LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • dp kap. 18 pp. 306-319
  • Jehovah Jwiegħed Premju taʼ l-​Għaġeb lil Danjel

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jehovah Jwiegħed Premju taʼ l-​Għaġeb lil Danjel
  • Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “IBQAʼ SEJJER LEJN L-​AĦĦAR”
  • JIPPERSEVERA BĦALA STUDENT TAL-​KELMA T’ALLA
  • DANJEL IPPERSEVERA FIT-​TALB
  • JIPPERSEVERA BĦALA GĦALLIEM TAL-​KELMA T’ALLA
  • ‘INT SE TISTRIEĦ’
  • INT SE “TQUM”
  • SEHEM DANJEL FIL-​ĠENNA TAʼ L-​ART ​—U DAK TIEGĦEK!
  • Imsaħħaħ Permezz taʼ Messaġġier Mibgħut Minn Alla
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Il-​Ktieb taʼ Danjel u Int
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ Danjel
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Danjel​—Ktieb Mgħoddi Ġuri
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
Ara Iżjed
Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
dp kap. 18 pp. 306-319

Kapitlu Tmintax

Jehovah Jwiegħed Premju taʼ l-​Għaġeb lil Danjel

1, 2. (a) Ġerrej liema kwalità importanti jeħtieġ sabiex jirnexxi? (b) L-​appostlu Pawlu kif qabbel ħajja taʼ fedeltà fis-​servizz taʼ Jehovah maʼ tellieqa?

ĠERREJ jagħmel l-​aħħar sforzi lejn it-​tmiem tal-​ġirja. Iħossu kważi eżawrit, imma billi qiegħed jara t-​tmiem quddiem għajnejh, juża kull nitfa enerġija li fadallu f’dawk l-​aħħar ftit passi. Billi jisforza b’kull muskolu li għandu, sa fl-​aħħar jaqbeż is-​sinjal! Wiċċu jinbidel għal wieħed taʼ serħan u trijonf. Il-​fatt li ppersevera sa l-​aħħar ġablu suċċess.

2 Fil-​konklużjoni taʼ Danjel kapitlu 12, insibu lill-​profeta maħbub qiegħed joqrob lejn it-​tmiem tal-​‘ġirja’ tiegħu stess​—ħajtu fis-​servizz taʼ Jehovah. Wara li semma diversi eżempji taʼ fidi fost il-​qaddejja taʼ Jehovah taʼ qabel l-​era Kristjana, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira taʼ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-​triq tal-​prova li għandna quddiemna; nżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-​fidi tagħna; hu li, flok l-​hena li kellu quddiemu, qagħad għas-​salib bla xejn ma qies l-​għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-​naħa tal-​lemin tat-​tron taʼ Alla.”​—Lhud 12:​1, 2.

3. (a) X’qanqal lil Danjel biex ‘jibqaʼ jiġri’? (b) Liema tliet affarijiet distinti qal l-​anġlu taʼ Jehovah lil Danjel?

3 Fost dik is-​“sħaba . . . kbira taʼ xhieda” kien hemm Danjel. Dan ċertament li kien wieħed li kellu ‘jibqaʼ jiġri,’ u kien imqanqal jagħmel hekk għaliex kellu mħabba profonda lejn Alla. Jehovah kien irrivelalu ħafna affarijiet lil Danjel dwar il-​futur taʼ gvernijiet dinjin, imma issa bagħatlu dan l-​inkuraġġiment persunali: “Imma int ibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar mistrieħ tiegħek; u mbagħad, meta jintemm iż-​żmien, tqum għall-​wirt li jmissek.” (Danjel 12:13) L-​anġlu taʼ Jehovah kien qed jgħidlu tliet affarijiet distinti lil Danjel: (1) li għandu ‘jibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar,’ (2) li kien se ‘jistrieħ,’ u (3) li kien se ‘jqum’ mill-​ġdid fil-​futur. Dan il-​kliem kif jistaʼ jinkuraġġixxi lill-​Kristjani llum biex jipperseveraw sat-​tmiem fil-​ġirja għall-​ħajja?

“IBQAʼ SEJJER LEJN L-​AĦĦAR”

4. X’ried ifisser l-​anġlu taʼ Jehovah meta qal “ibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar,” u għala jistaʼ jkun li dan kien taʼ sfida għal Danjel?

