LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • Il-Foqra Jsiru Iktar Foqra
    It-Torri tal-Għassa—2003 | Awwissu 1
    • xejn illegali direttament, ħafna ħassew li dawn l-​uffiċjali tal-​kumpaniji, bħalma stqarret ir-​rivista Fortune, “qed isiru għonja b’mod eċċessiv, straordinarju, u diżgustanti.” Meta jqisu dak li qed jiġri fid-​dinja, ħafna jibqgħu mbellhin kif dawn l-​ammonti enormi, li huma stmati li jilħqu mijiet taʼ miljuni taʼ dollari għal xi ftit individwi, jistgħu jkunu ġustifikati meta hawn daqstant nies jgħixu fil-​faqar.

      Il-​Faqar Se Jibqaʼ għal Dejjem?

      Dan ma jfissirx li ħadd m’hu qed jipprova jagħmel xi ħaġa dwar l-​istat imwiegħer tal-​foqra. Ċertament li uffiċjali tal-​gvern u organizzazzjonijiet t’għajnuna b’intenzjoni tajba għamlu proposti għal bidliet. Minkejja dan, il-​fatti xorta m’humiex inkuraġġanti. Ir-​Rapport dwar l-​Iżvilupp tal-​Bniedem 2002 jgħid li “ħafna pajjiżi huma iktar foqra milli kienu 10, 20 u f’ċerti każi anki 30 sena ilu,” avolja saru ħafna sforzi nobbli biex isir titjib.

      Allura l-​foqra m’għandhom ebda tama? Aħna nistidnuk taqra l-​artiklu li jmiss biex tikkunsidra ftit għerf prattiku li jistaʼ jgħin issa stess, kif ukoll xi soluzzjonijiet li forsi int qatt ma ħsibt dwarhom.

  • Il-Faqar—Insibu s-Soluzzjoni Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa—2003 | Awwissu 1
    • Il-​Faqar—Insibu s-​Soluzzjoni Dejjiema

      MINKEJJA r-​rapporti negattivi minn madwar id-​dinja rigward il-​faqar, hemm dawk li jibqgħu ottimisti li tistaʼ ssir xi ħaġa konkreta. Per eżempju, skond titlu t’artiklu fil-​Manila Bulletin, il-​Bank taʼ Żvilupp Asjatiku rrapporta li “l-​Asja tistaʼ telimina l-​faqar fi żmien 25 sena.” Il-​bank issuġġerixxa tkabbir ekonomiku bħala mod wieħed biex jiġi eliminat il-​faqar estrem.

      Organizzazzjonijiet u gvernijiet oħra fasslu listi twal taʼ suġġerimenti u pjanijiet biex jipprovaw isolvu l-​problema. Fosthom hemm: programmi t’assigurazzjoni soċjali, titjib fl-​edukazzjoni, kanċellar tad-​djun li nazzjonijiet li qed jiżviluppaw għandhom maʼ nazzjonijiet żviluppati, tneħħija taʼ limiti fuq l-​importazzjoni sabiex ikun iktar faċli għan-​nazzjonijiet li għandhom persentaġġ kbir taʼ nies foqra li jbigħu l-​prodotti tagħhom, u djar provduti mill-​gvern għall-​foqra.

      Fis-sena 2000, l-​Assemblea Ġenerali tal-​Ġnus Magħquda poġġiet miri li għandhom jintlaħqu sas-​sena 2015. Dawn kienu jinkludu li jiġu eliminati l-​faqar u l-​ġuħ estrem kif ukoll id-​differenza kbira fil-​qligħ taʼ ċittadini taʼ l-​istess pajjiż. Huma kemm huma nobbli dawn il-​miri, ħafna jiddubitaw jekk jistgħux jintlaħqu f’din id-​dinja mifruda.

      Passi Prattiċi biex Tkampa mal-​Faqar

      Ladarba ftit li xejn hemm tama għall-​progress veru fuq skala dinjija, dak li jkun lejn xiex jistaʼ jdur għall-​għajnuna? Bħalma ssemma qabel, hemm sors t’għerf prattiku li jistaʼ jgħin lin-​nies issa stess. Dan x’inhu? Huwa l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja.

      Il-Bibbja kif inhi differenti minn kwalunkwe sors ieħor taʼ informazzjoni? Għaliex din ġejja mill-​iktar awtorità għolja, il-​Ħallieq tagħna. Fil-​paġni tagħha hu inkluda għerf prezzjuż​—prinċipji prattiċi li japplikaw għan-​nies kollha, f’kull pajjiż, u f’kull żmien. Jekk jiġu segwiti, dawn il-​prinċipji jistgħu jgħinu lill-​foqra jgawdu ħajja iktar sodisfaċenti anki issa. Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.

      Irid ikollok ħarsa xierqa lejn il-​flus. Il-​Bibbja tgħid: “Fih kenn l-​għerf u fihom kenn il-​flus; imma aħjar l-​għerf għax iħarreġ għall-​ħajja lil min għandu lilu.” (Koħèlet 7:12) Dan xi jfisser? Il-​flus m’humiex kollox. Veru li sa ċertu punt dawn jipprovdu xi ftit tas-​sigurtà. Bihom nistgħu nixtru ċerti affarijiet li jkollna bżonn, imma għal kollox hemm limitu. Hemm affarijiet taʼ valur ħafna akbar li l-​flus ma jistgħux jixtru. Jekk nirrikonoxxu dan il-​fatt inkunu nistgħu nżommu ħarsa xierqa lejn l-​affarijiet materjali, u b’hekk nevitaw il-​frustrazzjonijiet li jkollhom dawk li ħajjithom tiddependi fuq li jgeddsu l-​flus. Il-​flus ma jistgħux jixtru l-​ħajja, imma jekk naġixxu bl-​għerf nistgħu nipproteġu ħajjitna issa u saħansitra jistaʼ jkollna l-​opportunità li ngħixu għal dejjem.

      Tonfoqx iktar milli tiflaħ. Dak li rridu mhux neċessarjament ikun dak li neħtieġu. Għandna nagħtu l-​prijorità lill-​bżonnijiet tagħna. Malajr nistgħu nikkonvinċu lilna nfusna li neħtieġu xi ħaġa, meta fir-​realtà din tkun xi ħaġa li nixtiquha u mhux neħtiġuha. Il-​bniedem għaqli l-​ewwel ma jwarrab mill-​paga tiegħu hu għall-​bżonnijiet​—l-​ikel, il-​ħwejjeġ, id-​dar, u affarijiet bħal dawn. Imbagħad, qabel ma jixtri xi ħaġa żejda, se jiddetermina jekk il-​flus li fadallu humiex biżżejjed għal affarijiet oħra. F’waħda mit-​tixbihat tiegħu, Ġesù ssuġġerixxa li individwu għandu ‘joqgħod bil-​qiegħda biex l-​ewwelnett iqis in-​nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed.’—Luqa 14:28.

      Fil-Filippini, Eufrosina, omm li waħedha qed trabbi tlett itfal, kellha taħdem iebes biex taqlaʼ l-​għajxien u żżomm budget tajjeb mindu telaqha r-​raġel xi ftit tas-​snin ilu. Waqt li tagħmel dan, hi tgħallem lit-​tfal tagħha biex jagħrfu l-​prijoritajiet tal-​budget li kellhom. Per eżempju, it-​tfal forsi jaraw xi ħaġa li jixtiequ. Minflok ma taqbad u tgħid le, hi tirraġuna magħhom billi tgħid: “Jekk trid tistaʼ tixtriha dik, id-​deċiżjoni f’idejk. Għandna biżżejjed flus għal ħaġa waħda biss. Nistgħu nixtru dak li jogħġbok, jew inkella nistgħu nixtru ftit laħam jew ħaxix għal mar-​ross għal din il-​ġimgħa. Mela, liema tixtieq? Iddeċiedi int.” Normalment, it-​tfal malajr jaraw il-​punt u jaqblu li jippreferu l-​ikel milli xi ħaġa oħra.

