Għarraf lil Oħrajn il-Verità dwar Ġesù
1 Il-Kristjani midlukin, megħjunin minn sħabhom in-nagħaġ l-oħra, għandhom ix-xogħol li jagħtu xiehda għal Ġesù. (Apk. 12:17) Dan l-inkarigu hu importanti, ladarba s-salvazzjoni hi possibbli biss permezz tiegħu.—Ġw. 17:3; Atti 4:12.
2 “It-Triq, il-Verità u l-Ħajja”: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja,” qal Ġesù. “Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġw. 14:6) Huwa biss permezz taʼ Ġesù, “it-Triq,” li aħna nistgħu nersqu lejn Alla bit-talb u r-relazzjoni li jkollna Miegħu tkun approvata. (Ġw. 15:16) Ġesù hu “l-Verità” minħabba li l-profeziji u d-dellijiet li kien hemm fl-Iskrittura Ebrajka saru realtà permezz tiegħu. (Ġw. 1:17; Kol. 2:16, 17) Tabilħaqq, l-iskop primarju tal-profezija vera hu li tixħet iżjed dawl fuq l-irwol prinċipali tiegħu fit-twettiq taʼ l-għan t’Alla. (Apk. 19:10) Iżjed minn hekk, Ġesù hu “l-Ħajja.” Sabiex nirċievu r-rigal taʼ ħajja taʼ dejjem, ilkoll irridu neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju tiegħu tal-fidwa.—Ġw. 3:16, 36; Lhud 2:9.
3 Ir-Ras u s-Sultan Renjanti: In-nies iridu jagħrfu wkoll l-awtorità esekuttiva kbira li Jehovah ħalla f’idejn Ibnu. Ġesù tpoġġa bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla—minnu l-ġnus għandhom jisimgħu. (Ġen. 49:10) Barra minn dan, Jehovah ħatru bħala r-Ras tal-kongregazzjoni. (Efes. 1:22, 23) Aħna jeħtieġ li nfiehmu lill-istudenti tagħna tal-Bibbja kif Ġesù jidderieġi l-kongregazzjoni u juża lill-ilsir leali u diskret biex jipprovdi l-ikel spiritwali fil-ħin xieraq.—Mt. 24:45-47.
4 Qassis il-Kbir Ħanin: Minħabba li bħala bniedem għadda mit-tiġrib u s-sofferenza, Ġesù “jaf jgħin lil dawk li huma fit-tiġrib.” (Lhud 2:17, 18) Kemm tqawwilna qalbna lilna l-bnedmin imperfetti li nitgħallmu li Ġesù jissimpatizza mad-dgħjufijiet tagħna u bil-ħniena jidħol għalina! (Rum. 8:34) Fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù u permezz tas-servizzi tiegħu bħala Qassis il-Kbir, nistgħu nersqu bil-libertà tal-kelma lejn Jehovah biex “insibu f’waqtha [l-“għajnuna,” NW] li neħtieġu.”—Lhud 4:15, 16.
5 Jalla l-isforzi tagħna biex ngħinu lil oħrajn jitgħallmu l-verità dwar Ġesù jqanqluhom jobduh u jservuh flimkien magħna.—Ġw. 14:15, 21.