LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Dak “Alla Tas-Sliem” Jimpurtah Minn Dawk Milqutin Minn Xi Afflizzjoni
    It-Torri tal-Għassa—1997 | Mejju 1
    • “Fittixt min jagħdirni, u ma sibt ’il ħadd; u min ifarraġni, u ma kelli ’l ħadd.” Madankollu tistaʼ tibqaʼ ċert li Alla jimpurtah mis-​sitwazzjoni tiegħek, għaliex iktar tard fl-​istess salm, David kiteb: “Għax jismaʼ l-​fqajrin il-​Mulej, ma jistmellx l-​imjassrin tiegħu.”—Salm 69:21, 34 [Salm 69:20, 33, NW].

      Billi napplikaw il-​kliem taʼ David f’sens akbar, nistgħu nibqgħu żguri li l-​Ħallieq taʼ l-​umanità jagħti widen għat-​talb taʼ dawk li huma mjassrin, biex ngħidu hekk, mill-​afflizzjonijiet tagħhom. Iżjed minn hekk, hu jirreaġixxi għall-​istat li jkunu fih. Ikkunsidra l-​istqarrijiet li ġejjin li jikxfu l-​mogħdrija li Jehovah għandu għal dawk milqutin minn xi afflizzjoni.

      “La taħqrux l-​armla jew l-​iltim; għax jekk taħqruhom, u huma jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-​għajta tagħhom; u l-​qilla tiegħi tixgħel.”—Eżodu 22:21-23 [Eżodu 22:22-24, NW].

      “Mbagħad Alla, lill-​magħżulin tiegħu li jgħajjtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?”—Luqa 18:7.

      “Għax hu jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva. Jeħlishom mill-​qerq u mill-​moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”—Salm 72:12-14.

      “Min imiss lilkom [il-poplu t’Alla fuq l-​art] imiss il-​mimmi taʼ għajnej[ja].”—Żakkarija 2:12 [Żakkarija 2:8, NW].

      Dawn il-​ftit eżempji juru l-​interess profond tal-​Ħallieq tagħna fil-​ġid tal-​poplu tiegħu. Għalhekk, għandna raġuni valida sabiex insegwu t-​twissija taʼ l-​appostlu Pietru: “Ixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.” (1 Pietru 5:7) Imma kif se jgħinna Alla matul iż-​żminijiet t’afflizzjoni?

      Kif Alla Jgħin Lil Dawk Milqutin Minn Xi Afflizzjoni

      Bħalma rajna, meta David sofra minn afflizzjoni, hu talab bis-​serjetà lil Alla għall-​gwida. Fl-​istess ħin, ħa l-​inizjattiva biex itaffi s-​sitwazzjoni, billi ħaddem moħħu biex jaħrab minn dawk li kienu qegħdin jipprovaw jaqbduh. B’hekk, serħan fuq Jehovah flimkien maʼ sforz persunali għen lil David biex jissaporti l-​għawġ tiegħu. X’nistgħu nitgħallmu minn dan?

      Meta niġu ffaċċjati minn xi afflizzjoni, ċertament li m’huwiex żbaljat għalina li nieħdu inizjattiva raġonevoli biex insolvu l-​problema. Per eżempju, jekk Kristjan isib ruħu mingħajr impjieg, m’huwiex hu se jagħmel ħiltu biex isib ix-​xogħol? Jew jekk qiegħed isofri minn tbatija fiżika, m’huwiex hu se jfittex assistenza medika? Tabilħaqq, saħansitra Ġesù, li kellu l-​qawwa li jfejjaq kull xorta taʼ mard, irrikonoxxa li ‘t-​tabib jeħtiġuh dawk li huma morda.’ (Mattew 9:12; qabbel 1 Timotju 5:23.) M’għandniex xi ngħidu, ċertu għawġ ma jistax jitneħħa; wieħed sempliċement irid jissaportih. Minkejja dan, Kristjan veru ma jqisx is-​sofferenza bħala virtù fiha nfisha, bħalma jagħmlu xi wħud. (Qabbel 1 Slaten 18:28.) Minflok, hu jagħmel dak li jistaʼ biex ikampa maʼ l-​afflizzjoni tiegħu.