4 X’ried ifisser l-​anġlu meta qal lil Danjel: “Int ibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar”? L-​aħħar taʼ xiex? Sewwa, peress li Danjel kellu kważi 100 sena, milli jidher din kienet referenza għall-​aħħar taʼ ħajtu stess, li x’aktarx kien qrib ġmielu.a L-​anġlu kien qed iħeġġeġ lil Danjel biex jippersevera fedelment sakemm imut. Imma dan setaʼ ma kienx faċli. Danjel kien għex biex jara l-​waqgħa taʼ Babilonja u fdal mill-​eżiljati Lhud jirritorna lejn Ġuda u Ġerusalemm. Dan bilfors li ġablu ħafna ferħ lill-​profeta xwejjaħ. Iżda, m’hemmx dokumentat li hu ssieħeb f’dak il-​vjaġġ. Setaʼ kien xiħ u fraġli wisq sa dak iż-​żmien. Jew forsi kienet ir-​rieda taʼ Jehovah li hu jibqaʼ f’Babilonja. Kien x’kien il-​każ, wieħed bilfors joqgħod iberren jekk Danjel ħassux kemxejn imxennaq hekk kif in-​nies taʼ pajjiżu telqu lejn Ġuda.

5. Liema indikazzjoni hemm li Danjel ippersevera sa l-​aħħar?

5 Danjel bla dubju ssaħħaħ ferm b’dak li qal l-​anġlu b’qalb tajba: “Int ibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar.” Dan għandu mnejn ifakkarna fil-​kliem li qal Ġesù Kristu xi sitt sekli wara: “Imma min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-​aħħar, dan isalva.” (Mattew 24:13) Bla dubju, Danjel hekk għamel. Ippersevera sa l-​aħħar, billi ġera fedelment il-​ġirja għall-​ħajja sat-​tmiem. Din tistaʼ tkun raġuni waħda għala iktar tard issir referenza favorevoli għalih fil-​Kelma t’Alla. (Lhud 11:​32, 33) Bis-​saħħa taʼ xiex setaʼ Danjel jippersevera sa l-​aħħar? Ir-​rekord taʼ ħajtu jgħinna nsibu t-​tweġiba.

JIPPERSEVERA BĦALA STUDENT TAL-​KELMA T’ALLA

6. Kif nafu li Danjel kien student diliġenti tal-​Kelma t’Alla?

6 Għal Danjel, li jippersevera sa l-​aħħar kien jinvolvi li jkompli jistudja l-​wegħdi kommoventi t’Alla u jimmedita fuqhom profondament. Aħna nafu li Danjel kien student devot tal-​Kelma t’Alla. Inkella, kif setaʼ jkun jaf bil-​wegħda li Jehovah għamel lil Ġeremija li l-​eżilju kien se jdum 70 sena? Danjel innifsu kiteb: “Jien . . . fittixt fl-​Iskrittura biex inkun naf in-​numru tas-​snin.” (Danjel 9:2; Ġeremija 25:​11, 12) Bla dubju, Danjel fittex fil-​kotba tal-​Kelma t’Alla li kienu jeżistu dak iż-​żmien. Il-​kitbiet taʼ Mosè, David, Salamun, Isaija, Ġeremija, Eżekjel​—dak kollu li kien disponibbli għalih—​żgur li lil Danjel ipprovdewlu ħafna sigħat pjaċevoli taʼ qari u meditazzjoni.

7. Meta nqabblu żmienna maʼ dak taʼ Danjel, liema vantaġġi għandna aħna f’li nistudjaw il-​Kelma t’Alla?

7 Sabiex nikkultivaw il-​perseveranza llum, huwa vitali li nistudjaw il-​Kelma t’Alla u nagħtu ruħna għaliha. (Rumani 15:​4-6; 1 Timotju 4:15) U aħna għandna l-​Bibbja kollha kemm hi, li tinkludi r-​rekord miktub taʼ kif xi profeziji taʼ Danjel twettqu sekli wara. Iżjed minn hekk, aħna mberkin b’li qegħdin ngħixu matul iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” imbassar f’Danjel 12:4. Fi żmienna stess, il-​midlukin tbierku b’dehen spiritwali, waqt li iddew bħal raġġi taʼ verità f’din id-​dinja mudlama. Bħala riżultat, ħafna mill-​profeziji profondi li hemm fil-​ktieb taʼ Danjel, li ftit minnhom lilu ħawduh, huma mimlijin tifsir għalina llum. Għalhekk, ejja nkomplu nistudjaw il-​Kelma t’Alla kuljum, billi qatt ma nonqsu li napprezzaw dawn l-​affarijiet. Il-​fatt li nagħmlu hekk se jgħinna nipperseveraw.

DANJEL IPPERSEVERA FIT-​TALB

8. Danjel liema eżempju ta fil-​kwistjoni tat-​talb?

8 It-​talb ukoll għen lil Danjel biex jippersevera sa l-​aħħar. Kuljum kien idur lejn Alla Jehovah u jkellmu bil-​miftuħ b’qalb mimlija fidi u fiduċja. Kien jaf li Jehovah kien ‘jismaʼ t-​talb.’ (Salm 65:3 [65:​2, NW]; qabbel Lhud 11:6.) Meta qalb Danjel ittaqqlet bin-​niket minħabba l-​korsa ribelluża taʼ Iżrael, hu ferraʼ s-​sentimenti tiegħu lil Jehovah. (Danjel 9:​4-19) Saħansitra meta Dariju ħareġ digriet li għal 30 jum it-​talb ried isir lilu biss, Danjel ma ħalliex li dan iwaqqfu milli jitlob lil Alla Jehovah. (Danjel 6:11 [6:10, NW]) Ma jmissilniex qalbna li nġibu quddiem għajnejna lil dak ix-​xwejjaħ leali jiffaċċja bil-​kuraġġ ħofra mimlija ljuni minflok ma jabbanduna l-​privileġġ prezzjuż tat-​talb? Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li Danjel resaq fedelment lejn tmiem ħajtu, jitlob bi ħrara lil Jehovah kuljum.

9. Il-​privileġġ tat-​talb għala qatt m’għandna nonqsu li napprezzawh?

9 It-​talb huwa att sempliċi. Nistgħu nitolbu tistaʼ tgħid f’kull ħin, kullimkien, b’leħen għoli jew fis-​skiet. Iżda, qatt m’għandna nieħdu dan il-​privileġġ prezzjuż b’indifferenza. Il-​Bibbja torbot it-​talb mas-​sabar, mal-​perseveranza, u maʼ li wieħed jibqaʼ mqajjem spiritwalment. (Luqa 18:1; Rumani 12:12; Efesin 6:18; Kolossin 4:2) M’hijiex ħaġa taʼ l-​għaġeb li għandna disponibbli mezz taʼ komunikazzjoni bla restrizzjoni maʼ l-​ogħla persunaġġ fl-​univers? U hu jagħtina widen! Ġib quddiem għajnejk l-​okkażjoni meta Danjel talab, u Jehovah bi tweġiba bagħat anġlu. L-​anġlu wasal waqt li Danjel kien għadu qed jitlob! (Danjel 9:​20, 21) L-​era tagħna forsi m’hijiex waħda taʼ żjajjar anġeliċi bħal dawn, imma Jehovah ma nbidilx. (Malakija 3:6) Sewwa sew bħalma semaʼ t-​talba taʼ Danjel, se jismaʼ dik tagħna. U hekk kif nitolbu, se nersqu eqreb lejn Jehovah, u b’hekk nifformaw rabta li se tgħinna nipperseveraw sa l-​aħħar, kif għamel Danjel.

JIPPERSEVERA BĦALA GĦALLIEM TAL-​KELMA T’ALLA

10. Għala kien importanti għal Danjel li jgħallem il-​verità tal-​Kelma t’Alla?

10 Danjel kellu ‘jibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar’ f’sens ieħor. Kellu jippersevera bħala għalliem tal-​verità. Qatt ma nesa li hu kien wieħed min-​nies magħżulin li dwarhom l-​Iskrittura kienet qalet: “‘Intom ix-​xhieda tiegħi,’ oraklu tal-​Mulej, ‘u l-​qaddej tiegħi li jiena ħtart.’” (Isaija 43:10) Danjel għamel kulma setaʼ biex iwettaq dak l-​inkarigu. X’aktarx li xogħlu kien jinkludi li jgħallem lil niesu stess li kienu eżiljati f’Babilonja. Ftit li xejn nafu dwar il-​mod kif ittratta maʼ sħabu l-​Lhud ħlief dwar il-​konnessjoni li kellu maʼ dawk it-​tlieta li ssir referenza għalihom bħala “sħabu”​—Ħananija, Misaèl, u Għażarija. (Danjel 1:7; 2:​13, 17, 18) Il-​ħbiberija mill-​qrib li kellhom żgur li għenet ħafna lil kull wieħed minnhom biex jippersevera. (Proverbji 17:17) Danjel, li kien imbierek minn Jehovah b’dehen speċjali, kellu ħafna x’jgħallimhom lil ħbiebu. (Danjel 1:17) Imma kellu tagħlim ieħor x’jgħallem ukoll.

11. (a) X’kien hemm uniku dwar ix-​xogħol taʼ Danjel? (b) Danjel kemm kien effettiv f’li jwettaq l-​inkarigu tiegħu li ma kienx normali?

11 Iktar minn kwalunkwe profeta ieħor, Danjel kellu x-​xogħol li jagħti xiehda lil dinjitarji Ġentili. Għalkemm spiss kellu jwassal messaġġi mhux popolari, hu ma ttrattax lil dawn il-​ħakkiema bħallikieku kienu taʼ min jobgħodhom jew kienu b’xi mod inferjuri għalih. Hu kellimhom bir-​rispett u bis-​sengħa. Kien hemm xi wħud​—bħal dawk is-​satrapi għajjurin li kkonfoffaw—​li riedu jeqirdu lil Danjel. Madankollu, hu qalaʼ r-​rispett taʼ dinjitarji oħrajn. Peress li, bis-​saħħa taʼ Jehovah, Danjel setaʼ jispjega sigrieti li ħawdu lil slaten u nies għorrief, il-​profeta kiseb prominenza kbira. (Danjel 2:​47, 48; 5:29) Huwa veru li, hekk kif xjieħ, hu ma setax ikun attiv daqskemm kien meta kien żagħżugħ. Imma żgur li meta mar lejn l-​aħħar tiegħu kien għadu jfittex fedelment kwalunkwe mod li bih setaʼ jaqdi bħala xhud taʼ dak Alla maħbub tiegħu.

12. (a) Aħna bħala Kristjani f’liema attivitajiet taʼ tagħlim nieħdu sehem illum? (b) Kif nistgħu nsegwu l-​parir taʼ Pawlu biex ‘nibqgħu nimxu bil-​għaqal maʼ dawk li huma barranin għalina’?

12 Fil-​kongregazzjoni Kristjana llum, nistgħu nsibu mseħbin leali li se jgħinuna nipperseveraw, sewwa sew bħalma Danjel u t-​tliet sħabu għenu lil xulxin. Aħna wkoll ngħallmu lil xulxin, billi “nqawwu lil xulxin.” (Rumani 1:​11, 12) Bħal Danjel, għandna l-​inkarigu li nagħtu xiehda lil dawk taʼ twemmin ieħor. (Mattew 24:14; 28:​19, 20) Għalhekk, għandna bżonn insinnu l-​abbiltajiet tagħna sabiex ‘inxandru bir-​reqqa l-​kelma tal-​verità’ meta nkellmu lin-​nies dwar Jehovah. (2 Timotju 2:15) U se jkun t’għajnuna jekk nobdu l-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu: “Imxu bil-​għaqal maʼ dawk li huma barranin għalina.” (Kolossin 4:5) Għaqal bħal dan jinkludi ħarsa bilanċjata lejn dawk li m’humiex taʼ l-​istess twemmin. Dawn in-​nies ma nħarsux lejhom b’disprezz, billi nqisu ruħna superjuri għalihom. (1 Pietru 3:15) Minflok, infittxu li niġbduhom lejn il-​verità, billi nużaw il-​Kelma t’Alla bit-​tattika u bis-​sengħa sabiex nilħqulhom qalbhom. Meta jirnexxilna nilħqu qalb xi ħadd, kemm nifirħu! Ferħ bħal dan ċertament li se jgħinna nipperseveraw sa l-​aħħar, kif għamel Danjel.

‘INT SE TISTRIEĦ’

13, 14. Il-​prospett tal-​mewt għala werwer lil ħafna Babiloniżi, u l-​ħarsa taʼ Danjel kif kienet differenti?

13 L-​anġlu mbagħad assigura lil Danjel: ‘Int se tistrieħ.’ (Danjel 12:13) X’kien ifisser dan il-​kliem? Sewwa, Danjel kien jaf li xi darba jew oħra kien se jmut. Il-​mewt kienet u għadha t-​tmiem li ħadd mill-​bnedmin kollha ma jistaʼ jiskansah, minn żmien Adam sa żmienna stess. Il-​Bibbja b’mod xieraq lill-​mewt issejħilha “għadu.” (1 Korintin 15:26) Madankollu, għal Danjel, il-​prospett tal-​mewt kien ifisser xi ħaġa differenti ġmielha milli kien ifisser għall-​Babiloniżi taʼ madwaru. Għalihom, mgħaddsin kif kienu fil-​qima kumplessa taʼ xi 4,000 divinità falza, il-​mewt kienet tfisser kull xorta taʼ terrur. Dawn kienu jemmnu li wara l-​mewt, dawk li l-​ħajja tagħhom ma kinitx hienja jew li kienu mietu mewta vjolenti saru spirti vendikattivi li kienu jidhru bħal fatati lill-​ħajjin. Il-​Babiloniżi kienu jemmnu wkoll f’dinja taħt l-​art taʼ twerwir, mimlija monstri waħxin fl-​għamla taʼ bnedmin u annimali.

