LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • L-uġigħ li ġġib magħha l-mewt
    Stenbaħ!—2018 | Nru. 3
    • Raġel imnikket minħabba mewt qiegħed bilqiegħda waħdu f’restorant

      GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ

      L-uġigħ li ġġib magħha l-mewt

      “Jien u Sophiaa konna ilna miżżewġin iktar minn 39 sena meta marda fit-​tul ħaditilha ħajjitha. Kelli ħafna appoġġ mill-​ħbieb u żammejt ruħi okkupat, imma għal sena sħiħa, kont inħoss uġigħ kbir. L-​emozzjonijiet tiegħi kienu jinbidlu l-​ħin kollu, filli nħossni mod u filli ieħor. Anki issa, li għaddew kważi tliet snin mill-​mewt tagħha, kultant f’daqqa waħda jaqbduni dwejjaq kbar u spiss mingħajr ma nkun naf għala.”—Kostas.

      Tlift lil xi ħadd għażiż fil-​mewt? Jekk iva, int x’aktarx li tifhem kif iħossu Kostas. Ftit affarijiet iġibu iktar stress jew uġigħ taʼ qalb minn mewt taʼ sieħeb jew sieħba, qarib, jew ħabib għażiż. Esperti li jistudjaw in-​niket li ġġib magħha l-​mewt jaqblu maʼ dan. Artiklu ppubblikat f’The American Journal of Psychiatry jgħid li ħafna nies iħossu li jkunu tilfu l-​għażiż tagħhom darba għal dejjem u minħabba f’hekk jesperjenzaw uġigħ estrem. Xi ħadd li jiffaċċja l-​uġigħ insapportabbli li ġġib magħha telfa bħal din, għandu mnejn jaħseb: ‘Kemm se ndum inħossni hekk? Qatt se nerġaʼ nkun ferħan? Kif nistaʼ ntaffi dan id-​dwejjaq?’

      Din il-​ħarġa taʼ Stenbaħ! se tikkunsidra t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti x’tistaʼ tistenna jekk għadek kif tlift lil xi ħadd fil-​mewt. L-​artikli taʼ wara se jiddiskutu modi li jistgħu jgħinuk tnaqqas in-​niket kbir tiegħek.

      Aħna sinċerament nittamaw li l-​artikli li ġejjin ikunu taʼ faraġ u t’għajnuna prattika għal kull min qed jesperjenza l-​uġigħ li ġġib magħha l-​mewt.

      a Xi ismijiet f’din is-​serje t’artikli ġew mibdulin.

  • Dak li tistaʼ tistenna
    Stenbaħ!—2018 | Nru. 3
    • Koppja mnikkta

      GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ

      Dak li tistaʼ tistenna

      Għalkemm xi esperti jgħidu li n-​niket minħabba mewt iseħħ f’ċertu sekwenza, kull persuna titnikket bil-​mod uniku tagħha. Li dak li jkun jirrikonoxxi u jesprimi n-​niket tiegħu jistaʼ jgħinu biex iħossu aħjar, imma m’hemmx mod “wieħed tajjeb” kif wieħed jitnikket. Kulħadd jesprimi ruħu b’mod differenti. Ifisser dan li jkun hemm min iħoss inqas it-​telfa tiegħu jew ikun “qed iżomm ġo fih” kif iħossu? Mhux bilfors. Jiddependi ħafna mill-​kultura, il-​personalità, u l-​esperjenzi tal-​ħajja tal-​individwu. Jeffettwa wkoll kif tkun ġrat it-​telfa.

      IS-​SITWAZZJONI KEMM SE TMUR GĦALL-​AGĦAR?

      Min jitlef lil xi ħadd għażiż fil-​mewt jistaʼ jkun li ma jkunx jaf x’jistaʼ jistenna wara. Però, hemm ċerti emozzjonijiet u sfidi li huma komuni u li spiss tistaʼ tipprepara għalihom minn qabel. Ikkunsidra dan li ġej:

      Tħossok mifni emozzjonalment. Xi kultant tistaʼ tinfaqaʼ tibki, tixxennaq għall-​persuna li tkun mietet, u l-​burdata tistaʼ tinbidillek f’daqqa. L-​emozzjonijiet jistgħu jkunu saħansitra iktar qawwijin meta jiġuk f’moħħok ċerti memorji u toħlom bil-​persuna b’mod ċar. Imma għall-​ewwel taf tħossok ixxokkjat u lanqas tkun trid temmen. Tiina tiftakar kif aġixxiet meta żewġha, Timo, miet ħabta u sabta. Hi tgħid: “Għall-​ewwel ħassejtni mibluha, lanqas biss stajt nibki. U kultant tant kont inħossni mifnija li kont insibha bi tqila biex nieħu n-​nifs. Ma stajtx nemmen dak li ġara.”

