L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex
JISTAʼ xi bniedem bla dubju jissejjaħ l-aqwa bniedem li qatt għex? Kif tkejlu l-kobor taʼ bniedem? Bil-ġenju militari tiegħu? bis-saħħa fiżika tiegħu? bil-kapaċità mentali tiegħu?
Il-kittieb tal-istorja H. G. Wells qal li l-kobor taʼ bniedem jistaʼ jitkejjel minn ‘dak li jħalli biex jikber, u jekk bediex lil oħrajn jaħsbu fuq linji ġodda b’saħħa li ppersistiet warajh.’ Wells, għalkemm ma stqarrx li hu Kristjan, għaraf: “B’din il-prova Ġesù jiġi l-ewwel.”
Alessandru l-Kbir, Karlu Manju (imsejjaħ “il-Kbir” saħansitra matul ħajtu), u Napuljun Bonaparte kienu ħakkiema taʼ setgħa kbira. Bil-preżenza formidabbli tagħhom, huma kellhom influwenza kbira fuq dawk li lilhom ikkmandaw. Iżda, Napuljun huwa rrapportat li qal: “Ġesù Kristu influwenza u kkmanda lis-sudditi Tiegħu mingħajr il-preżenza viżibbli fil-ġisem Tiegħu.”
Bit-tagħlim dinamiku tiegħu u bil-mod taʼ kif għex fi qbil miegħu, Ġesù effettwa b’mod qawwi l-ħajjiet tan-nies għal kważi elfejn sena. Bħalma esprimieha tajjeb wieħed kittieb: “L-armati kollha li qatt immarċjaw, u l-qawwiet navali kollha li qatt inbnew, u l-parlamenti kollha li qatt iltaqgħu, is-slaten kollha li qatt irrenjaw, kollha flimkien m’effettwawx il-ħajja tal-bniedem fuq l-art b’daqstant qawwa.”
Persuna Storika
Iżda, ħaġa tal-iskantament, xi wħud igħidu li Ġesù qatt ma kien igħix—li hu, effettivament, il-ħolqien taʼ xi rġiel tal-ewwel seklu. Biex iwieġeb nies xettiċi bħal dawn, il-kittieb rispettat tal-istorja Will Durant argumenta: “Li xi ftit irġiel sempliċi f’ġenerazzjoni waħda vvintaw personalità tant qawwija u li tappella, etika tant għolja u dehra taʼ fratellanza umana li tant tqanqal, kien ikun miraklu ferm iktar inkredibbli minn kull wieħed li hemm miktub fl-Evanġelji.”
Staqsi lilek innifsek: Setgħet persuna li qatt ma għexet teffettwa lill-istorja tal-bniedem b’mod daqshekk tal-għaġeb? Ix-xogħol taʼ referenza The Historians’ History of the World osserva: “Ir-riżultat storiku tal-attivitajiet taʼ [Ġesù] kien iktar taʼ sinjifikat kbir, saħansitra minn pożizzjoni strettament sekulari, mill-egħmejjel taʼ kwalunkwe karattru ieħor tal-istorja. Era ġdida, irrikonoxxuta miċ-ċivilizzazzjonijiet ewlenin tad-dinja, bdiet tgħodd mit-twelid tiegħu.”
Iva, aħseb ftit dwar dan. Saħansitra l-kalendarji llum huma bbażati fuq is-sena li Ġesù huwa maħsub li twieled fiha. “Dati qabel dik is-sena jiġu mniżżlin bħala Q.K., jew qabel Kristu,” tispjega The World Book Encyclopedia. “Dati wara dik is-sena jiġu mniżżlin bħala A.D., jew anno Domini (fis-sena tal-Mulej).”
Il-kritiċi, madankollu, igħidu li dak kollu li tassew nafu dwar Ġesù jinstab fil-Bibbja. Ebda kitbiet oħra taʼ dak iż-żmien li jikkonċernaw lilu ma jeżistu, igħidu huma. Saħansitra H. G. Wells kiteb: “Il-kittieba antiki Rumani tal-istorja injoraw lil Ġesù għalkollox; ma ħalla ebda impressjoni fuq il-kitbiet storiċi taʼ żmienu.” Imma huwa dan veru?
Għalkemm referenzi għal Ġesù Kristu minn kittieba sekulari bikrin tal-istorja hemm ftit li xejn, referenzi bħal dawn tassew jeżistu. Cornelius Tacitus, kittieb tal-istorja Ruman irrispettat tal-ewwel seklu, kiteb: “L-isem [Kristjan] ġej mill-isem Kristu, li lilu l-prokuratur Ponzju Pilatu kien qatel fir-renju taʼ Tiberju.” Suetonius u Pliny l-Iżgħar, kittieba Rumani oħra taʼ dak iż-żmien, ukoll irreferew għal Kristu. Barra minn hekk, Flavius Josephus, kittieb tal-istorja Lhudi tal-ewwel seklu, kiteb dwar Ġakbu, li lilu hu identifikah bħala “ħu Ġesù, li kien imsejjaħ Kristu.”
The New Encyclopædia Britannica b’hekk tikkonkludi: “Dawn ir-rakkonti indipendenti jagħtu prova li fi żminijiet antiki saħansitra dawk li kienu jopponu lill-Kristjanità qatt ma ddubitaw l-istoriċità taʼ Ġesù, li ġiet argumentata għall-ewwel darba u fuq raġunijiet mhux adegwati fit-tmiem tas-seklu 18, matul is-seklu 19, u fil-bidu tas-seklu 20.”
Essenzjalment, madankollu, dak kollu li hu magħruf dwar Ġesù kien miktub mis-segwaċi tiegħu tal-ewwel seklu. Ir-rapporti tagħhom ġew miżmumin fl-Evanġelji—kotba tal-Bibbja miktubin minn Mattew, Mark, Luqa, u Ġwanni. Dawn ir-rakkonti x’igħidu rigward l-identità taʼ Ġesù?
Verament, Min Kien Hu?
L-imseħbin taʼ Ġesù tal-ewwel seklu mmeditaw fuq dik il-mistoqsija. Meta raw lil Ġesù b’mod mirakoluż jikkalma b’ċanfira lill-baħar imqalleb ħafna minħabba r-riħ, huma stagħġbu mbellhin: “Dan min tassew hu?” Iktar tard, f’okkażjoni oħra, Ġesù staqsa lill-appostli tiegħu: “Min tgħidu li jien?”—Mark 4:41; Mattew 16:15.
Kieku xi ħadd kellu jistaqsik dik il-mistoqsija, kif kont twieġeb? Kien Ġesù, fil-fatt, Alla? Ħafna nies illum igħidu li kien. Iżda, l-imseħbin tiegħu qatt ma emmnu li hu kien Alla. Ir-risposta tal-appostlu Pietru għall-mistoqsija taʼ Ġesù kienet: “Int il-Kristu, l-Iben t’Alla l-ħaj.”—Mattew 16:16.
Ġesù qatt ma sostna li hu Alla, imma rrikonoxxa li hu kien il-Messija mwiegħed, jew Kristu. Hu qal ukoll li kien “l-Iben t’Alla,” mhux Alla. (Ġwann 4:25, 26; 10:36) Iżda, il-Bibbja ma tgħidx li Ġesù kien bniedem bħal kwalunkwe bniedem ieħor. Hu kien persuna speċjali ferm għaliex kien maħluq minn Alla qabel l-affarijiet l-oħra kollha. (Kolossin 1:15) Għal biljuni bla għadd taʼ snin, qabel saħansitra ma l-univers fiżiku kien maħluq, Ġesù għex bħala persuna spirtu fis-sema u gawda sħubija intima maʼ Missieru, Alla Jehovah, il-Ħallieq Grandjuż.—Proverbji 8:22, 27-31.
Imbagħad, madwar elfejn sena ilu, Alla ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ibnu fil-ġuf taʼ mara, u Ġesù ġie li jkun iben uman taʼ Alla, imwieled bil-manjiera normali permezz taʼ mara. (Galatin 4:4) Meta Ġesù kien qed jiżżviluppa fil-ġuf u waqt li kien qed jikber bħala tifel, hu kien jiddependi minn dawk li lilhom Alla kien għażel biex ikunu l-ġenituri tiegħu fuq l-art. Eventwalment Ġesù sar raġel, u ġie mogħti tfakkira sħiħa tas-sħubija li hu kellu qabel maʼ Alla fis-sema.—Ġwann 8:23; 17:5.
X’Inhu li Għamlu l-Aqwa Wieħed
Minħabba li imita bir-reqqa lil Missieru tas-sema, Ġesù kien l-aqwa bniedem li qatt għex. Bħala Iben leali, Ġesù kkopja lil Missieru b’tant eżattezza li setaʼ jgħid lis-segwaċi tiegħu: “Dak li ra lili ra lill-Missier ukoll.” (Ġwann 14:9, 10) F’kull sitwazzjoni hawn fuq l-art, hu għamel sewwa sew bħalma Missieru, Alla li Jistaʼ Kollox, kieku kien jagħmel. “Ma nagħmel xejn minn jeddi,” spjega Ġesù, “imma sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.” (Ġwann 8:28) Mela meta nistudjaw il-ħajja taʼ Ġesù Kristu, inkunu, fil-fatt, qed niksbu stampa ċara taʼ eżatt kif inhu Alla.
B’hekk, għalkemm l-appostlu Ġwanni rrikonoxxa li “ebda bniedem ma ra lil Alla,” hu xorta setaʼ jikteb li “Alla hu mħabba.” (Ġwann 1:18; 1 Ġwann 4:8) Ġwanni setaʼ jagħmel dan għaliex hu kien jafha l-imħabba t’Alla permezz taʼ dak li hu ra f’Ġesù, li kien ir-riflessjoni perfetta taʼ Missieru. Ġesù kien jagħder, kien qalbu tajba, kien umli, u kien iħalli lil min jersaq lejh. Id-dgħajfin u l-imgħaffġin kienu jħossuhom komdi miegħu, bħalma kienu jagħmlu nies taʼ kull xorta—irġiel, nisa, tfal, il-għonja, il-foqra, is-setgħana, saħansitra midinbin kbar. Dawk biss bi qlub mill-agħar ma kinux kuntenti bih.
Tabilħaqq, Ġesù mhux biss għallem lis-segwaċi tiegħu biex iħobbu lil xulxin, imma wrihom kif. “Sewwa sew bħalma ħabbejtkom jien,” hu qal, “intom ukoll [għandkom] tħobbu lil xulxin.” (Ġwann 13:34) Li wieħed ikun jaf “l-imħabba tal-Kristu,” spjega wieħed mill-appostli tiegħu, ‘jisboq il-għarfien.’ (Efesin 3:19) Iva, l-imħabba li Kristu wera hija iktar ’il fuq minn għarfien akkademiku fir-ras u ‘ġġiegħel’ lil oħrajn iwieġbu għaliha. (2 Korintin 5:14) B’hekk, l-eżempju li jisboq tal-imħabba taʼ Ġesù, b’mod partikulari, huwa dak li għamlu l-aqwa bniedem li qatt għex. L-imħabba tiegħu messet il-qlub taʼ miljuni sħaħ matul is-sekli u influwenzat il-ħajjiet tagħhom għat-tajjeb.
Iżda, xi wħud jistgħu joġġezzjonaw: ‘Ħares lejn id-delitti kollha li saru f’isem Kristu—il-Kruċjati, l-Inkwiżizzjoni, u l-gwerer li raw lil miljuni li jgħidu li huma Kristjani joqtlu lil xulxin fuq fruntieri opposti.’ Imma l-verità hi, dawn in-nies jikkontradixxu lil dak li jgħidu huma li huma segwaċi taʼ Ġesù. It-tagħlim u l-mod taʼ ħajja tiegħu jikkundannaw l-aġir tagħhom. Saħansitra wieħed Indu, Mohandas Gandhi, ġie mqanqal biex igħid: ‘Jien inħobbu lil Kristu, imma nistmerr lill-Kristjani għaliex ma jgħixux kif għex Kristu.’
Ibbenefika billi Titgħallem Dwaru
Żgur li ebda studju ma jistaʼ jkun iktar importanti llum minn dak tal-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù Kristu. “Ħarsu fissi lejn . . . Ġesù,” ħeġġeġ l-appostlu Pawlu. “Tabilħaqq, ikkunsidraw mill-qrib lil [dak] il-wieħed.” U Alla nnifsu kkmanda rigward Ibnu: “Isimgħu minnu.” Dan hu dak li l-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex se jgħinek tagħmel.—Ebrej 12:2, 3; Mattew 17:5.
Sar sforz biex nippreżentaw kull ġrajja fil-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art li tinstab fl-erbaʼ Evanġelji, inklużi d-diskorsi li ta u t-tixbihat u l-mirakli tiegħu. Kemm jistaʼ jkun possibbli, kollox huwa rrakkontat fl-ordni li ġara. Fit-tmiem taʼ kull kapitlu hemm lista tal-iskritturi tal-Bibbja li fuqhom il-kapitlu huwa bbażat. Int inkuraġġit li taqra dawn l-iskritturi u li twieġeb il-mistoqsijiet taʼ reviżjoni li huma pprovduti.
Wieħed studjuż mill-Università taʼ Chicago dan l-aħħar sostna: “Iktar ġie miktub dwar Ġesù fl-aħħar għoxrin sena milli fl-elfejn sena taʼ qabel.” Madankollu hemm ħtieġa vitali li tikkunsidra personalment ir-rakkonti tal-Evanġelji, għax bħalma stqarret The Encyclopædia Britannica: “Ħafna studenti moderni saru tant preokkupati b’teoriji li ma jaqblux maʼ xulxin dwar Ġesù u l-Evanġelji li huma ttraskuraw li jistudjaw dawn is-sorsi bażiċi għalihom waħedhom.”
Wara konsiderazzjoni mill-qrib u bla preġudizzju tar-rakkonti tal-Evanġelji, aħna nħossu li int se taqbel li l-akbar waħda mill-ġrajjiet kollha fl-istorja tal-bniedem seħħet fir-renju tar-Ruman Ċesri Awgustu, meta Ġesù taʼ Nazzaret deher sabiex jagħti l-ħajja tiegħu għan-nom tagħna.