14 Għal Danjel, il-​mewt ma kinitx tfisser hekk. Mijiet taʼ snin qabel żmien Danjel, is-​Sultan Salamun kien ġie ispirat b’mod divin biex jgħid: “[I]l-mejtin ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) U dwar wieħed li jmut, is-​salmista kien għanna: “Malli toħroġ ruħu, lejn l-​art jerġaʼ jmur; jintemmu dakinhar ħsibijietu.” (Salm 146:4) Mela Danjel kien jaf li l-​kliem li qallu l-​anġlu kien verità bil-​provi. Il-​mewt kienet tfisser mistrieħ. Ebda ħsieb, ebda mrar, ebda turment​—u ċertament ebda monstru. Ġesù Kristu qal l-​istess ħaġa meta miet Lazzru. Hu qal: “Ħabibna Lazzru rieqed.”​—Ġwann 11:11.

15. Jum il-​mewt kif jistaʼ jkun aħjar minn jum it-​twelid?

15 Ikkunsidra raġuni oħra għala l-​prospett tal-​mewt ma kien taʼ ebda terrur għal Danjel. Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Aħjar fama tajba miż-​żejt prezzjuż, aħjar jum il-​mewt minn jum it-​twelid.” (Koħèlet 7:1) Kif jistaʼ jum il-​mewt, li ċertament huwa żmien taʼ niket, ikun aħjar mill-​jum ferrieħi tat-​twelid? Il-​qofol qiegħed fil-​kliem “fama tajba.” “Żejt prezzjuż” setaʼ kien jiswa ħafna u ħafna flus. Marija, oħt Lazzru, darba dilket riġlejn Ġesù bi fwieħa li kienet tiswa kważi s-​salarju taʼ sena sħiħa! (Ġwann 12:​1-7) Kif tistaʼ sempliċi fama tajba tkun daqshekk prezzjuża? F’Ekkleżjażti (Koħèlet) 7:​1, il-​Bibbja taʼ Karm Żammit tgħid, “isem tajjeb.” M’huwiex biss l-​isem imma dak li jirrappreżenta li huwa daqshekk taʼ valur. Fit-​twelid, ma jkun hemm ebda reputazzjoni, ebda rekord taʼ xogħlijiet mill-​aħjar, ebda memorja għażiża tal-​personalità u l-​kwalitajiet taʼ dak li jġorr dak l-​isem. Imma fit-​tmiem tal-​ħajja, l-​isem jissinjifika dawn l-​affarijiet kollha. U jekk ikun isem tajjeb min-​naħa t’Alla, ikun ferm iktar prezzjuż milli qatt jistaʼ jkun kwalunkwe ġid materjali.

16. (a) Danjel kif stinka biex jagħmel isem tajjeb m’Alla? (b) Danjel għala setaʼ jmur jistrieħ b’fiduċja sħiħa li kien irnexxielu jagħmel isem tajjeb maʼ Jehovah?

16 Matul ħajtu, Danjel għamel kulma setaʼ biex jagħmel isem tajjeb m’Alla, u Jehovah ma nesa xejn minn dan. Hu żamm lil Danjel taħt il-​ħarsa tiegħu u eżaminalu qalbu. Alla kien għamel l-​istess ħaġa għas-​Sultan David, li għanna: “Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-​bogħod ħsibijieti.” (Salm 139:​1, 2) Huwa veru li Danjel ma kienx perfett. Kien dixxendent tal-​midneb Adam u kien membru taʼ ġens midneb. (Rumani 3:23) Imma Danjel nidem mill-​istat midneb tiegħu u baqaʼ jipprova jimxi b’mod rett m’Alla tiegħu. Il-​profeta leali setaʼ għalhekk ikun fiduċjuż li Jehovah kien se jaħfirlu dnubietu u qatt ma kien se jżommhomlu fil-​komma. (Salm 103:​10-14; Isaija 1:18) Jehovah jagħżel li jiftakar ix-​xogħlijiet tajbin tal-​qaddejja leali tiegħu. (Lhud 6:10) B’hekk, l-​anġlu taʼ Jehovah darbtejn sejjaħ lil Danjel “raġel għażiż.” (Danjel 10:​11, 19) Dan kien ifisser li Danjel kien maħbub ferm minn Alla. Danjel setaʼ jmur jistrieħ sodisfatt, billi kien jaf li kien għamel isem tajjeb maʼ Jehovah.

17. Għala huwa urġenti li nagħmlu isem tajjeb maʼ Jehovah llum?

17 Kull wieħed minna jistaʼ jistaqsi, ‘Għamilt jien isem tajjeb maʼ Jehovah?’ Aħna ngħixu fi żminijiet taʼ inkwiet. M’hijiex xi ħaġa li tkexkxek imma sempliċement ħaġa realistika li nirrikonoxxu li l-​mewt tistaʼ tiġi fuqna lkoll fi kwalunkwe żmien. (Koħèlet 9:11) Mela, kemm huwa vitali li kull wieħed minna jkun determinat li jagħmel isem tajjeb m’Alla minn issa stess, mingħajr dewmien. Jekk nagħmlu dan, ma jkollniex għalfejn nibżgħu mill-​mewt. Din hija sempliċi mistrieħ​—bħall-​irqad. U bħall-​irqad, tiġi segwita minn stenbiħ!

INT SE “TQUM”

18, 19. (a) X’ried ifisser l-​anġlu meta bassar li Danjel kien se ‘jqum’ fil-​futur? (b) Danjel għala bilfors li kien familjari mat-​tama taʼ l-​irxoxt?

18 Il-​ktieb taʼ Danjel jagħlaq b’waħda mill-​isbaħ wegħdi li Alla qatt għamel lil xi bniedem. L-​anġlu taʼ Jehovah qal lil Danjel: “Meta jintemm iż-​żmien, tqum għall-​wirt li jmissek.” X’ried ifisser l-​anġlu? Sewwa, peress li l-​“mistrieħ” li kien għadu kif irrefera għalih kien il-​mewt, il-​wegħda li Danjel kien se ‘jqum’ f’xi żmien iktar tard tistaʼ tfisser biss ħaġa waħda​—irxoxt!b Fil-​fatt, xi studjużi sostnew li Danjel kapitlu 12 fih l-​ewwel referenza espliċita għall-​irxoxt li tistaʼ tinstab fl-​Iskrittura Ebrajka. (Danjel 12:2) Iżda f’dan, huma żbaljati. Danjel kien familjari ħafna mat-​tama taʼ l-​irxoxt.

19 Per eżempju, Danjel bla dubju kien jafu dan il-​kliem li Isaija kien iddokumenta żewġ sekli qabel: “Għax jgħixu mill-​ġdid il-​mejtin tiegħek, il-​katavri jqumu lkoll. Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-​trab. . . . L-​art trodd il-​mejtin.” (Isaija 26:19) Żmien twil qabel dan, Elija u Eliżew ngħataw il-​qawwa minn Jehovah biex iwettqu rxoxt attwali. (1 Slaten 17:​17-24; 2 Slaten 4:​32-37) Saħansitra qabel, Anna, omm il-​profeta Samwel, irrikonoxxiet li Jehovah kapaċi jqajjem lin-​nies minn Xeol, il-​qabar. (1 Samwel 2:6) Jerġaʼ qabel, il-​leali Ġob esprima t-​tama tiegħu stess b’dan il-​kliem: “Li kien jistaʼ bniedem imut u jerġaʼ għall-​ħajja, iż-​żmien kollu tas-​servizz tiegħi kont nissaporti sa ma jasal il-​waqt tal-​bidla tiegħi. Kont tgħajjatli u jiena nwieġbek, kont titgħaxxaq bl-​opra taʼ jdejk.”​—Ġob 14:​14, 15.

20, 21. (a) Danjel żgur li se jkun parti minn liema rxoxt? (b) L-​irxoxt fil-​Ġenna taʼ l-​art b’liema mod x’aktarx li se jseħħ?

20 Bħal Ġob, Danjel kellu raġun ikun fiduċjuż li Jehovah attwalment kien se jixxennaq biex iġibu lura għall-​ħajja xi darba fil-​futur. Xorta waħda, bilfors li kien taʼ faraġ profond li jismaʼ ħlejqa spirtu u setgħana tikkonferma dik it-​tama. Iva, Danjel se jqum “meta l-​ġusti jqumu għall-​ħajja,” li se jseħħ matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. (Luqa 14:14) Dan x’se jkun ifisser għal Danjel? Il-​Kelma t’Alla għandha ħafna x’tgħidilna dwar dan.

21 Jehovah “m’hux Alla tad-​diżordni iżda tas-​sliem.” (1 Korintin 14:33) Allura, huwa evidenti li l-​irxoxt fil-​Ġenna taʼ l-​art se jseħħ bl-​ordni. Forsi se jkun għadda xi żmien wara Ħarmagedon. (Apokalissi 16:​14, 16) Kull traċċa tas-​sistema qadima t’affarijiet se tkun tneħħiet min-​nofs, u bla dubju se jkunu saru xi tħejjijiet biex il-​mejtin jingħataw merħba. Inkwantu għall-​ordni kif il-​mejtin se jirritornaw, il-​Bibbja toffri dan il-​preċedent: “Kulħadd skond kif imissu.” (1 Korintin 15:23) Donnu jidher li meta niġu għal li “jkun hemm irxoxt taʼ kemm it-​twajbin u kemm dawk li m’humiex twajbin,” it-​twajbin se jinġiebu lura l-​ewwel. (Atti 24:​15, NW) B’dan il-​mod, irġiel leali tal-​qedem, bħal Danjel, se jkunu jistgħu jgħinu fl-​amministrazzjoni taʼ l-​affarijiet taʼ fuq l-​art, inkluż it-​tagħlim lil biljuni taʼ wħud “m’humiex twajbin” li jinġiebu lura għall-​ħajja.​—Salm 45:17 [45:​16, NW].

22. X’inhuma xi mistoqsijiet li Danjel bla dubju se jkun ħerqan li jitwiġbulu?

22 Qabel ma jkun lest li jieħu dawn ir-​responsabbiltajiet, Danjel żgur li se jkollu xi mistoqsijiet x’jistaqsi. Wara kollox, rigward xi ftit mill-​profeziji profondi fdati lilu, hu qal: “Jiena bqajt nismaʼ bla ma nifhem.” (Danjel 12:8) Kemm se jkun kommoss meta sa fl-​aħħar jifhem dawn il-​misteri divini! Bla dubju se jkun irid jismaʼ d-​dettalji kollha dwar il-​Messija. Danjel se jaffaxxina ruħu meta jitgħallem dwar kif ipprogressaw il-​qawwiet dinjin minn żmienu sa żmienna, dwar l-​identità tal-​‘qaddisin leali taʼ Alla l-​Għoli’—li pperseveraw minkejja l-​persekuzzjoni matul iż-​“żmien taʼ l-​aħħar”—​u dwar il-​qerda finali tas-​saltniet umani kollha permezz tas-​Saltna Messjanika t’Alla.​—Danjel 2:44; 7:22; 12:4.

SEHEM DANJEL FIL-​ĠENNA TAʼ L-​ART ​—U DAK TIEGĦEK!

23, 24. (a) Id-​dinja li Danjel se jsib ruħu rxoxtat fiha kif se tkun differenti minn dik li kien jaf biha hu? (b) Danjel se jkollu post fil-​Ġenna taʼ l-​art, u kif nafu?

23 Danjel se jkun irid ikun jaf dwar id-​dinja li se jsib ruħu fiha f’dak iż-​żmien​—dinja tant differenti minn dik taʼ żmienu. Ma se jkun hemm ebda traċċa tal-​gwerer u l-​oppressjoni li kerrhu d-​dinja li kien jaf biha hu. Mhux se jkun hemm niket, mard, jew mewt. (Isaija 25:8; 33:24) Imma se jkun hemm ikel bix-​xabaʼ, djar kemm trid, u xogħol sodisfaċenti għal kulħadd. (Salm 72:16; Isaija 65:​21, 22) L-​umanità se tkun familja waħda, magħquda, u hienja.

24 Danjel żgur li se jkollu post f’dik id-​dinja. “Tqum għall-​wirt li jmissek,” qallu l-​anġlu. (Korsiv tagħna.) Il-​kelma Ebrajka hawn tradotta “wirt” hija l-​istess bħal dik użata għal plottijiet taʼ art letterali.c Danjel setaʼ kien familjari mal-​profezija taʼ Eżekjel dwar it-​tqassim taʼ l-​art restawrata taʼ Iżrael. (Eżekjel 47:13–48:35) Fit-​twettiq tagħha fil-​Ġenna taʼ l-​art, il-​profezija taʼ Eżekjel x’tissuġġerixxi? Li n-​nies t’Alla kollha se jkollhom post fil-​Ġenna taʼ l-​art, u saħansitra l-​art infisha se tkun imqassma bl-​ordni u bil-​ġustizzja. M’għandniex xi ngħidu, il-​wirt li jmiss lil Danjel fil-​Ġenna taʼ l-​art se jkun jinvolvi iktar minn sempliċi biċċa art. Se jkun jinkludi l-​post tiegħu fl-​iskop t’Alla hemmhekk. Il-​premju mwiegħed lil Danjel huwa garantit.

25. (a) X’inhuma xi prospetti taʼ ħajja fil-​Ġenna taʼ l-​art li jħajruk? (b) Għala jistaʼ jingħad li post il-​bnedmin huwa fil-​Ġenna taʼ l-​art?

25 Iżda, xi ngħidu għall-​wirt li jmiss lilek? L-​istess wegħdi jistgħu japplikaw għalik. Jehovah jrid li l-​bnedmin ubbidjenti ‘jqumu’ għall-​wirt li jmisshom, li jkollhom post fil-​Ġenna taʼ l-​art. Aħseb ftit! Żgur li se jkun kommoventi li tiltaqaʼ wiċċ imbwiċċ maʼ Danjel, flimkien maʼ rġiel u nisa leali oħrajn taʼ żminijiet Bibliċi. Imbagħad se jkun hemm għadd kbir ferm taʼ oħrajn li jirritornaw mill-​imwiet, u dawn se jkollhom bżonn l-​istruzzjoni sabiex isiru jafu u jħobbu lil Alla Jehovah. Immaġina lilek innifsek tieħu ħsieb l-​art, id-​dar tagħna, u tgħin biex tibdilha f’ġenna taʼ varjetà infinita u ġmiel li ma jispiċċa qatt. Aħseb dwar li tiġi mgħallem minn Jehovah, billi ssir taf kif għandek tgħix bil-​mod li hu ried lill-​umanità li tgħix. (Isaija 11:9; Ġwann 6:45) Iva, hemm post għalik fil-​Ġenna taʼ l-​art. Għalkemm il-​frażi Ġenna taʼ l-​art tistaʼ tinstemaʼ stramba għal xi wħud illum, ftakar li Jehovah oriġinalment iddisinja lill-​bnedmin biex jgħixu f’post bħal dan. (Ġenesi 2:​7-9) F’dak is-​sens, il-​Ġenna taʼ l-​art hija l-​post naturali fejn jabitaw l-​eluf taʼ miljuni taʼ fuq l-​art. Dawn hawnhekk hu posthom. Meta jilħqu din il-​mira se jkun għalihom bħallikieku sejrin f’darhom.

26. Jehovah kif jirrikonoxxi li l-​istennija għat-​tmiem taʼ din is-​sistema m’hijiex faċli għalina?

26 Qlubna jfuru bl-​apprezzament meta noqogħdu naħsbu dwar dan kollu, hux tassew? Ma tixxennaqx int stess li tkun hemmhekk? Mhux taʼ b’xejn, allura, li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma ħerqanin li jkunu jafu meta se jiġi t-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet! L-​istennija m’hijiex faċli. Jehovah jirrikonoxxih dan, għax hu jħeġġiġna biex nibqgħu ‘nistennew’ it-​tmiem anki ‘jekk idum ma jasal.’ Hu jrid ifisser li dan jistaʼ jidher li se jdum mill-​mod kif aħna nħarsu lejn l-​affarijiet, għax fl-​istess skrittura, niġu assigurati: ‘Ma jiddawwarx ma jasal.’ (Ħabakkuk 2:3; qabbel Proverbji 13:12.) Iva, it-​tmiem se jiġi preċiż fil-​waqt.

27. Xi trid tagħmel int sabiex tieqaf quddiem Alla għall-​eternità kollha?

27 X’għandek tagħmel hekk kif joqrob it-​tmiem? Bħal Danjel, il-​profeta maħbub taʼ Jehovah, ippersevera fedelment. Studja l-​Kelma t’Alla b’mod diliġenti. Itlob bil-​ħrara. Assoċja b’imħabba maʼ sħabek fit-​twemmin. Għallem biż-​żelu l-​verità lil oħrajn. Bit-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar riesaq eqreb kuljum, ibqaʼ determinat li tkun qaddej leali taʼ l-​Iktar Għoli u difensur ħerqan tal-​Kelma tiegħu. B’mod assolut, oqgħod attent għall-​profezija taʼ Danjel! U jalla l-​Mulej Sovran Jehovah jagħtik il-​privileġġ li tieqaf quddiemu bil-​ferħ għall-​eternità kollha!

[Noti taʼ taħt]

a Danjel kien ittieħed fl-​eżilju f’Babilonja fis-​sena 617 Q.E.K., x’aktarx meta kien adolexxent. Hu rċieva din id-​dehra fit-​tielet sena taʼ Ċiru, jew is-​sena 536 Q.E.K.​—Danjel 10:1.

b Skond The Brown-Driver-Briggs Hebrew and English Lexicon, il-​kelma Ebrajka għal “tqum” użata hawnhekk tirreferi għal “rinaxximent wara l-​mewt.”

c Il-kelma Ebrajka hija relatata mal-​kelma għal “ċagħqa,” billi ġebel żgħir kien jintuża biex tittellaʼ x-​xorti. L-​art kultant kienet titqassam b’dan il-​mod. (Numri 26:​55, 56) A Handbook on the Book of Daniel jgħid li hawnhekk il-​kelma tfisser “dak li huwa merfugħ (minn Alla) għal persuna.”

X’INNOTAJT?

• X’kien li għen lil Danjel jippersevera sa l-​aħħar?

• Il-​prospett tal-​mewt għala ma werwirx lil Danjel?

• Kif se titwettaq il-​wegħda taʼ l-​anġlu li Danjel ‘se jqum għall-​wirt li jmissu’?

• Kif ibbenefikajt int personalment billi qgħadt attent għall-​profezija taʼ Danjel?

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 307]

[Stampa f’paġna 318]

Bħal Danjel, toqgħod int attent għall-​kelma profetika t’Alla?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja