‘Il-Ħidma Tagħkom M’Hijiex Għalxejn’
1 Xi ħsieb inkuraġġanti! Il-ħidma tiegħek fis-servizz taʼ Jehovah m’hijiex għalxejn. (1 Kor. 15:58) B’kuntrast, aħseb dwar kif in-nies jaħdmu iebes għal ħin twil u jistinkaw biex jipprovaw itejbu l-pożizzjoni f’ħajjithom jew is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Forsi jsegwu edukazzjoni għolja għal snin sħaħ jew ikunu skjavi tax-xogħol biex jirnexxu materjalment. Madankollu, minħabba ż-“żmien u ċ-ċirkustanzi,” dawn forsi qatt ma jiksbu l-prestiġju li jkunu qed ifittxu, jew għandu mnejn ikollhom jikkuntentaw materjalment b’ħafna inqas milli jridu. Bħall-“ġiri wara r-riħ,” l-isforzi tagħhom huma għalxejn. (Koħ. 1:14; 9:11) Kemm huwa vitali, mela, li jkollna ħafna x’nagħmlu fl-uniku xogħol li m’huwiex għalxejn għax għandu valur dejjiemi!
2 Ix-Xogħol li Tassew Jiswa: L-ippridkar taʼ l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla huwa l-iktar xogħol importanti fuq l-art. Huwa dak ix-xogħol li jrid isir kemm jekk in-nies jisimgħu u kemm jekk le. Bħalma qal Pawlu, aħna rridu nkunu kapaċi ngħidu: “Jien m’iniex ħati tal-ħsara li tistgħu ġġarrbu; għax jien qatt ma bżajt nurikom dak kollu li Alla jrid minnkom.”—Atti 20:26, 27.
3 Kemm ikun hemm ferħ meta n-nies jisimgħu u jwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna! Waħda żagħżugħa tilfet lil zijitha fil-mewt. Hi kienet toqgħod thewden fejn marret zijitha—jekk hux il-ġenna jew l-infern? Talbet lil Alla għall-għajnuna, billi wżat l-isem Jehovah, kif kienet għallmitha oħtha. F’qasir żmien hi kienet qed tistudja l-Bibbja u tattendi għal-laqgħat Kristjani. Kisbet ħarsa kompletament ġdida fuq il-ħajja u qatgħet ir-rabtiet li kellha mal-klikek tat-toroq. Din iż-żagħżugħa qatgħet is-sigaretti, ma baqgħetx tieħu d-drogi u tisraq. Hi tammetti: “L-imħabba għal Jehovah biss ġagħlitni nħalli l-mod ħażin taʼ ħajja li kelli. Jehovah biss, li huwa mimli ħniena, setaʼ jagħtini t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem.” Hi m’għadhiex tqattaʼ ħajjitha fil-ġiri wara r-riħ.
4 Anki meta n-nies jirrifjutaw li jisimgħu, int xorta tkun qed twettaq xi ħaġa siewja. Huma jafu li x-Xhieda taʼ Jehovah marru jżuruhom. L-integrità, il-fedeltà, u l-imħabba tiegħek stess se jiġu msaħħin. Mela, hija l-ħidma tiegħek fil-Mulej għalxejn? Lanqas qatt!