      Kun kuntent. Prinċipju ieħor mill-​Bibbja jgħid: “Sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu jkun biżżejjed għalina.” (1 Timotju 6:8) Il-​flus infushom ma jġibux il-​ferħ. Ħafna nies għonja huma mdejqin, waqt li ħafna li huma foqra huma ferħanin ħafna. Dawn taʼ l-​aħħar tgħallmu jkunu sodisfatti bl-​affarijiet sempliċi li għandhom bżonn fil-​ħajja. Ġesù tkellem dwar li jkollna ‘għajn safja’ jew sempliċi, li tkun iffokata fuq l-​iktar affarijiet importanti. (Mattew 6:22) Dan hu li jgħin lil individwu jkun kuntent. Ħafna nies foqra jħossuhom sodisfatti għaliex ikkultivaw relazzjoni tajba m’Alla u għandhom ħajja tal-​familja ferħana​—affarijiet li ma jistgħux jinxtraw bil-​flus.

      Dawn huma biss ftit eżempji mis-​suġġerimenti prattiċi tal-​Bibbja li jistgħu jgħinu lil dawk li huma foqra biex ikampaw mas-​sitwazzjoni tagħhom. Hemm ħafna oħra. Per eżempju, evita vizzji bħat-​tipjip u l-​logħob tal-​flus, li jġagħlek titlef kulma jkollok; agħraf x’inhuma l-​iktar affarijiet importanti fil-​ħajja, partikolarment il-​miri spiritwali; fejn l-​impjiegi huma limitati, ipprova uża xi sengħa jew servizz li oħrajn jeħtieġu. (Proverbji 22:29; 23:21; Filippin 1:​9-11) Il-​Bibbja tagħtina parir biex napplikaw dan “l-​għaqal u l-​qjies” għaliex ‘ikunu l-​ħajja taʼ ruħna.’—Proverbji 3:​21, 22.

      Waqt li s-​suġġerimenti tal-​Bibbja għandhom mnejn jipprovdu ftit serħan għal dawk li qed jissieltu mal-​faqar, xorta waħda jibqaʼ xi mistoqsijiet dwar il-​futur. Huma l-​foqra kundannati li jibqgħu dejjem fil-​faqar? L-​inugwaljanzi taʼ bejn dawk għonja ħafna u dawk foqra ħafna qatt se jiġu rranġati? Ejja neżaminaw soluzzjoni li ħafna ma jafux biha.

      Il-​Bibbja Tagħti Raġuni għal Tama

      Ħafna jammettu li l-​Bibbja hija ktieb tajjeb. Madankollu, spiss lanqas biss jafu li din tipprovdi informazzjoni speċifika li tipponta lejn bidliet kbar li dalwaqt se jseħħu.

      Alla se jieħu azzjoni biex jirranġa l-​problemi taʼ l-​umanità, inkluż il-​faqar. Minħabba li l-​gvernijiet umani wrew li ma jistgħux jew ma jridux inneħħuhom, Alla se jqiegħed gvern ieħor minflokhom. Kif? Il-​Bibbja tgħid b’enfasi f’Danjel 2:44: “Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”

      Wara li jneħħi dawn “is-​saltniet,” jew gvernijiet, il-​Mexxej maħtur minn Alla nnifsu se jaġixxi. Dan il-​Mexxej m’huwiex uman imma esseri qawwi fis-​smewwiet li hu bħal Alla, u li għandu l-​abbiltà li jagħmel il-​bidliet drastiċi meħtieġa sabiex jelimina l-​inugwaljanzi li hawn illum. Alla għażel lil Ibnu stess biex jagħmel dan. (Atti 17:31) Salm 72:​12-14 jiddeskrivi x’se jagħmel dan il-​Mexxej, billi jgħid: “Għax hu jeħles lill-​fqir li jsejjaħlu, u lill-​imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-​dgħajjef u għall-​fqajjar; il-​ħajja tal-​fqajrin isalva. Jeħlishom mill-​qerq u mill-​moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.” Xi prospett meraviljuż dan! Serħan sa fl-​aħħar! Il-​mexxej maħtur t’Alla se jaġixxi għan-​nom tal-​foqra u l-​imsejknin.

      Il-​ħafna problemi assoċjati mal-​faqar se jiġu solvuti f’dan iż-​żmien. Vers 16 taʼ Salm 72 jgħid: “Ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art, jogħla sal-​qċaċet taʼ l-​għoljiet.” Mhux se jkun hemm iktar nuqqas taʼ ikel bħala riżultat taʼ ġuħ, nuqqas taʼ flus, jew amministrazzjoni ħażina.

      Problemi oħra se jiġu solvuti wkoll. Per eżempju, illum persentaġġ kbir mill-​abitanti taʼ l-​art m’għandhomx id-​dar tagħhom. Madankollu, Alla jwiegħed: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-​dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-​poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-​siġar, u l-​magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.” (Isaija 65:​21, 22) Kulħadd se jkollu daru u se jgawdi xogħlu. Għalhekk, Alla qed iwiegħed soluzzjoni totali u permanenti għall-​faqar. Mhux se jkun hawn differenza kbira bejn l-​għonja u l-​foqra, u mhux se jkun hemm iktar nies li bilkemm jaqilgħu x’jieklu.

      Meta xi ħadd jismaʼ b’dawn il-​wegħdi tal-​Bibbja għall-​ewwel darba, forsi jibda jħoss li m’humiex realistiċi. Madankollu, jekk jeżamina l-​Bibbja iktar mill-​qrib se jara kif il-​wegħdi kollha t’Alla fil-​passat seħħew. (Isaija 55:11) B’hekk, m’hijiex kwistjoni taʼ jekk dan hux se jseħħ. Minflok, il-​mistoqsija vera hija, X’għandek tagħmel int biex tibbenefika meta dan iseħħ?

      Int Hemm Se Tkun?

      Ladarba l-​gvern huwa t’Alla, għandna nkunu t-​tip taʼ nies li Alla se jaċċetta bħala ċittadini taħt din il-​ħakma. Ma ħalliniex fid-​dlam dwar x’għandna nagħmlu biex nikkwalifikaw. Il-​gwida tinsab fil-​Bibbja.

      Il-Mexxej maħtur, l-​Iben t’Alla, huwa ġust. (Isaija 11:​3-5) B’hekk, dawk li jiġu aċċettati għall-​ħajja taħt dan il-​gvern huma nfushom għandhom ikunu ġusti. Proverbji 2:​21, 22 jgħid: “It-​tajbin jgħammru fl-​art, u n-​nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-​ħżiena mill-​art jitqaċċtu, u l-​qarrieqa jinqalgħu minnha.”

      Hemm xi mod kif nistgħu nitgħallmu kif nilħqu dawn il-​ħtiġijiet? Iva, hemm. Billi tistudja l-​Bibbja u tapplika d-​direzzjonijiet li fiha, int tkun tistaʼ tgawdi dan il-​futur meraviljuż. (Ġwanni 17:3) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah lesti minn qalbhom jgħinuk f’dan l-​istudju. Aħna nistidnuk tieħu vantaġġ minn din l-​opportunità li tiġi inkluż f’soċjetà li qatt ma se tesperjenza l-​faqar u l-​inġustizzja.

      [Stampa f’paġna 5]

      Eufrosina: “‘Budget’ strett jgħin lili u lill-​familja tiegħi sabiex ikollna l-​bżonnijiet”

      [Stampi f’paġna 6]

      Relazzjoni tajba m’Alla u ħajja tal-​familja ferħana ma jistgħux jinxtraw bil-​flus

Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
Oħroġ
Illoggja
  • Malti
  • Ixxerja
  • Preferenzi
  • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
  • Kundizzjonijiet għall-Użu
  • Privacy Policy
  • Privacy Settings
  • JW.ORG
  • Illoggja
Ixxerja