      Hu komuni wkoll li tħossok ansjuż, irrabjat, u ħati. Ivan jgħid, “Għal xi żmien wara li miet it-​tifel tagħna Eric, li kellu 24 sena, jien u marti, Yolanda, konna vera rrabjati. Dan issorprendiena għax qatt ma qisna lilna nfusna bħala nies irrabjati. Bdejna nħossuna wkoll ħatjin hekk kif iddubitajna jekk konniex għamilna kulma stajna biex ngħinu lit-​tifel tagħna.” Alejandro, li martu mietet wara marda fit-​tul, ukoll ħassu ħati: “Għall-​ewwel ħassejt li la Alla kien qed iħallini nbati daqshekk, allura kont bniedem ħażin. Imbagħad ħassejtni ħati, għax qisni kont qed inwaħħal f’Alla għal dak li ġara.” U Kostas, li ssemma fl-​artiklu taʼ qabel, jgħid: “Xi kultant kont inħossni saħansitra rrabjat għal Sophia talli mietet. Imma mbagħad kont inħossni ħati għal dan. Wara kollox, ma kienx it-​tort tagħha.”

      Issibha diffiċli biex taħseb sew. Jistaʼ jkun hemm żminijiet fejn wieħed filli jkun qed jaħseb ħaġa u filli oħra jew inkella l-​ħsibijiet tiegħu ma jkunux jagħmlu sens. Pereżempju, min ikun għadu kif tilef lil xi ħadd fil-​mewt jaf jibda jimmaġina li qed jisimgħu, iħossu, jew jarah. Jew inkella jistaʼ jsibha diffiċli biex jikkonċentra jew jiftakar xi affarijiet. Tiina tgħid: “Xi kultant inkun qed nitkellem maʼ xi ħadd u ninduna li moħħi jkun xi mkien ieħor. U nibda nerġaʼ nġib quddiem għajnejja l-​affarijiet li ġraw meta Timo miet. Xi kultant ma kontx inkun nistaʼ nikkonċentra u dil-​ħaġa kienet tqabbadni dwejjaq kbar.”

      Tħoss ix-​xewqa li toqgħod waħdek. Persuna li tkun għadha kif tilfet lil xi ħadd għażiż jaf jibdew idejquha n-​nies jew tħossha skomda fil-​preżenza t’oħrajn. Kostas jgħid: “Fil-​kumpanija tal-​koppji kont inħossni qisni ħuta barra mill-​ilma. Imma anki man-​nies single kont inħossni skomdu.” Il-​mara taʼ Ivan, Yolanda, tiftakar: “Kien diffiċli nkun madwar nies li kienu jgergru dwar problemi li kienu jidhru żgħar imqabblin maʼ tagħna. Imbagħad kien hemm ukoll dawk li kienu jgħidulna kemm kienu sejrin tajjeb uliedhom. Kont kuntenta għalihom imma, fl-​istess ħin, kont insibha diffiċli noqgħod nismagħhom. Jien u r-​raġel fhimna li l-​ħajja trid tkompli, imma sempliċement ma kellniex ix-​xewqa jew il-​paċenzja li nkampaw maʼ sitwazzjonijiet bħal dawn.”

      Problemi taʼ saħħa. Hu normali li jkun hemm bidla fl-​aptit, fil-​piż, u fl-​irqad. Aaron jiftakar is-​sena taʼ wara li miet missieru: “Jien kelli problema biex norqod. Kont inqum fl-​istess ħin kull lejl naħseb dwar il-​mewt taʼ missieri.”

      Alejandro jiftakar li hu kellu xi problemi taʼ saħħa li ma kienx hemm raġuni għalihom: “Mort għand tobba ħafna drabi u kienu jassigurawni li ma kelli xejn. Issuspettajt li kien in-​niket il-​kaġun tas-​sintomi fiżiċi tiegħi.” Eventwalment, hu ma baqax iħoss dawk is-​sintomi. Minkejja dan, kienet deċiżjoni għaqlija li Alejandro mar għand tabib. In-​niket jistaʼ jbaxxi s-​sistema tal-​immunità, jiggrava problema taʼ saħħa li diġà tkun hemm, jew saħansitra jikkawża waħda ġdida.