      Fl-istess ħin, iżda, huwa raġonevoli li nieħdu l-​kwistjoni quddiem Jehovah fit-​talb. Għala? L-​ewwel, billi nistrieħu fuq il-​Ħallieq tagħna, aħna niġu mgħejjunin biex ‘nagħrfu nagħżlu l-​aħjar.’ (Filippin 1:10) Per eżempju, meta nfittxu xi impjieg, serħan bit-​talb fuq Alla se jgħinna biex ma naċċettawx xogħol li jkun f’konflitt mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Se nevitaw ukoll li ‘noħorġu barra mit-​triq tal-​fidi’ minħabba l-​imħabba għall-​flus. (1 Timotju 6:10) Verament, meta nieħdu deċiżjonijiet tqal​—rigward impjieg jew xi aspett ieħor tal-​ħajja—​jeħtieġ li nsegwu t-​twissija taʼ David: “Ħalli xortik f’idejn il-​Mulej, u hu jgħinek u jwieżnek; hu qatt ma jħalli l-​ġust jitfixkel.”—Salm 55:23 [Salm 55:22, NW].

      It-talb jgħinna wkoll biex inżommu l-​bilanċ mentali tagħna, sabiex l-​afflizzjoni tagħna ma tirkibniex. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr.” B’liema riżultat? “[I]s-sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Iva, sliem, is-​sliem t’Alla. Dak is-​sliem “jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem,” sabiex ikun jistaʼ jagħmilna stabbli meta nkunu mtaqqlin b’emozzjonijiet li jinkwetawna. Se ‘jżommilna qalbna u moħħna sħaħ,’ u b’hekk jgħinna nevitaw li nirreaġixxu bil-​għaġġla u bla għaqal, għax dan jistaʼ jżid maʼ l-​afflizzjoni tagħna.—Koħèlet 7:7.

      It-talb jistaʼ jagħmel saħansitra iżjed. Jistaʼ jagħmel differenza f’kif tiżviluppa sitwazzjoni. Ikkunsidra eżempju mill-​Bibbja. Meta l-​appostlu Pawlu kien fil-​ħabs ġewwa Ruma, inkuraġġixxa lil Kristjani sħabu biex jitolbu għalih. Għala? “Dan wisq aktar nitlobkom tagħmluh,” kitbilhom, “biex nerġaʼ nkun magħkom mill-​aktar fis.” (Lhud 13:19) Pawlu kien jaf li t-​talb persistenti taʼ sħabu fit-​twemmin setaʼ jagħmel differenza rigward meta kellu jinħeles.—Filemon 22.

      Sejjer it-​talb ibiddel ir-​riżultat taʼ l-​afflizzjoni tiegħek? Jistaʼ jkun. Għandna nirrealizzaw, iżda, li Jehovah mhux dejjem iwieġeb it-​talb tagħna bil-​mod li nippretendu aħna. Pawlu, per eżempju, talab ripetutament rigward ix-​‘xewka f’ġismu’​—forsi xi problema fiżika relatata mal-​vista t’għajnejh. Minflok ma neħħa l-​afflizzjoni, Alla qal lil Pawlu: “Biżżejjed għalik il-​grazzja tiegħi; għax il-​qawwa tiegħi tidher fl-​aqwa tagħ[h]a fejn hemm id-​dgħajjef.”—2 Korintin 12:7-9.

      Mela xi drabi l-​għawġ tagħna mhux se jitneħħa. Minflok, se jkollna l-​opportunità li nagħtu prova taʼ kemm nistrieħu fuq il-​Ħallieq tagħna. (Atti 14:22) Barra minn hekk, nistgħu nibqgħu żguri li saħansitra jekk Jehovah ma jneħħix l-​afflizzjoni, hu se ‘jagħtina l-​qawwa u l-​għajnuna biex inkunu nifilħu għaliha.’ (1 Korintin 10:13) Iva, huwa xieraq li Jehovah jissejjaħ “Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna.” (2 Korintin 1:3, 4) Hu jagħtina dak li neħtieġu biex nissaportu bi sliem konsiderevoli.

      Dalwaqt​—Dinja Mingħajr Afflizzjoni!

      Il-​Ħallieq iwiegħed li permezz tas-​Saltna tiegħu, dalwaqt se jtemm l-​afflizzjonijiet taʼ l-​umanità. Kif se jwettqu dan? Billi jneħħi lil Satana x-​Xitan, ix-​xewwiexi ewlieni taʼ l-​afflizzjoni u l-​għadu fuq quddiem tas-​sliem, dak li l-​Bibbja tidentifikah bħala “l-​alla taʼ din id-​dinja.” (2 Korintin 4:4) Imma l-​kontroll tiegħu fuq l-​umanità dalwaqt se jispiċċa. Il-​fatt li se jiġi eliminat se jiftaħ it-​triq għal barkiet bla għadd li se jiġu fuq dawk li jibżgħu minn Alla. Il-​Bibbja twiegħed li Jehovah se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:1-4.

      Tidher inkredibbli dinja mingħajr afflizzjoni? Tant drajna ngħixu maʼ l-​għawġ li diffiċli biex nimmaġinaw li ma jkunx jeżisti. Imma ħelsien mill-​biżaʼ, l-​anzjetà, u l-​gwaj huwa sewwa sew dak li Alla kellu f’moħħu għall-​umanità meta ħalaqna, u l-​iskop tiegħu se jirnexxi.—Isaija 55:10, 11.

      Imma kif u meta se jiġi s-​sliem litterali madwar il-​globu kollu? Ejjew naraw fl-​artikli li jmiss. (w97 4/15)

  • Paċi Vera—Minn Liema Sors?
    It-Torri tal-Għassa—1997 | Mejju 1
    • Paċi Vera​—Minn Liema Sors?

      “[Jehovah] iwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.”—SALM 46:10 [SALM 46:9, NW].

      1. Liema wegħda meraviljuża taʼ paċi nsibu fil-​profezija taʼ Isaija?

      “IS-​SLIEM ikun frott il-​ġustizzja, u l-​ħidma tal-​ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem. U l-​poplu tiegħi f’post tas-​sliem, jgħammar bla biżaʼ, mistrieħ fil-​kwiet.” (Isaija 32:17, 18) X’wegħda sabiħa dik! Hija wegħda taʼ paċi vera miġjuba minn Alla.

      2, 3. Iddeskrivi l-​paċi vera.

      2 X’inhi, iżda, il-​paċi vera? Hija din sempliċement in-​nuqqas taʼ gwerer? Jew hi biss perijodu li fih il-​ġnus iħejju għall-​gwerra li jmiss? Hija l-​paċi vera sempliċi ħolma? Dawn huma mistoqsijiet li għalihom neħtieġu tweġibiet taʼ min joqgħod fuqhom. L-​ewwel, il-​paċi vera hija wisq iżjed minn ħolma. Il-​paċi mwiegħda t’Alla tisboq lil kwalunkwe ħaġa li din id-​dinja tistaʼ timmaġina. (Isaija 64:3 [Isaija 64:4, NW]) Din m’hijiex paċi għal xi ftit snin jew ftit għexur taʼ snin. Din tibqaʼ għal dejjem! U m’hijiex paċi biss għal xi ftit uħud privileġġati​—tħaddan is-​sema u l-​art, l-​anġli u l-​bnedmin. Testendi għal nies taʼ kull ġens, grupp etniku, lingwa, u kulur. Ma tagħraf ebda fruntieri, ebda barrikati, ebda fallimenti.—Salm 72:7, 8; Isaija 48:18.

      3 Paċi vera tfisser paċi kuljum. Tfisser li int tqum kull fil-​għodu mingħajr ħsieb taʼ gwerra, mingħajr ma jkollok tinkwieta dwar il-​futur tiegħek, il-​futur taʼ wliedek, saħansitra l-​futur taʼ wlied uliedek. Tfisser paċi sħiħa tal-​moħħ. (Kolossin 3:15) Tfisser qatt iktar kriminalità, qatt iktar vjolenza, qatt iktar familji mifrudin, qatt iktar nies bla djar, qatt iktar nies imutu bil-​ġuħ jew bil-​kesħa, u qatt iktar disperazzjoni u frustrazzjoni. Jerġaʼ aħjar, il-​paċi t’Alla tfisser dinja mingħajr mard, uġigħ, niket, jew mewt. (Apokalissi 21:4) X’tama meraviljuża għandna li ngawdu l-​paċi vera għal dejjem! M’huwiex dan it-​tip taʼ paċi u hena li lkoll kemm aħna nixxennqu għalih? M’huwiex dan it-​tip taʼ paċi li għandna nitolbu u naħdmu għalih?

      L-​Isforzi Falluti Tal-​Bniedem

      4. Il-​ġnus liema sforzi għall-​paċi għamlu, u b’liema riżultati?

      4 Ilhom sekli sħaħ in-​nies u l-​ġnus jitkellmu dwar il-​paċi, jiddibattu dwar il-​paċi, jiffirmaw mijiet taʼ trattati taʼ paċi. X’kien

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja