Niffaċċjaw l-Isfidi fl-2001
1 Kemm fraħna meta rċivejna l-Yearbook taʼ l-2001 u l-ħarġa taʼ It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Jannar, 2001 fejn stajna naqraw ir-rapport taʼ madwar id-dinja għas-sena taʼ servizz 2000. Avolja “s-sura taʼ din id-dinja” qed tinbidel, u b’hekk iġġib sfidi akbar għal ħutna, xorta waħda l-parti l-kbira jkomplu jissieltu għall-fidi.—1 Kor. 7:31; Ġuda 3.
2 Hekk kif “it-tmiem taʼ kollox” qed joqrob iktar, il-korla tax-Xitan kontra n-nies t’Alla se tiżdied. Hu jaf li “żmien ftit baqagħlu” biex juri jekk kellux raġun meta sfida s-sovranità t’Alla u l-integrità tal-qaddejja taʼ Jehovah. (1 Pt. 4:7; Apk. 12:12, 17) Minbarra l-oppożizzjoni għall-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna minn xi mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu, xi pajjiżi rrapportaw ukoll ammont kbir taʼ pressjoni mill-politikanti li jridu jpoġġu limiti jew jipprojbixxu x-xogħol taʼ l-ippridkar. Mhux biss kellhom ħutna jirreżistu dawn l-isfidi iżda eluf kellhom jiffaċċjaw diżastri naturali, vjolenza etnika, kif ukoll nuqqas tal-bżonnijiet tal-ħajja. Kemm kienu grati għall-passi li ħadet l-organizzazzjoni taʼ Jehovah biex tipprovdi għajnuna u tieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u spiritwali tagħhom.
3 Ħafna pajjiżi fid-Dinja tal-Punent ma ġewx effettwati b’dawn l-affarijiet. Madankollu, aħna nitnikktu meta naraw li xi wħud aljenaw ruħhom bil-materjaliżmu taʼ din id-dinja u l-morali li dejjem jitbaxxew. Oħrajn għajjew wisq jagħmlu s-sewwa. Bħala riżultat, ħafna saru inattivi u għalkemm numru sabiħ jitgħammdu kull sena, l-istess ammont, jekk mhux iktar qed isiru inattivi. Għalkemm ipprovaw u raw li l-Mulej hu tajjeb, ħallew lilhom infushom jinġibdu lura għal ġod-dinja taʼ Satana u jitilfu r-relazzjoni prezzjuża tagħhom maʼ Jehovah.
4 X’jistaʼ jsir biex tissolva din il-problema? L-ewwelnett irridu nirrealizzaw li jekk biss nibqgħu leali lejn Jehovah u l-organizzazzjoni tiegħu nkunu nistgħu nkampaw. (Flp. 4:13) Ix-Xitan juża ħafna makakkeriji biex jipprova jdawwarna jew iwaqqagħna milli nibqgħu sodi. (1 Kor. 15:58; 2 Pt. 3:17) Iktar minn qatt qabel, irridu niffaċċjaw dan il-fatt u nsaħħu lilna nfusna biex nieħdu waqfa kontrih, sħaħ fil-fidi, flimkien maʼ l-aħwa kollha taʼ madwar id-dinja.—1 Pt. 5:8, 9.
5 Il-Konvenzjoni Distrettwali tas-sena l-oħra “Nagħmlu Dak li Tgħid il-Kelma t’Alla,” ġibdet l-attenzjoni tagħna lejn li noqogħdu attenti mix-xnigħat u s-seksik. Ejja ‘ma noqogħdux inħawdu rasna malajr’ minħabba xi rapporti bbażati fuq ix-xejn u mgħawġin minn fuq il-mezzi tax-xandir, dak li jgħidu l-apostati, u l-opinjonijiet tan-nies taʼ barra li jipprovaw juru l-attivitajiet tan-nies taʼ Jehovah bħala xi ħaġa taʼ barra minn hawn. (2 Tess. 2:2) Minflok, ejja nibqgħu nagħmlu r-rieda t’Alla fi qbil mad-dedikazzjoni bla limiti tagħna lil Jehovah.
6 X’inhi r-rieda taʼ Jehovah? L-ewwel u qabel kollox għandha tkun l-attività tagħna taʼ l-ippridkar u t-tagħlim. Ma nistgħux naqtgħu qalbna minn dan l-inkarigu sempliċement minħabba l-problema li dejjem tikber taʼ dawk li ma nsibux id-dar, l-apatija tan-nies li moħħhom biss fl-affarijiet materjali, jew għax il-maġġuranza tan-nies ma jinteressawx ruħhom. Jekk aħna napprezzaw l-affarijiet sagri, allura żgur li hi kemm hi mimlija l-iskeda tagħna, nistgħu nsibu ammont taʼ ħin kull xahar biex naqsmu l-fidi tagħna m’oħrajn. Matul is-sena taʼ servizz 2000, 53 kienu irregolari fis-servizz taʼ l-għalqa. Dan wassal biex 15 minnhom saru inattivi. Jorganizzaw l-anzjani żjajjar pastorali regulari għall-membri kollha tal-kongregazzjoni Kristjana? Xi drabi dawn iż-żjajjar jistgħu jsiru qabel jew wara l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna, jew waqt li jaħdmu mal-pubblikaturi fis-servizz taʼ l-għalqa. Drabi oħra, jistaʼ jkun t’għajnuna li jżuru lill-pubblikaturi (jew lill-familji) fi djarhom. B’dan il-mod, l-għajnuna tingħata skond il-bżonn taʼ l-aħwa. Il-kongregazzjoni għandha fiduċja f’dawn l-għotjiet fi rġiel bħala li huma lqugħ għar-riħ, kenn fi staġun taʼ taħbit, u sors taʼ serħan u inkuraġġiment. (Is. 32:2; Efes. 4:11, 12, 14) Huwa ħafna aħjar li wieħed jilqaʼ minn qabel milli jkun hemm bżonn għajnuna minħabba problemi spiritwali li jkunu daħlu fil-fond!
7 X’inhuma xi suġġerimenti li ngħataw tul is-snin biex jinkuraġġixxu ministeru taʼ l-għalqa bilanċjat? Jekk il-pijunieri jingħataw l-inkarigu biex jgħinu lil xi pubblikaturi oħrajn, dan se jkun verament taʼ barka kemm għall-pijunieri u kemm għall-pubblikaturi. B’hekk nistgħu tassew inqawwu lil xulxin b’mod reċiproku bħala riżultat taʼ dan l-arranġament mimli mħabba. (Jekk jogħġbok ara l-Laqgħa tas-Servizz għal ġimgħa li tibda 22 taʼ Ġunju, 1998.) Hemm xi numru akbar minn tas-soltu taʼ wħud li ma jkunux id-dar fit-territorju tagħkom? Tistgħux forsi tagħtu xiehda fil-għaxija, filwaqt li toqogħdu attenti liema tip taʼ territorju tagħżlu? (km-MT 7/96, paġna 1) Xi ngħidu għal għoti taʼ xiehda differenti minn tas-soltu? (km-MT 11/99, paġna 8) Qatt ipprovajtu tagħtu xiehda fit-toroq jew f’territorju tan-negozju? (km-MT 6/99, paġna 4) Nillimitaw is-servizz taʼ l-għalqa tagħna għal madwar siegħa fix-xogħol minn dar għal dar, fejn ħafna ma jkunux hemm? Jekk dan hu l-każ ma tantx hemm ċans li niksbu l-ferħ mis-servizz sagru tagħna u mhux se jkollna ministeru b’riżultati tajbin. Jistgħu l-anzjani jaħsbu bis-serjetà dwar il-gwida li l-aħwa għandhom bżonn fit-territorju partikulari tagħkom sabiex tingħata xiehda bir-reqqa u b’mod effettiv? Liema suġġerimenti jistgħu joffru?
8 Aspett ieħor taʼ li nagħmlu r-rieda t’Alla huwa t-tkabbir spiritwali u l-iżvilupp tal-familji Kristjani. Huwa taʼ min ifaħħar lill-ġenituri li minn jeddhom iqattgħu l-ħin mal-familja tagħhom, billi jikkonduċu studju tal-familja fuq bażi regulari u dan jagħmluh b’tali mod li jilħqu l-bżonnijiet differenti taʼ kull tifel jew tifla. Is-Soċjetà qed tagħmel dak kollu li tistaʼ sabiex tipprovdi gwida b’imħabba għal dawk taʼ kwalunkwe età. Aħseb ftit dwar il-pubblikazzjonijiet li għandna issa: Listening to the Great Teacher, L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, il-vidjo li ħareġ fl-1999 Young People Ask—How Can I Make Real Friends? (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Kif Jistaʼ Jkolli Ħbieb Veri?), flimkien maʼ l-għadd t’artikli taʼ It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! li ħarġu f’dawn l-aħħar snin. Taċċerta ruħek li l-istudju tal-familja tagħkom hu bħal vjaġġ eċċitanti li jiħodkom ġol-Kelma t’Alla, u xi ħaġa li jħarsu ’l quddiem għaliha kemm iż-żgħar u kemm il-kbar? M’huwiex taʼ dispjaċir meta naraw li għadd taʼ żgħażagħ, meta jidħlu fiż-żmien diffiċli f’ħajjithom taʼ l-adolexxenza, qed jinġibdu mid-dinja taʼ Satana? Id-deċiżjoni aħħarija hija tagħhom, iżda l-ġenituri, l-anzjani, u ċertament, il-membri kollha tal-kongregazzjoni jridu jagħtu sehemhom f’li jgħinu liż-żgħażagħ iħossuhom milqugħin u bżonnjużi. B’hekk huma jaqdu lil Jehovah bil-ferħ u mhux taʼ bilfors. Il-kongregazzjoni tagħkom x’inhi tagħmel biex tgħin liż-żgħażagħ? Intom qed tinkuraġġixxu bil-ħerqa s-servizz taʼ Betel u/jew ix-xogħol taʼ pijunier? Qed tħeġġu liż-żgħażagħ biex ifittxu l-ewwel is-Saltna meta jkunu qed jaħsbuha dwar li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom, jew dwar x’impjieg se jagħżlu, eċċ.? Qed tkomplu tagħtuhom gwida għaqlija minn fuq il-Bibbja fuq affarijiet bħalma huma rikreazzjoni u divertiment xierqa? Intom stess qed tagħtu eżempju tajjeb f’dawn l-affarijiet?
9 Parti mill-qima tagħna lejn Jehovah qegħda f’li nattendu u nipparteċipaw b’mod regulari fil-laqgħat. Aħna nfaħħrukom ilkoll bil-ħerqa taʼ l-appoġġ mill-aħjar li tagħtu għal dawn il-provvedimenti. Minkejja li intom involuti f’ħafna affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-familja u affarijiet sekulari, l-attendenza medja għat-taħditiet pubbliċi matul is-sena taʼ servizz 2000 kienet taʼ 116 fil-mija—115 fil-mija għall-istudju tat-Torri taʼ l-Għassa, 96 fil-mija għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni u 101 fil-mija għal-laqgħa taʼ nofs il-ġimgħa. Meta l-aħwa jkunu daqshekk determinati li jagħmlu l-isforz tagħhom sabiex jattendu għal-laqgħat tal-kongregazzjoni, bix-xieraq li l-anzjani jaraw li jkun qed jingħata l-ogħla livell taʼ tagħlim possibbli minn anzjani u qaddejja ministerjali kwalifikati. Il-partijiet fil-laqgħat m’għandhomx biss jgħallmu iżda għandhom iqanqlu. Għala? Ġakbu ħeġġeġ lill-Kristjani ‘biex ikunu dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux jisimgħuha biss għax wieħed li jagħmilha jkun hieni fl-għemil tiegħu.’ (Ġak. 1:22, 25) Żgur li ngawdu ferħ ġenwin meta nagħmlu x-xogħol t’Alla minflok milli sempliċement nisimgħu dwaru biss. X’taħseb li hija l-kwalità b’mod ġenerali tal-laqgħat tal-kongregazzjoni tagħkom? L-aħwa rġiel għandhom bżonn xi għajnuna sabiex itejbu u jippreżentaw il-partijiet fil-Laqgħa tas-Servizz? Tistaʼ tara aspetti fejn jistaʼ jsir xi titjib? Liema huma?
10 M’hemmx dubju li kulħadd għandu ħajja mgħaġġla. Tant hemm x’tagħmel u tant għandna affarijiet x’nieħdu ħsieb. L-appostlu Pawlu bilfors li ħassu hekk għax hu kiteb,“U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies taʼ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha!” (2 Kor. 11:28) Forsi, jekk aħna nifhmu r-responsabbiltajiet li l-anzjani għandhom fuq spallejhom, nistgħu nitqanqlu biex nikkooperaw bis-sħiħ magħhom, u b’hekk innaqqsulhom ftit mill-ansjetajiet jew stress. (Lhud 13:17) Kif nistgħu ngħinuhom? Nistgħu llestu r-rapport tas-servizz taʼ l-għalqa kull xahar fil-ħin, u b’hekk niffrankaw lill-anzjani milli jkollhom joqogħdu jfakkruna jew iċemplulna minħabba li qegħdin tard? Jekk ma nkunux nistgħu nagħmlu xi taħdita nistgħu navżaw mill-iktar fis possibbli lill-indokratur li jippresiedi jew lill-indokratur taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku ħalli jgħidu lil xi ħadd ieħor jagħmilha minflokna? Li nkunu leali f’affarijiet żgħar jistaʼ jgħin ferm f’li jneħħi ftit pressjoni minn fuq l-anzjani li huma tant biżlin u impenjati, u b’hekk ikunu jistgħu jikkonċentraw iktar fuq il-bżonnijiet spiritwali tal-kongregazzjoni.
11 L-appostlu Pawlu ħeġġiġna lkoll: “Ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej m’hijiex għalxejn.” (1 Kor. 15:58) Hija attività siewja, u ġġibilna ferħ u sodisfazzjon hekk kif aħna nagħtu sehemna f’din ix-xiehda taʼ l-aħħar li qatt iktar m’hi se terġaʼ ssir. Qalb Jehovah tifraħ meta jara lill-qaddejja leali tiegħu jistinkaw fix-xogħol taʼ l-ippridkar minkejja li jinsabu bħalissa “fi staġun taʼ inkwiet.” (2 Tim. 4:2, New World Translation) Jalla lkoll kemm aħna nkomplu nkabbru l-għajta kbira taʼ tifħir għal Missierna tas-Sema, u b’hekk nieħdu sehem f’li nigglorifikaw l-isem imqaddes tiegħu.