      Tħossha diffiċli tagħmel l-​affarijiet neċessarji. Ivan jiftakar: “Wara li miet Eric, mhux biss kellna ngħidu lill-​qraba u l-​ħbieb imma anki lil ħafna nies oħrajn, bħal lill-​imgħallem tiegħu u sid il-​kera taʼ fejn kien joqgħod. Kien hemm ukoll viżibilju taʼ dokumenti legali li kellna nimlew. Imbagħad kellna naraw l-​affarijiet persunali taʼ Eric. Dan kollu kien jeħtieġ ħafna konċentrazzjoni u kien fi żmien meta konna għajjenin mentalment, fiżikament, u emozzjonalment.”

      Madankollu, għal xi wħud l-​akbar sfida tiġi wara, meta jkollhom bżonn jieħdu ħsieb affarijiet li qabel kien jieħu ħsiebhom l-​għażiż tagħhom. Tiina esperjenzat din il-​ħaġa. Hi tispjega: “Dejjem kien Timo li jieħu ħsieb affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-​bank u affarijiet oħra li għandhom x’jaqsmu maʼ negozju. Issa dawn kienu saru r-​responsabbiltà tiegħi, u dan kompla jżid mal-​istress li diġà kelli. Kont ninkwieta jekk stajtx verament nieħu ħsieb dawn l-​affarijiet mingħajr ma nħawwad xi waħda!”

      Id-​diffikultajiet—emozzjonali, mentali, u fiżiċi—li ssemmew jagħtu l-​idea li hu diffiċli ħafna biex tkampa man-​niket. Ir-​realtà hi li l-​uġigħ jistaʼ jkun kbir ħafna wara li persuna titlef lil xi ħadd għażiż, imma li persuna li għadha kif tilfet lil xi ħadd fil-​mewt tkun taf b’dan minn qabel, tistaʼ ssibha t’għajnuna. Ftakar ukoll li mhux kulħadd jesperjenza l-​effetti kollha li jistaʼ jħalli n-​niket. Iktar minn hekk, jistaʼ jkun xi ftit taʼ faraġ għall-​uħud imnikktin il-​fatt li jkunu jafu li s-​sentimenti qawwija li għandhom x’jaqsmu man-​niket huma normali.

      QATT SE NERĠAʼ NKUN FERĦAN?

      Dak li tistaʼ tistenna: L-​intensità tan-​niket ma tibqax għal dejjem; eventwalment tibda tnaqqas. Dan ma jfissirx li wieħed “jirkupra” għalkollox jew jinsa lill-​għażiż tiegħu. Madankollu, ftit ftit, l-​uġigħ qawwi jtaffi. Dan għandu mnejn jerġaʼ jfiġġ meta dak li jkun jiġuh f’moħħu ċertu memorji bla mistenni jew f’ċertu żmien bħal xi anniversarju. Imma eventwalment, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies jaslu f’punt fejn ikollhom bilanċ emozzjonali u għal darb’oħra jkunu jistgħu jiffokaw fuq l-​attivitajiet taʼ kuljum. Dan hu speċjalment minnu meta l-​persuna mnikkta jkollha l-​appoġġ tal-​familja jew il-​ħbieb u tieħu passi raġunevoli biex tkampa.

      Kemm se ndum inħossni hekk? Għal xi wħud, l-​agħar għandu mnejn jgħaddi wara diversi xhur. Għal ħafna, forsi tgħaddi sena jew tnejn sakemm jindunaw li qed iħossuhom aħjar. U oħrajn għandhom bżonn saħansitra iktar żmien.a “Għalija,” jiftakar Alejandro, “in-​niket qawwi kompla għal madwar tliet snin.”

      Kun paċenzjuż miegħek innifsek. Ħu ġurnata b’ġurnata, imxi bil-​pass tiegħek, u kun af li l-​uġigħ qawwi tan-​niket ma jibqax għal dejjem. Issa li għedna dan, hemm affarijiet li tistaʼ tagħmel biex ittaffi n-​niket issa u biex saħansitra ma tħallihx ikompli għaddej iktar milli hu neċessarju?

      Is-​sentimenti qawwija li għandhom x’jaqsmu man-​niket huma normali

      a Ftit uħud jistgħu jesperjenzaw niket tant qawwi u fit-​tul li jwassal għal dak li jitqies bħala niket “komplikat” jew “kroniku.” Uħud bħal dawn jaf ikollhom bżonn u jkun taʼ benefiċċju li jfittxu l-​għajnuna taʼ professjonisti tas-​saħħa mentali.

  • Kif tkampa man-niket—Dak li tistaʼ tagħmel issa
    Stenbaħ!—2018 | Nru. 3
    • Nies ħdejn il-baħar itajru tajra u jieħdu r-ritratti

      GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ

      Kif tkampa man-niket—Dak li tistaʼ tagħmel issa

      Jekk tfittex pariri dwar kif tkampa man-​niket, aktarx li se ssib biżibilju taʼ ideat differenti—xi ftit jgħinu iktar minn oħrajn. Forsi dan hu minħabba li, bħalma ssemma qabel, kulħadd jirreaġixxi differenti wara li jmutlu xi ħadd. Dak li jaħdem għal xi ħadd jistaʼ ma jaħdimx għal xi ħadd ieħor.

      Għalkemm dan hu minnu, hemm xi linji gwida bażiċi li ħafna sabuhom prattiċi. Professjonisti f’dan il-​qasam spiss isemmuhom, u dawn jirriflettu l-​prinċipji li jibqgħu tajbin u li ssibhom fil-​ktieb antik mimli għerf, il-​Bibbja.

      1: AĊĊETTA L-​APPOĠĠ LI JAGĦTUK IL-​FAMILJA U L-​ĦBIEB

      • Nies ħdejn il-baħar itajru tajra u jieħdu r-ritratti

        Xi esperti din il-​ħaġa jikkunsidrawha bħala l-​iktar fattur importanti f’li tkampa man-​niket. Imma xi kultant tkun tixtieq toqgħod waħdek. Jaf tħossok ukoll irritat b’dawk li jkunu qed jippruvaw jgħinuk. Dan hu normali.

      • Tħossokx li dejjem għandek tkun imdawwar bin-​nies, imma twarrabhomx għalkollox lanqas. Wara kollox, fil-​futur jistaʼ jkollok bżonn l-​appoġġ tagħhom. Bi mħabba għid lil oħrajn xi jkollok u x’ma jkollokx bżonn f’dak il-​mument.

      • Skont xi jkollok bżonn, sib bilanċ bejn ħin li tqattaʼ maʼ nies oħra u ħin għalik waħdek.

      PRINĊIPJU: “Tnejn aħjar minn wieħed . . . Għax jekk wieħed minnhom jaqaʼ, l-​ieħor jistaʼ jqajjem lil sieħbu.”—Ekkleżjasti 4:9, 10.

      2: OQGĦOD ATTENT X’TIEKOL U AGĦMEL IL-​ĦIN GĦALL-​EŻERĊIZZJU

      • Dieta bilanċjata se tgħin biex tnaqqas l-​istress li jġib miegħu n-​niket. Ipprova kul varjetà taʼ frott, ħxejjex, u ikel li ma tantx ikun fih xaħam.

      • Ixrob ħafna ilma u xorb ieħor li hu tajjeb għas-​saħħa.

      • Jekk ma tantx ikollok aptit tiekol, kul porzjonijiet żgħar iktar spiss. Tistaʼ wkoll tistaqsi lit-​tabib tiegħek dwar jekk għandekx bżonn xi vitamini.a

      • Li timxi tgħaġġel u li tagħmel tipi oħra taʼ eżerċizzju jistgħu jnaqqsu emozzjonijiet negattivi. L-​eżerċizzju jistaʼ jipprovdi ħin biex tirrifletti dwar it-​telfa tiegħek jew biex tieħu brejk milli taħseb fuqha.

      PRINĊIPJU: “Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu.”—Efesin 5:29, Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

      3: AGĦMEL ĊERT LI TORQOD BIŻŻEJJED

      • Sodda

        L-​irqad dejjem hu importanti, speċjalment għal dawk li għadhom kif mitilhom xi ħadd, għax niket bħal dan jistaʼ jgħejjihom iktar.

      • Oqgħod attent kemm tieħu kafeina u alkoħol, għax it-​tnejn jistgħu jfixklu l-​irqad.

      PRINĊIPJU: “Aħjar id mimlija bil-​mistrieħ milli tnejn mimlijin bix-​xogħol iebes u l-​ġiri wara r-​riħ.”—Ekkleżjasti 4:6.

      4: KUN FLESSIBBLI

      • Mara li mitilha xi ħadd tiftaħ qalbha maʼ ħabiba

        Agħraf li kulħadd jitnikket b’mod differenti. Fl-​aħħar mill-​aħħar, int trid tara x’jaħdem l-​iktar għalik.

      • Ħafna jsibu li meta jitkellmu dwar in-​niket tagħhom m’oħrajn jgħinhom ikampaw aħjar, filwaqt li oħrajn jippreferu li ma jitkellmux dwaru. L-​esperti għandhom ħafna opinjonijiet differenti dwar jekk hux vitali li wieħed jitkellem dwar is-​sentimenti tiegħu biex jirnexxilu jkampa man-​niket. Jekk għandek bżonn tiftaħ qalbek maʼ xi ħadd imma qed toqgħod lura, forsi tħossha eħfef li tibda bil-​mod billi tesprimi ftit dwar kif qed tħossok maʼ ħabib tal-​qalb.

      • Xi wħud isibu li l-​biki jgħinhom ikampaw man-​niket, filwaqt li oħrajn jidhru li jkampaw anke jekk jibku inqas.

      PRINĊIPJU: “Il-​qalb taf bl-​imrar tagħha stess.”—Proverbji 14:10.

      5: EVITA DRAWWIET LI JAGĦMLU L-​ĦSARA

      • Raġel jixrob l-alkoħol

        Xi wħud li qed ikampaw mat-​telfa taʼ xi ħadd jipprovaw inaqqsu l-​uġigħ tagħhom billi jużaw b’mod ħażin l-​alkoħol, drogi, jew mediċini. Jekk tipprova tnaqqas in-​niket b’dan il-​mod ikun ħażin għal saħħtek. Kwalunkwe serħan li persuna tħoss ma tantx idum, u wara jiġu konsegwenzi koroh ħafna. Ipprova naqqas l-​ansjetajiet b’modi li ma tweġġax lilek innifsek bihom.

      PRINĊIPJU: “Ħa nitnaddfu minn kull tinġis.”—2 Korintin 7:1.

      6: IBBILANĊJA L-​ĦIN TIEGĦEK

      • Ħafna jsibuha t’għajnuna li xi kultant iqattgħu ħin jagħmlu attivitajiet li jaljenawhom biex ma joqogħdux il-​ħin kollu jaħsbu dwar l-​uġigħ tagħhom.

      • Tistaʼ ssib xi ftit serħan billi tagħmel ħbiberiji ġodda jew issaħħaħ il-​ħbiberiji li għandek diġà, titgħallem abbiltajiet ġodda, jew tagħmel xi tip taʼ rikreazzjoni.

      • Hekk kif jgħaddi ż-​żmien, aktarx li l-​bilanċ ħa jinbidel. Tistaʼ tinnota li l-​perjodi taʼ meta ma tkunx daqshekk imnikket jitwalu u jkunu iktar spissi. Dan hu parti naturali mill-​proċess taʼ fejqan.

      PRINĊIPJU: “Għal kollox hemm żmien stabbilit; . . . żmien li tibki u żmien li tidħaq; żmien li tolfoq u żmien li taqbeż ’l hemm u ’l hawn.”—Ekkleżjasti 3:1, 4.

      7: ŻOMM RUTINA

      • Mara tuża kalendarju biex tippjana r-rutina

        Erġaʼ ibda bir-​rutina normali tiegħek kemm jistaʼ jkun malajr.

      • Meta jkollok rutina tajba u żżomm magħha f’dak li hu rqad, xogħol, u attivitajiet oħra, aktarx li ħajtek se terġaʼ tibda ġejja għan-​normal.

      • Li żżomm lilek innifsek okkupat b’attivitajiet pożittivi jistaʼ jgħinek tnaqqas l-​uġigħ li tħoss.

      PRINĊIPJU: “Hu rari joqgħod jiftakar fil-​problemi tal-​ħajja qasira tiegħu, għax l-​Alla l-​veru jżommu okkupat bil-​ferħ taʼ qalbu.”—Ekkleżjasti 5:20.

      8: EVITA LI TIEĦU DEĊIŻJONIJIET KBAR MALAJR

      • Ħafna li jieħdu deċiżjonijiet kbar ftit wara li jitilfu l-​għażiż tagħhom, iktar tard jiddispjaċihom.

      • Jekk inhu possibbli, stenna żmien raġunevoli qabel ma tmur toqgħod xi mkien ieħor, tbiddel ix-​xogħol, jew tneħħi l-​affarijiet tal-​għażiż tiegħek.

      PRINĊIPJU: “Il-​pjanijiet tal-​ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih, imma kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-​bżonn.”—Proverbji 21:5.

      9: FTAKAR FL-​GĦAŻIŻ TIEGĦEK

      • Raġel juri ritratti taʼ martu li mietet lill-ħbieb tiegħu

        Ħafna li mitilhom xi ħadd isibuha t’għajnuna li jagħmlu affarijiet li jfakkruhom fil-​persuna li mietet.

      • Tistaʼ ssibha t’għajnuna li żżomm ritratti jew affarijiet li jfakkruk fil-​persuna jew tikteb fi djarju xi ġrajjiet u stejjer li tixtieq tibqaʼ tiftakarhom.

      • Erfaʼ affarijiet li jġibulek memorji sbieħ tal-​persuna u meta tħossok lest, oqgħod arahom.

      PRINĊIPJU: “Ftakar fil-​jiem taʼ dari.”—Dewteronomju 32:7, Il-​Bibbja, GħBM.

      10: ĦU VAGANZA

      • Forsi tikkunsidra li tieħu vaganza.

      • Jekk vaganza twila mhix prattika, forsi tistaʼ tagħmel xi ħaġa li tieħu pjaċir tagħmilha għal ġurnata jew tnejn, bħal li tmur mixja fil-​kampanja, tmur sal-​baħar, jew dawra bil-​karozza.

      • Anke jekk tagħmel xi ħaġa differenti mis-​soltu tistaʼ tgħinek tkampa man-​niket.

      PRINĊIPJU: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.”—Marku 6:31.

      11: GĦIN LIL OĦRAJN

      • Mara tgħin lil mara ikbar fl-età tagħmel ix-xirja

        Ftakar li kwalunkwe ħin li tistaʼ tqattaʼ tgħin lil oħrajn jistaʼ jgħin lilek biex tħossok aħjar.

      • Tistaʼ tibda billi tgħin lil oħrajn li ġew effettwati mit-​telfa tal-​għażiż tiegħek, bħal ħbieb jew qraba li għandhom bżonn lil xi ħadd li jistaʼ jifhimhom u li hu għaddej mill-​istess niket.

      • Li tagħti appoġġ u tfarraġ lil oħrajn jistaʼ jagħtik il-​ferħ mill-​ġdid u l-​iskop li jistaʼ jkollok bżonn.

      PRINĊIPJU: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

      12: ERĠAʼ KKUNSIDRA L-​PRIJORITAJIET TIEGĦEK

      • In-​niket li tħoss wara li jmutlek xi ħadd jistaʼ jgħinek tifhem iktar x’inhu verament importanti.

      • Ħu vantaġġ mill-​opportunità biex tevalwa kif qed tuża ħajtek.

      • Aġġusta l-​prijoritajiet tiegħek skont il-​bżonn.

      PRINĊIPJU: “Aħjar tmur f’dar fejn hemm in-​niket minħabba mewt milli f’dar fejn hemm festa, għax dan hu t-​tmiem tal-​bnedmin kollha; u l-​ħaj għandu jieħu dan bis-​serjetà.”—Ekkleżjasti 7:2.

      KIF TKAMPA MAN-​NIKET | SOMMARJU

      • 1: AĊĊETTA L-​APPOĠĠ LI JAGĦTUK IL-​FAMILJA U L-​ĦBIEB

        Skont xi jkollok bżonn, sib bilanċ bejn ħin li tqattaʼ maʼ nies oħra u ħin għalik waħdek.

      • 2: OQGĦOD ATTENT X’TIEKOL U AGĦMEL IL-​ĦIN GĦALL-​EŻERĊIZZJU

        Kul ikel tajjeb għas-​saħħa, ixrob ħafna ilma, u agħmel eżerċizzju b’mod moderat.

      • 3: AGĦMEL ĊERT LI TORQOD BIŻŻEJJED

        Irrikonoxxi li l-​irqad hu importanti biex tkampa mal-​għejja li tiġi wara li jmutlek xi ħadd.

      • 4: KUN FLESSIBBLI

        Peress li kulħadd jitnikket b’mod differenti, sib xi jkun t’għajnuna għalik.

      • 5: EVITA DRAWWIET LI JAGĦMLU L-​ĦSARA

        Evita li tuża b’mod ħażin l-​alkoħol, drogi, jew mediċini—li joħolqu iktar problemi milli jsolvuhom.

      • 6: IBBILANĊJA L-​ĦIN TIEGĦEK

        Xi kultant agħmel attivitajiet, bħal rikreazzjoni u li tissoċjalizza m’oħrajn, biex taljena ruħek mill-​uġigħ.

      • 7: ŻOMM RUTINA

        Erġaʼ lura għan-​normal billi żżomm lilek innifsek okkupat b’rutina tajba.

      • 8: EVITA LI TIEĦU DEĊIŻJONIJIET KBAR MALAJR

        Jekk inhu possibbli, stenna sena jew iktar qabel tieħu deċiżjonijiet kbar li iktar tard jistaʼ jiddispjaċik li tkun għamilthom.

      • 9: FTAKAR FL-​GĦAŻIŻ TIEGĦEK

        Iġbor flimkien xi ritratti jew affarijiet li jfakkruk fil-​persuna jew ikteb fi djarju biex iżżomm il-​memorja tal-​persuna ħajja.

      • 10: ĦU VAGANZA

        Agħmel ħin biex tagħmel xi ħaġa differenti mis-​soltu—anke jekk għal ġurnata biss jew parti minn ġurnata.

      • 11: GĦIN LIL OĦRAJN

        Jistaʼ jerġaʼ jkollok skop fil-​ħajja billi tagħmel affarijiet għal dawk li għandhom bżonn l-​għajnuna, inkluż lil oħrajn li ġew effettwati mit-​telfa tal-​għażiż tiegħek.

      • 12: ERĠAʼ KKUNSIDRA L-​PRIJORITAJIET TIEGĦEK

        Uża din l-​opportunità biex tkun tistaʼ tifhem iktar x’inhu verament importanti u biex taġġusta l-​prijoritajiet tiegħek skont il-​bżonn.

      B’mod realistiku, xejn ma jistaʼ jneħħi għalkollox l-​uġigħ li tħoss. Madankollu, ħafna li tilfu lil xi ħadd jistgħu jikkonfermaw mill-​esperjenza tagħhom stess illi li jieħdu passi pożittivi, bħal dawk li ssemmew f’dan l-​artiklu, għenhom isibu l-​faraġ. Ovvjament, m’hawnx imniżżel kull ħaġa li tistaʼ tnaqqas id-​dwejjaq. Imma jekk tipprova ftit minn dawn is-​suġġerimenti, tistaʼ ssib li jgħinuk tħossok ħafna aħjar.

      a Stenbaħ! ma jirrikkmanda l-​ebda trattament partikulari tas-​saħħa.

  • L-aqwa għajnuna għal dawk li tilfu lil xi ħadd
    Stenbaħ!—2018 | Nru. 3
    • Nies fil-Ġenna tal-art lesti biex jilqgħu lura lill-maħbubin tagħhom meta jirxoxtaw

      GĦAJNUNA GĦAL DAWK LI TILFU LIL XI ĦADD GĦAŻIŻ

      L-aqwa għajnuna għal dawk li tilfu lil xi ħadd

      L-​UĠIGĦ LI JINĦASS WARA L-​MEWT TAʼ XI ĦADD GĦAŻIŻ KIEN IS-​SUĠĠETT TAʼ ĦAFNA RIĊERKA FI ŻMINIJIET REĊENTI. Madankollu, bħalma rajna qabel, l-​aqwa pariri mill-​esperti ħafna drabi jaqblu mal-​għerf tal-​qedem li nsibu fil-​Bibbja. Dan juri kemm il-​gwida tal-​Bibbja tibqaʼ tgħodd għal dejjem. Imma l-​Bibbja fiha iktar milli sempliċiment pariri li toqgħod fuqhom. Tipprovdi wkoll informazzjoni li ma nistgħu nsibu mkien iktar u li tistaʼ ġġib faraġ kbir għal dawk li jkunu mnikktin.

      • Assiguranza li l-​maħbubin mejtin tagħna mhumiex qegħdin isofru

        ‘Il-​mejtin ma jafu xejn,’ tgħid il-​Bibbja f’​Ekkleżjasti 9:5. ‘Ħsibijiethom jgħibu.’ (Salm 146:4) Fi qbil maʼ dan, il-​Bibbja tqabbel il-​mewt maʼ raqda fil-​fond.—Ġwanni 11:11.

      • Li tkun temmen b’mod sod f’Alla li jħobb iġib faraġ

        F’​Salm 34:15, il-​Bibbja tgħid: “Għajnejn Ġeħovaa huma fuq in-​nies sewwa, u widnejh miftuħin għall-​għajta tagħhom għall-​għajnuna.” Li niftħu qalbna m’Alla permezz tat-​talb, hu iktar minn terapija tajba jew mezz kif nikkontrollaw ħsibijietna. Fil-​fatt, dan jgħinna jkollna relazzjoni persunali mal-​Ħallieq tagħna, li jistaʼ juża l-​qawwa tiegħu biex ifarraġna.

      • Futur aħjar għal xiex inħarsu ’l quddiem lejh

        Immaġina żmien fil-​futur meta dawk fl-​oqbra se jiġu rxoxtati hawnhekk fuq l-​art! Il-​Bibbja titkellem darba wara l-​oħra dwar żmien bħal dan. Meta tiddeskrivi kif se jkunu l-​kundizzjonijiet fuq l-​art, il-​Bibbja tgħid li Alla se ‘jixxottalna kull demgħa minn għajnejna, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.’—Rivelazzjoni 21:3, 4.

      Ħafna li jemmnu f’Ġeħova, l-​Alla tal-​Bibbja, jirċievu ħafna saħħa biex ikunu jistgħu jkampaw man-​niket għax huma tgħallmu jafdaw fit-​tama li jerġgħu jaraw lill-​maħbubin mejtin tagħhom. Pereżempju Ann, li tilfet lil żewġha wara 65 sena miżżewġin, tgħid: “Il-​Bibbja tassigurana li l-​maħbubin mejtin tagħna mhumiex qed isofru u li Alla se jirxoxta lil dawk kollha li qegħdin fil-​memorja tiegħu. Niftakar f’dawn l-​affarijiet meta naħseb dwar il-​mewt tiegħu, u mbagħad bħala riżultat, inkun nistaʼ nkampa aħjar mal-​agħar ħaġa li qatt ġratli f’ħajti!”

      Tiina, li ssemmiet iktar kmieni f’din is-​serje t’artikli, tgħid: “Minn dakinhar li miet Timo, ħassejt l-​appoġġ t’Alla. Ħassejt li Ġeħova veru kien qed jgħinni fiż-​żmien diffiċli li kont għaddejja minnu. U l-​wegħda tal-​irxoxt li nsibu fil-​Bibbja hi reali ħafna għalija. Tagħtini s-​saħħa li għandi bżonn biex nibqaʼ għaddejja sakemm nerġaʼ nara lil Timo.”

      Dawn is-​sentimenti jirriflettu s-​sentimenti taʼ dawk il-​miljuni taʼ nies li huma konvinti li l-​Bibbja tistaʼ toqgħod fuqha. Anke jekk tħoss li dak li tgħid il-​Bibbja mhux veru jew sempliċiment ħolma, ikun taʼ benefiċċju għalik innifsek jekk tinvestiga l-​evidenza li l-​pariri u l-​wegħdi huma taʼ min jafdahom. Int tistaʼ ssib li l-​Bibbja hi l-​aqwa għajnuna għal dawk imnikktin.

      TGĦALLEM IKTAR DWAR IT-​TAMA GĦALL-​MEJTIN

      Ara vidjows li jitkellmu dwar dan fil-​websajt tagħna jw.org/mt

      Nies fil-Ġenna tal-art lesti biex jilqgħu lura lill-maħbubin tagħhom meta jirxoxtaw

      Il-Bibbja twiegħed futur fejn se nilqgħu lura lill-maħbubin tagħna li mietu

      X’INHI L-​KUNDIZZJONI TAL-​MEJTIN?

      X’inhi l-kundizzjoni tal-mejtin?

      X’jiġrilna meta mmutu? It-​tweġiba ċara tal-​Bibbja tfarraġna u tassigurana

      Ikklikkja fuq LIBRERIJA >VIDJOWS (Kategorija tal-​vidjows: IL-​BIBBJA)

      TIXTIEQ TISMAʼ AĦBAR TAJBA?

      Tixtieq tismaʼ aħbar tajba?

      B’tant aħbarijiet ħżiena, fejn tistaʼ ssib aħbar tajba?

      Ikklikkja fuq TAGĦLIM TAL-BIBBJA >PAĊI U FERĦ

      a Ġeħova hu l-​isem persunali t’Alla bħalma jidher fil-​Bibbja.

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja