Kapitlu 1
Int Jistaʼ Jkollok Futur Hieni!
1, 2. Il-Ħallieq tiegħek x’irid għalik?
TGĦANNIQA kordjali minn xi ħadd li tħobb. Daħk mill-qalb waqt ikla tajba maʼ ħbieb intimi. Il-gost li tara lit-tfal tiegħek jieħdu pjaċir jilagħbu flimkien. Mumenti bħal dawn huma okkażjonijiet henjin fil-ħajja. Għal ħafna, madankollu, il-ħajja donnha li tippreżenta problema serja wara l-oħra. Jekk dik kienet l-esperjenza tiegħek, qawwi qalbek.
2 Hija r-rieda t’Alla li int tgawdi hena dejjiem taħt l-aqwa kundizzjonijiet f’ambjent taʼ l-għaġeb. Din m’hijiex xi sempliċi ħolma, għax Alla attwalment joffrilek iċ-ċavetta għal futur hieni bħal dan. Dik iċ-ċavetta hija l-għarfien.
3. Liema għarfien huwa ċ-ċavetta għall-hena, u għala nistgħu nkunu ċerti li Alla jistaʼ jipprovdi dak l-għarfien?
3 Qegħdin nitkellmu dwar tip speċjali t’għarfien li huwa bil-wisq akbar minn għerf uman. Dan huwa “t-tagħrif taʼ Alla.” (Proverbji 2:5) Kważi 2,000 sena ilu, kittieb tal-Bibbja qal: “Kull dar jibniha xi ħadd, imma Alla jibni kollox hu.” (Lhud 3:4) Aħseb ftit dwar l-għarfien li Dak li għamel l-affarijiet kollha bil-fors li jippossiedi! Il-Bibbja tgħid li Alla jgħodd u jsemmi b’isimhom il-kwiekeb kollha. Xi ħsieb li jħallik mgħaġġeb, ladarba hemm mijiet taʼ biljuni taʼ kwiekeb fil-galassja tagħna stess, u l-astronomi jgħidu li hemm madwar mitt biljun galassja oħra! (Salm 147:4) Alla jaf ukoll kollox dwarna, u għalhekk min iktar jistaʼ jipprovdi tweġibiet aħjar għall-mistoqsijiet importanti tal-ħajja?—Mattew 10:30.
4. Għala għandna nistennew li Alla jipprovdi struzzjonijiet biex jiggwidawna, u liema ktieb jissodisfa din il-ħtieġa?
4 Ġib quddiem għajnejk lil żewġt irġiel qegħdin jipprovaw isewwu l-karozzi tagħhom. Frustrat, raġel wieħed jitfaʼ l-għodda tiegħu fil-ġenb. L-ieħor bil-kalma jirranġa l-problema, idawwar iċ-ċavetta biex jistartja, u jitbissem hekk kif il-magna tistartja u taħdem tajjeb. Ma kontx issibha diffiċli biex taqtaʼ min miż-żewġt irġiel kellu l-manwâl taʼ struzzjonijiet mingħand il-manifattur. Ma jagħmilx sens li Alla kellu jipprovdi struzzjonijiet biex jiggwidawna fil-ħajja? Bħalma forsi taf, il-Bibbja ssostni li hija preċiż hekk—ktieb taʼ struzzjoni u gwida mingħand il-Ħallieq tagħna, iddisinnjat biex jagħti l-għarfien dwar Alla.—2 Timotju 3:16.
5. Kemm huwa taʼ valur l-għarfien li jinstab fil-Bibbja?
5 Jekk dak li ssostni l-Bibbja huwa veru, aħseb ftit dwar liema teżori t’għarfien jinstabu f’dak il-ktieb! Fi Proverbji 2:1-5, din tħeġġiġna biex infittxu l-għerf, biex inħaffru għalih bħalma kieku nagħmlu għal xi teżor moħbi—mhux fil-ħamrija tal-ħsieb tal-bniedem, imma fil-Kelma t’Alla stess. Jekk infittxu hemmhekk, se ‘nsibu t-tagħrif t’Alla.’ Ladarba Alla jifhem il-limitazzjonijiet u l-ħtiġijiet tagħna, hu jagħtina struzzjoni li se tgħinna biex ngħaddu ħajjiet paċifiċi u henjin. (Salm 103:14; Isaija 48:17) Barra minn hekk, l-għarfien dwar Alla joffrilna aħbar tajba eċċitanti.
ĦAJJA TAʼ DEJJEM!
6. Ġesù Kristu ta liema assiguranza rigward l-għarfien dwar Alla?
6 Il-persunaġġ storiku magħruf sew Ġesù Kristu ddeskriva dan il-fattur taʼ l-għarfien dwar Alla f’termini ċari. Hu qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem: li jagħarfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) Immaġina—għarfien li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem!
7. Liema evidenza hemm li ma kenitx l-intenzjoni t’Alla li aħna mmutu?
7 Tgħaġġilx biex twarrab il-ħajja taʼ dejjem bħala sempliċi ħolma. Minflok, ħares lejn il-mod kif inhu magħmul il-ġisem uman. Dan huwa ddisinnjat b’mod splendidu biex itiegħem, jismaʼ, ixomm, jara, u jħoss. Hemm tant affarijiet fuq l-art li jgħaxxqu lis-sensi tagħna—ikel delizzjuż, għana pjaċevoli taʼ l-għasafar, fjuri jfuħu, xenarji sbieħ, sħubija li tgħaxxqek! U l-moħħ taʼ l-għaġeb tagħna huwa bil-wisq iktar mill-aqwa kompjuter, għax dan jgħinna napprezzaw u ngawdu dawn l-affarijiet kollha. Taħseb int li l-Ħallieq tagħna jridna mmutu u nitilfu dan kollu? Ma jkunx iktar raġonevoli li nikkonkludu li hu jridna ngħixu henjin u ngawdu l-ħajja għal dejjem? Sewwa, dak huwa li l-għarfien dwar Alla jistaʼ jfisser għalik.
IL-ĦAJJA FIL-ĠENNA
8. Il-Bibbja x’tgħid dwar il-futur taʼ l-umanità?
8 Dak li l-Bibbja tgħid dwar il-futur taʼ l-art u taʼ l-umanità jistaʼ jinġabar f’kelma waħda—Ġenna! Ġesù Kristu tkellem dwar din meta qal lil raġel moribond: “Tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Mal-kelma Ġenna bla dubju dak ir-raġel ftakar fl-istat hieni taʼ l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva. Meta Alla ħalaqhom, kienu perfetti u għexu f’park qisu ġnien li l-Ħallieq kien iddisinnja u ħawwel. Kien bix-xieraq imsejjaħ il-ġnien t’Għeden, u dan l-isem jindika pjaċir.
9. Kif kienet il-ħajja fil-Ġenna oriġinali?
9 X’għaxqa kien fih dak il-ġnien! Kien ġenna reali. Fost is-siġar sbieħ tiegħu kien hemm dawk li jagħtu frott delizzjuż. Hekk kif Adam u Eva esploraw id-dominju tagħhom, xorbu mill-ilma bnin tiegħu, u qatgħu l-frott mis-siġar tiegħu, ma kellhom ebda raġuni biex ikunu anzjużi jew beżgħanin. Saħansitra l-annimali ma kienu t’ebda theddida, għax Alla kien poġġa lir-raġel u lil martu f’dominanza taʼ mħabba fuqhom kollha. Barra minn dan, l-ewwel koppja umana kienu jbiegħu s-saħħa. Sakemm baqgħu ubbidjenti lejn Alla, futur etern u hieni kien hemm quddiemhom. Ġew mogħtijin ix-xogħol sodisfaċenti li jieħdu ħsieb id-dar taʼ l-għaġeb tagħhom li kienet Ġenna. Jerġaʼ, Alla ta lil Adam u Eva l-mandat biex ‘jimlew l-art, u jaħkmuha.’ Huma u n-nisel tagħhom kellhom jestendu l-fruntieri tal-Ġenna sakemm il-pjaneta tagħna kollha kemm hi saret post taʼ ġmiel u għaxqa.—Ġenesi 1:28.
10. Meta Ġesù tkellem dwar il-Ġenna, x’kellu f’moħħu?
10 Meta Ġesù semma l-Ġenna, madankollu, ma kienx qiegħed jitlob lil raġel moribond biex jaħseb dwar il-passat imbiegħed. Le, Ġesù kien qiegħed jitkellem dwar il-futur! Hu kien jaf li l-art darna kollha kemm hi kellha ssir ġenna. Alla kellu b’hekk iwettaq l-iskop oriġinali tiegħu għall-umanità u għall-art tagħna. (Isaija 55:10, 11) Iva, il-Ġenna se tiġi rrestawrata! U kif se tkun? Ħalli l-Kelma t’Alla, il-Bibbja Mqaddsa, twieġeb.
IL-ĦAJJA FIL-ĠENNA RRESTAWRATA
11. Fil-Ġenna rrestawrata, x’se jiġrilhom il-mard, ix-xjuħija, u l-mewt?
11 Il-mard, ix-xjuħija, u l-mewt m’humiex se jeżistu iktar. “Imbagħad jinfetħu għajnejn il-għomja, u jinfetħu widnejn it-torox. Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.” (Isaija 35:5, 6) “Alla nnifsu jkun [mal-bnedmin]. . . . Hu jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew agħjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:3, 4
12. Għala nistgħu nkunu ċerti li ma se jkun hemm ebda kriminalità, vjolenza, u ħażen fil-Ġenna futura?
12 Il-kriminalità, il-vjolenza, u l-ħażen se jkunu telqu għal dejjem. “Għax il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra . . . Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . ma ssibux. Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art.” (Salm 37:9-11) “Imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.”—Proverbji 2:22.
13. Alla kif se jġib il-paċi?
13 Il-paċi se tkun prevalenti mad-dinja kollha. “[Alla] iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art; l-ark jaqsam u l-lanza jkisser.” (Salm 46:10 [46:9, New World Translation]) “Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar.”—Salm 72:7.
14, 15. Il-Bibbja x’tgħid dwar djar, xogħol, u ikel fil-Ġenna rrestawrata?
14 Id-djar se jkunu fis-sigurtà u x-xogħol sodisfaċenti. “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom . . . Ma jibnux biex jgħammar ħadd ieħor, u ma jħawlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-poplu tiegħi jgħix daqskemm jgħixu s-siġar, u l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom. Ma jitħabtux għal xejn u ma jwildux tfal biex jinqerdu ħesrem.”—Isaija 65:21-23.
15 Ikel li jagħti s-saħħa se jkun disponibbli bl-abbundanza. “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art, jogħla sal-qċaċet taʼ l-għoljiet.” (Salm 72:16) “L-art tat il-frott tagħha; iberikna Alla, Alla tagħna!”—Salm 67:7 [67:6, NW].
16. Il-ħajja fil-Ġenna għala se tkun mimlija għaxqa?
16 Ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna se tkun mimlija għaxqa. “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) “Ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis.”—Isaija 35:1.
L-GĦARFIEN U L-FUTUR TIEGĦEK
17. (a) X’għandek tagħmel jekk il-ħajja fil-Ġenna tappella għalik? (b) Kif nafu li Alla se jġib tibdiliet kbar ferm fuq l-art?
17 Jekk il-ħajja fil-Ġenna tappella għalik, tħalli xejn iżommok lura milli tikseb l-għarfien dwar Alla. Hu jħobb lill-umanità u se jġib il-bidliet meħtiġin biex l-art jagħmilha ġenna. Wara kollox, kieku int kellek il-poter biex ittemm il-miżerja u l-inġustizzja li huma tant prevalenti fid-dinja, ma kontx tagħmel hekk? Se nistennew aħna li Alla jagħmel inqas minn hekk? Attwalment, il-Bibbja titkellem b’termini vivaċi dwar iż-żmien meta Alla se jneħħi lil din is-sistema tad-dinja mifnija bil-ġlied u flokha jdaħħal ħakma perfetta taʼ tjieba. (Danjel 2:44) Imma l-Bibbja tagħmel ferm iktar milli tgħidilna dwar dan kollu. Din turina kif nistgħu nsalvaw għal ġod-dinja ġdida mwiegħda minn Alla.—2 Pietru 3:13; 1 Ġwann 2:17.
18. L-għarfien dwar Alla x’jistaʼ jagħmel għalik issa?
18 L-għarfien dwar Alla jistaʼ wkoll ikun ferm taʼ ġid għalik issa stess. Il-mistoqsijiet l-iktar profondi u ferm inkwetanti tal-ħajja huma mweġbin fil-Bibbja. Li taċċetta l-gwida tagħha se jgħinek tiżviluppa ħbiberija m’Alla. Xi privileġġ grandjuż! U dan se jgħinek tgawdi l-paċi li Alla biss jistaʼ jagħti. (Rumani 15:13, 33) Hekk kif tibda tieħu dan l-għarfien vitali, int qiegħed timbarka fuq l-iktar biċċa xogħol importanti u premjanti taʼ ħajtek. Qatt ma se jiddispjaċik li takkwista l-għarfien dwar Alla li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.
19. Liema mistoqsija se nikkunsidraw fil-kapitlu li jmiss?
19 Aħna rreferejna għall-Bibbja bħala l-ktieb li fih jinstab l-għarfien dwar Alla. Madankollu, kif nafu li din hija, mhux xi ktieb t’għerf uman, imma xi ħaġa bil-wisq akbar? Se nikkunsidraw din il-mistoqsija fil-kapitlu li jmiss.
ITTESTJA L-GĦARFIEN TIEGĦEK
L-għarfien dwar Alla għala jistaʼ jwasslek għal hena etern?
Kif se tkun il-ħajja fil-Ġenna taʼ l-art li ġejja?
Int għala se tibbenefika milli tieħu l-għarfien dwar Alla issa?