan jistaʼ jfakkarna f’Geħażi, li ħaseb li setaʼ jkun rgħib u xorta jkollu relazzjoni tajba maʼ Ġeħova.—2 Slat. 5:20-​27.

      14, 15. Għala mhuwiex għaqli li naħsbu li jekk ikollna l-​flus se nkunu fis-​sigurtà? Agħti eżempju.

      14 Xi ajkli għerqu għax ipprovaw jaqbdu ħuta li kienet tqila wisq. Lilna jistaʼ jiġrilna xi ħaġa simili jekk nistinkaw biex insiru għonja. Anzjan jismu Alex spjega li s-​soltu joqgħod attent ferm bi flusu. Lanqas ix-​xampù ma jħobb jaħli! Imma ħaseb li kieku jistaʼ jaqlaʼ iktar flus, hu jkun jistaʼ jieqaf jaħdem u jibda jaqdi bħala pijunier. Allura studja kif jixtri u jbigħ l-​ishma u uża flusu kollha biex jixtri kemm setaʼ. Saħansitra ssellef il-​flus biex jixtri iktar ishma! Imma l-​ishma li xtara niżlu fil-​valur drastikament. Alex qal: “Kont determinat li nikseb flusi lura.” Hu ħaseb li jekk jistenna, l-​ishma kienu se jerġgħu jitilgħu fil-​valur.

      15 Alex sabha diffiċli biex jaħseb f’xi ħaġa oħra minbarra l-​ishma tiegħu. Kienet diffiċli għalih li jżomm is-​servizz tiegħu lil Ġeħova l-​ewwel, u ma setax jorqod sew. Imma l-​ishma qatt ma reġgħu kisbu l-​valur tagħhom. Alex tilef flusu kollha u kellu jbigħ id-​dar. Jgħid li qalaʼ ħafna inkwiet għal familtu. Imma tgħallem lezzjoni importanti. Hu qal li kull min jemmen li s-​sistema taʼ Satana se tipprovdi sigurtà u ferħ veru se jkun diżappuntat bil-​kbir. (Prov. 11:28) Jekk nafdaw kompletament fi flusna jew fl-​abbiltà tagħna li naqilgħu l-​flus, inkunu fil-​fatt qed nafdaw f’Satana, li hu “l-​alla taʼ din is-​sistema.” (2 Kor. 4:4; 1 Tim. 6:17) Alex issa għamel bidliet f’ħajtu sabiex ikun jistaʼ jerġaʼ jqattaʼ iktar ħin fl-​ippritkar tal-​aħbar tajba. Dan għamel lilu u lil familtu iktar ferħanin u għenhom jersqu eqreb lejn Ġeħova.—Aqra Marku 10:29, 30.

      IL-​KBURIJA

      16. (a) Il-​kburija kif tistaʼ tkun tajba? (b) X’jistaʼ jiġri jekk naħsbu li aħna xi ħaġa?

      16 Aħna għandna nkunu kburin bil-​fatt li aħna Xhieda taʼ Ġeħova. (Ġer. 9:24) Minħabba dan, aħna dejjem nipprovaw nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nsegwu l-​livelli għoljin t’Alla. Imma rridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn li ma nitkabbrux u naħsbu li nifhmu iktar minn Ġeħova, għax dan jistaʼ jbegħedna minnu.—Salm 138:6; Rum. 12:3.

      Minflok ma tixxennaq għal pożizzjoni fil-​kongregazzjoni, gawdi x-​xogħol tiegħek fil-​ministeru

      17, 18. (a) Semmi eżempji Bibliċi taʼ nies umli kif ukoll taʼ nies kburin. (b) Wieħed ħu x’għamel biex il-​kburija ma tbegħdux minn Ġeħova?

      17 Il-​Bibbja fiha eżempji taʼ nies kburin kif ukoll taʼ nies umli. Is-​Sultan David bl-​umiltà fittex il-​gwida taʼ Ġeħova, u Hu bierku. (Salm 131:1-​3) Imma Ġeħova umilja lis-​slaten kburin Nebukadnessar u Belsassar. (Dan. 4:30-​37; 5:22-​30) Illum, ukoll, iqumu sitwazzjonijiet li jittestjaw l-​umiltà tagħna. Ryan, qaddej ministerjali li għandu 32 sena, mar jaqdi f’kongregazzjoni ġdida. “Stennejt li ma ndumx ma ninħatar bħala anzjan,” jgħid Ryan, “imma għaddiet sena u ma nħtartx.” Tkabbar Ryan u rrabja mal-​anzjani għax ma ħatruhx bħala anzjan? Kien se jieqaf jattendi l-​laqgħat, u b’hekk iħalli l-​kburija tbiegħdu minn Ġeħova u l-​poplu Tiegħu? Int kieku x’kont tagħmel?

      18 “Jien qrajt kulma stajt insib fil-​pubblikazzjonijiet tagħna dwar l-​istennija mtawla,” jiftakar Ryan. (Prov. 13:12) “Bdejt nirrealizza li kelli nitgħallem il-​paċenzja u l-​umiltà. Kelli bżonn inħalli lil Ġeħova jħarriġni.” Ryan ma baqax jiffoka fuqu nnifsu imma fuq li jaqdi lil oħrajn—fil-​kongregazzjoni u fil-​ministeru. Ma damx ma kien qed jikkonduċi diversi studji tal-​Bibbja li kienu qed jagħmlu progress. “Meta nħtart bħala anzjan sena u nofs wara, ma kontx qed nistennieha,” jgħid hu. “Tant kont qed nieħu gost fil-​ministeru tiegħi li ma bqajtx ninkwieta dwarha.”—Aqra Salm 37:3, 4.

      IBQAʼ QRIB TAʼ ĠEĦOVA!

      19, 20. (a) Kif nistgħu nagħmlu ċert li l-​affarijiet li nagħmlu qatt ma jbegħduna minn Ġeħova? (b) Liema eżempji taʼ dawk li baqgħu qrib taʼ Ġeħova nistgħu nimitaw?

      19 L-​affarijiet kollha li ddiskutejna f’dan l-​artiklu u f’taʼ qablu għandhom post xieraq f’ħajjitna. Aħna kburin li aħna qaddejja taʼ Ġeħova. Familja hienja u saħħa tajba huma fost l-​aqwa għotjiet mingħand Ġeħova. Aħna nifhmu li x-​xogħol sekulari u l-​flus jistgħu jgħinuna nieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tagħna. Nafu li r-​rikreazzjoni tagħmlilna l-​ġid u li t-​teknoloġija tistaʼ tkun utli. Imma rridu niftakru li jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet f’ħin ħażin, għal tul taʼ ħin, jew b’mod li jfixkel il-​qima tagħna, nistgħu nbiegħdu lilna nfusna minn Ġeħova.

      Tħalli xejn ibiegħdek minn Ġeħova!

      20 Naturalment, Satana hekk jixtieq li jiġri. Imma int tistaʼ tipproteġi lilek innifsek u lil familtek minn gwaj bħal dan! (Prov. 22:3) Ersaq qrib lejn Ġeħova, u ibqaʼ qrib tiegħu. Għandna bosta eżempji Bibliċi li jistgħu jgħinuna nagħmlu dan. Enok u Noè ‘mxew maʼ l-​Alla l-​veru.’ (Ġen. 5:22; 6:9) Mosè “baqaʼ sod bħallikieku qed jara lil Dak li hu inviżibbli.” (Ebr. 11:27) Ġesù kellu l-​appoġġ kontinwu t’Alla għax dejjem għamel kulma kien jogħġob lil Missieru tas-​sema. (Ġw. 8:29) Imita eżempji bħal dawn. ‘Thenna dejjem. Itlob bla waqfien. Rodd ħajr f’kollox.’ (1 Tess. 5:16-​18) U tħalli xejn ibiegħdek minn Ġeħova!

      a L-​ismijiet ġew mibdulin.

      b Ara “Kif Trabbi Tfal Responsabbli” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! t’Ottubru-​Diċembru, 2011.

      c Ara “Ħames Suġġerimenti Għal Saħħa Aħjar” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-​Settembru, 2011.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja