-
Il-Moralità tal-Bibbja—Hija Din l-Aqwa Moralità?It-Torri tal-Għassa—2000 | Novembru 1
-
-
iżjed id-divorzju. Thomas u Doris bdew jaħdmu fuq il-problemi tagħhom flimkien. Minħabba li applikaw il-parir tal-Bibbja, iż-żwieġ tagħhom issaħħaħ u kellhom iċ-ċans li jiddiskutu u jsolvu kollox flimkien.
L-Onestà f’Kollox
Li wieħed iżomm fedelment ir-rabta taż-żwieġ għal dejjem jirrikjedi saħħa morali u mħabba għal dak li hu tajjeb. Anki biex wieħed jibqaʼ jkun onest fid-dinja diżonesta li ngħixu fiha hemm bżonn li jkollu dawn il-kwalitajiet. Il-Bibbja titkellem ħafna dwar l-onestà. L-appostlu Pawlu kiteb hekk lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu li kienu jgħixu fil-Lhudija: “Aħna nemmnu li għandna kuxjenza tajba, billi rridu ngħixu onestament f’kollox.” (Lhud 13:18, KŻ) X’ifisser dan?
Bniedem onest jgħid il-verità u ma jqarraqx. Hu jittratta m’oħrajn b’mod ġust—bniedem taʼ min jirrispettah li ma jagħmel xejn minn taħt, u la jinganna u lanqas jigdeb. Barra minn hekk, xi ħadd onest hu bniedem taʼ integrità li ma jidħaqx b’ħaddieħor. Bl-aġir tagħhom, nies onesti jgħinu biex ikun hemm atmosfera taʼ fiduċja, u dan iwassal biex in-nies ikollhom attitudni tajba u jinkuraġġixxi relazzjonijiet sodi bejniethom.
In-nies onesti huma ferħanin? Fil-fatt, għandhom ħafna raġunijiet biex ikunu ferħanin. Minkejja li l-korruzzjoni u l-qerq narawhom kulfejn indawru wiċċna, jew forsi propju għal dan il-fatt, nies onesti ġeneralment ikunu ammirati minn oħrajn. Skond stħarriġ li sar fost iż-żgħażagħ, l-onestà hija virtù li 70 fil-mija taʼ dawk li ħadu sehem iqisuha bħala mixtieqa ħafna. Iktar minn hekk, hi x’inhi l-età tagħna, l-onestà hi waħda mill-ewwel affarijiet li nfittxu f’dawk li nkunu rridu bħala l-ħbieb tagħna.
Christine bdiet titgħallem tisraq meta kellha 12-il sena. Maż-żmien saret ħalliela tas-sengħa. “Ġieli kien hemm drabi meta mort id-dar b’DM 5,000 [Lm846] f’idejja,” tispjega hi. Imma Christine ġiet arrestata kemm-il darba, u l-ħin kollu kienet tissogra li jitfgħuha l-ħabs. Meta x-Xhieda taʼ Jehovah spjegawlha x’tgħid il-Bibbja dwar l-onestà, lil Christine għoġbuha l-prinċipji morali tal-Bibbja. Hi tgħallmet tobdi t-twissija: “Iqis il-ħalliel li ma jisraqx aktar.”—Efesin 4:28.
Sakemm waslet biex titgħammed u ssir waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah, Christine ma kinitx għadha tisraq. Kienet qed tagħmel ħilitha biex tkun onesta f’kollox, ladarba x-Xhieda jpoġġu enfasi kbira fuq l-onestà u kwalitajiet Kristjani oħrajn. Il-gazzetta Lausitzer Rundschau tirrapporta: “Termini morali bħalma huma onestà, moderazzjoni, u mħabba lejn ġarna għandhom post importanti ħafna fil-fidi tax-Xhieda.” Christine kif tħossha dwar il-bidla li saret f’ħajjitha? “Issa li waqaft nisraq, inħossni ħafna iktar ferħana. Inħoss li jien membru rispettabbli tas-soċjetà.”
Is-Soċjetà Kollha Tibbenefika
Nies li huma leali fiż-żwieġ tagħhom u li huma onesti mhux biss iħossuhom iktar ferħanin imma huma wkoll taʼ ġid għas-soċjetà in ġenerali. Dawk li jimpjegaw lin-nies magħhom jippreferu ħaddiema li ma jqarrqux. Ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir b’ġirien li nistgħu nafdawhom, u nieħdu gost nixtru minn ħwienet taʼ sidien taʼ sebagħhom dritt. M’huwiex veru li dawk il-politikanti, il-pulizija, u l-imħallfin li jgħidu le għall-korruzzjoni jirbħu r-rispett tagħna? Il-komunità tibbenefika bil-kbir meta l-membri tagħha jaġixxu bl-onestà biex iżommu mal-prinċipju, u mhux għax ikun jaqblilhom.
Iktar minn hekk, miżżewġin li huma leali lejn xulxin huma l-bażi taʼ familji stabbli. U l-biċċa l-kbira tan-nies jaqblu maʼ dak li qal politiku Ewropew: “Il-familja [tradizzjonali] għadha sal-lum l-iktar refuġju importanti biex il-bniedem iħossu fis-sigurtà u jħoss li ħajtu għandha skop.” Familja li tgawdi l-paċi hi familja fejn kemm il-kbar u kemm iż-żgħar għandhom l-aħjar opportunità biex iħossuhom kunfidenti emozzjonalment. B’hekk, dawk li huma leali fiż-żwieġ qegħdin fil-fatt jgħinu biex jibnu soċjetà stabbli.
Aħseb ftit kemm jibbenefika kulħadd kieku ma jkunx hawn nisa li jitlaqhom ir-raġel jew irġiel li jitilquhom in-nisa tagħhom, qrati tad-divorzju, jew każi biex jiġi deċiż min se jieħu l-kustodja tat-tfal. U xi tgħid kieku ma jkunx hawn iktar ħallelin, nies li jżerżqu f’buthom flus ħaddieħor, uffiċjali korrotti, jew xjentisti qarrieqa? Hija din biss ħolma? Mhux għal dawk li huma ħerqanin biex ikunu jafu x’hemm fil-Bibbja u x’tgħid din dwar il-futur tagħna. Il-Kelma t’Alla twiegħed li s-Saltna Messjanika taʼ Jehovah dalwaqt se tieħu f’idejha t-tmexxija tas-soċjetà umana kollha fuq l-art. Taħt din is-Saltna, is-sudditi kollha tagħha se jiġu mgħallmin jgħixu skond il-morali tal-Bibbja. F’dak iż-żmien, “il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:29.
Il-Moralità tal-Bibbja Hija l-Aqwa Moralità
Miljuni taʼ nies li eżaminaw x’tgħid l-Iskrittura Mqaddsa saru japprezzaw li l-pariri tal-Bibbja huma bbażati fuq l-għerf divin, li jisboq bil-wisq il-mod kif jaħsbu l-bnedmin. Dawn in-nies jaħsbu li l-Bibbja hi taʼ min jafdaha u li tgħodd għall-ħajja li ngħixu llum. Jafu li jekk japplikaw il-pariri li hemm fil-Kelma t’Alla, dan se jservi għall-ġid tagħhom.
Għalhekk, dawn in-nies jemmnu b’qalbhom kollha dan il-parir li tagħti l-Bibbja: “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.” (Proverbji 3:5, 6) Billi jagħmlu dan, huma jtejbu bil-kbir ħajjithom stess, u jgħinu lil dawk taʼ madwarhom biex jibbenefikaw ukoll. U jibnu fiduċja soda fil-“ħajja . . . li għad trid tiġi,” meta l-umanità kollha se timxi mal-moralità tal-Bibbja.—1 Timotju 4:8.
-
-
Inqisu l-Indafa Morali Kif Iqisha AllaIt-Torri tal-Għassa—2000 | Novembru 1
-
-
Inqisu l-Indafa Morali Kif Iqisha Alla
-