-
Hemm Evidenza Arkeoloġika taʼ l-Eżistenza taʼ Ġesù?It-Torri tal-Għassa—2003 | Ġunju 15
-
-
ħadd importanti, u dan iġagħalhom jaħsbu li hu kien Ġesù Kristu, il-fundatur tal-Kristjanità.
Huwa l-Ossarju Awtentiku?
X’inhu ossarju? Dan huwa kaxxa, jew tebut, li fih jintefgħu l-għadam taʼ xi mejjet wara li ġismu jkun ittiekel fl-għar fejn ikun indifen. Ħafna ossarji nsterqu minn ġo l-oqbra madwar Ġerusalemm. Il-kaxxa bl-iskrizzjoni taʼ Ġakbu nstabet fis-suq taʼ l-antikitajiet, u mhux f’xi post uffiċjali li fih ħaffru għall-fdalijiet. Kien hemm min qal li dak li xtara l-ossarju kien xtrah għal ftit mijiet taʼ liri fis-snin 70. B’hekk, l-oriġini taʼ l-ossarju għadu misteru. Il-Professur Bruce Chilton mill-Kulleġġ taʼ Bard, fi New York, jgħid, “Jekk ma tistax tgħid fejn instab dan l-ossarju u fejn kien għal kważi 2,000 sena, ma tistax tistenna li tagħmel konnessjoni bejn l-oġġett u n-nies li għandu mnejn ikunu msemmijin fuqu.”
Biex ipatti għan-nuqqas taʼ sfond arkeoloġiku, André Lemaire bagħat il-kaxxa lill-Ministeru inkarigat mill-Istħarriġ Ġeoloġiku f’Iżrael. Ir-riċerkaturi hemmhekk ivverifikaw li l-ossarju kien magħmul minn ġebel tal-ġir taʼ l-ewwel jew it-tieni seklu E.K. Huma rrapportaw li “ma kien hemm ebda indikazzjoni li ntużat xi għodda jew strument modern.” Xorta waħda, xi studjużi tal-Bibbja li ġew intervistati minn The New York Times esprimew l-opinjoni li “x-xiehda ċirkustanzjali li turi li hemm konnessjoni maʼ Ġesù kienet x’aktarx qawwija, però din xorta waħda tibqaʼ biss ċirkustanzjali.”
Ir-rivista Time stqarret li “kważi l-ebda persuna edukata llum ma tiddubita li Ġesù eżista.” Xorta waħda, ħafna jħossu li hemm bżonn taʼ iktar evidenza minbarra dik li nsibu fil-Bibbja dwar l-eżistenza taʼ Ġesù. Għandha l-arkeoloġija tkun il-bażi għat-twemmin f’Ġesù? X’evidenza għandna dwar “l-iktar persunaġġ importanti u uniku li qatt għex fuq l-art”?
-
-
Ġesù Kristu—Evidenza li Hu Għex Fuq L-ArtIt-Torri tal-Għassa—2003 | Ġunju 15
-
-
Ġesù Kristu—Evidenza li Hu Għex Fuq L-Art
INT temmen li kien jeżisti raġel li kien jismu Albert Einstein? Forsi mill-ewwel tgħid iva, imma għala? Il-maġġuranza tan-nies ma ltaqgħux miegħu personalment. Madankollu, rapporti taʼ min joqgħod fuqhom taʼ dak li huwa wettaq jagħtu prova li hu tassew eżista. L-influwenza taʼ l-eżistenza tiegħu tistaʼ tidher fl-applikazzjonijiet xjentifiċi bbażati fuq dak li hu skopra. Per eżempju, ħafna jibbenefikaw mill-elettriku ġenerat mill-enerġija nukleari, u din l-enerġija hija marbuta ħafna maʼ l-applikazzjoni taʼ l-ekwazzjoni famuża taʼ Einstein, E=mc2 (l-enerġija=il-massa multiplikata bil-veloċità kwadrata tad-dawl).
L-istess raġunar japplika għal Ġesù Kristu, li kulħadd jammetti li hu l-iktar bniedem influwenti fl-istorja. Dak li nkiteb dwaru u l-evidenza viżibbli taʼ l-effett li kellu juru bla ebda dubju li hu verament eżista. Għalkemm din is-sejba arkeoloġika reċenti dwar l-iskrizzjoni taʼ Ġakbu li ssemmiet fl-artiklu taʼ qabel hija ferm interessanti, il-fatt li Ġesù verament għex fuq l-art ma jiddependix minnha jew minn kwalunkwe sejba oħra. Il-fatt hu li aħna nistgħu nsibu evidenza taʼ l-eżistenza taʼ Ġesù f’dak li kitbu xi kittieba taʼ l-istorja sekulari dwaru u dwar is-segwaċi tiegħu.
Xiehda tal-Kittieba taʼ l-Istorja
Per eżempju, ikkunsidra x-xiehda taʼ Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-istorja taʼ l-ewwel seklu, li kien Fariżew. Hu rrefera għal Ġesù Kristu fil-ktieb Jewish Antiquities. Għalkemm xi wħud jiddubitaw l-awtentiċità taʼ l-ewwel referenza li fiha Ġużeppi Flavju jsemmi lil Ġesù bħala l-Messija, il-Professur Louis H. Feldman taʼ l-Università taʼ Yeshiva jgħid li ftit huma dawk li jiddubitaw l-awtentiċità tat-tieni referenza. Hemmhekk, Ġużeppi Flavju qal: “[Ananija l-qassis il-kbir] ġabar l-imħallfin tas-Sinedriju u ġab quddiemhom raġel jismu Ġakbu, ħu Ġesù li kienu jsejħulu l-Kristu.” (Jewish Antiquities, XX, 200) Iva, Fariżew, membru tas-setta li ħafna mis-segwaċi tagħha kienu magħrufin bħala l-għedewwa taʼ Ġesù, għaraf l-eżistenza taʼ “Ġakbu, ħu Ġesù.”
L-influwenza taʼ l-eżistenza taʼ Ġesù nħasset fl-attivitajiet tas-segwaċi tiegħu. Meta l-appostlu Pawlu ġie mitfugħ il-ħabs f’Ruma madwar is-sena 59 E.K., l-irġiel ewlenin tal-Lhud qalulu: “Għax dwar din is-setta sirna nafu li kullimkien qegħdin jeħduha kontra tagħha.” (Atti 28:17-22) Huma sejħu lid-dixxipli taʼ Ġesù “din is-setta.” Kieku n-nies kienu jiħduha kontrihom kullimkien, żgur li xi kittieba taʼ l-istorja sekulari kienu jiktbu dwarha, mhux hekk?
Taċitu, li twieled madwar is-sena 55 E.K. u li huwa kunsidrat bħala wieħed mill-aqwa kittieba taʼ l-istorja fid-dinja, semma lill-Kristjani fl-Annali tiegħu. Fir-rakkont li fih Neruni waħħal fihom għan-nirien kbar f’Ruma fis-sena 64 E.K., hu kiteb: “Neruni tefaʼ l-ħtija fuqhom u kkaġuna l-iktar torturi ħorox fuq klassi taʼ nies mibgħuda minħabba l-istmerrija tagħhom, imsejħin Kristjani mill-popolin. Kristus, li minnu oriġina l-isem [Kristjani], sofra l-agħar kastig matul ir-renju taʼ Tiberju taħt idejn wieħed mill-prokuraturi tagħna, Ponzju Pilatu.” Id-dettalji taʼ dan ir-rakkont jaqblu maʼ l-informazzjoni rigward Ġesù tal-Bibbja.
Kittieb ieħor li kkummenta dwar is-segwaċi taʼ Ġesù kien Plinju ż-Żgħir, il-gvernatur tal-Bitinja. Madwar is-sena 111 E.K., Plinju kiteb lill-Imperatur Trajanu, u staqsih kif għandu jittratta lill-Kristjani. Plinju kiteb li dawk li ġew akkużati b’mod falz li kienu Kristjani kienu jirrepetu talba lil allat u jqimu l-istatwa taʼ Trajanu, biex juru li ma kinux Kristjani. Plinju kompla: “Jingħad li huwa impossibbli li ġġiegħel lil dawk li huma tassew Kristjani biex jobdu dawn il-kmandi.” Dan jagħti xiehda tar-realtà taʼ l-eżistenza taʼ Kristu, li s-segwaċi tiegħu kienu lesti jagħtu ħajjithom għat-twemmin li kellhom fih.
Wara li ġabret fil-qosor ir-referenzi li għamlu l-kittieba taʼ l-istorja taʼ l-ewwel żewġ sekli għal Ġesù Kristu u s-segwaċi tiegħu, The Encyclopædia Britannica (l-edizzjoni taʼ l-2002) tikkonkludi: “Dawn ir-rakkonti indipendenti juru li fl-antik anki dawk li kienu kontra l-Kristjanità qatt ma ddubitaw l-awtentiċità storika taʼ Ġesù. Dan l-argument inqalaʼ għall-ewwel darba u fuq bażi xejn soda fl-aħħar tas-seklu 18, matul is-seklu 19, u fil-bidu tas-seklu 20.”
Xiehda tas-Segwaċi taʼ Ġesù
L-Encyclopedia Americana tgħid: “It-Testment il-Ġdid jipprovdi kważi l-evidenza kollha għar-rikostruzzjoni storika tal-ħajja u d-destin taʼ Ġesù kif ukoll għall-interpretazzjonijiet Kristjani l-iktar bikrin tas-sinifikat tiegħu.” Ix-xettiċi forsi ma jaċċettawx il-Bibbja bħala evidenza taʼ l-eżistenza taʼ Ġesù. Madankollu, hemm żewġ tipi taʼ raġunar ibbażati fuq rakkonti skritturali li jgħinuna partikolarment biex nistabbilixxu l-fatt li Ġesù verament għex fuq l-art.
Bħalma diġà rajna, it-teoriji kbar taʼ Einstein jagħtu prova taʼ l-eżistenza tiegħu. Bl-istess mod, it-tagħlim taʼ Ġesù jagħti prova li hu verament eżista. Bħala eżempju, ejja nieħdu l-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, taħdita magħrufa sew li kien taha Ġesù. (Mattew, kapitli 5-7) L-appostlu Mattew kiteb dwar l-impatt taʼ dik il-priedka: “In-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu, għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.” (Mattew 7:28, 29) Rigward l-effett li din il-priedka kellha fuq in-nies matul is-sekli, il-Professur Hans Dieter Betz jinnota: “Il-Priedka fuq il-Muntanja ġeneralment tinfluwenza bil-wisq iktar nies minbarra dawk fil-Ġudaiżmu u l-Kristjanità, jew saħansitra dawk fil-kultura tal-Punent.” Hu żied li din il-priedka għandha ‘effett partikulari fuq kulħadd kullimkien.’
Ikkunsidra l-kliem kollu għerf, konċiż, u prattiku li nsibu fil-priedka taʼ fuq il-Muntanja: “Jekk xi ħadd jagħtik daqqa taʼ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll.” “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies.” “Toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum taʼ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu.” “Tixħtux il-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer.” “Itolbu, u jingħatalkom.” “Dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom.” “Għaddu mill-bieb id-dejjaq.” “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom.” “Kull siġra tajba frott tajjeb tagħmel.”—Mattew 5:39; 6:1, 34; 7:6, 7, 12, 13, 16, 17.
Bla dubju, int smajt xi ftit minn dawn lespressjonijiet jew it-tifsir tagħhom. Forsi saru qwiel fil-lingwa tiegħek. Dawn kollha huma meħudin mill-Priedka taʼ fuq il-Muntanja. L-influwenza li din il-priedka għandha fuq ħafna nies u kulturi tagħti xiehda effettiva taʼ l-eżistenza taʼ “l-għalliem prim.”
Ejja nimmaġinaw li xi ħadd ivvinta persunaġġ jismu Ġesù Kristu. U ejja ngħidu li dan il-persunaġġ kien bravu biżżejjed li jivvinta t-tagħlim li l-Bibbja tgħid li hu taʼ Ġesù. Ma taħsibx li dan il-persunaġġ kien jagħmel lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu aċċettabbli kemm jistaʼ jkun għan-nies in ġenerali? Madankollu, l-appostlu Pawlu osserva: “Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu [“imsammar maʼ zokk,” NW], skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi.” (1 Korintin 1:22, 23) Il-messaġġ taʼ Kristu msammar maʼ zokk la kien idoqq għal widnejn il-Lhud u lanqas għall-ġnus. Madankollu, dan kien il-Kristu li l-Kristjani taʼ l-ewwel seklu pproklamaw. Ġesù għala jiġi deskritt bħala li hu msammar maʼ zokk? L-uniku tifsira sodisfaċenti hi li l-kittieba taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana kitbu l-verità dwar il-ħajja taʼ Ġesù u mewtu.
Linja oħra taʼ raġunar li tappoġġa l-fatt li Ġesù vera għex tinsab fl-ippridkar bla waqfien dwar it-tagħlim tiegħu mis-segwaċi tiegħu. Wara biss xi 30 sena mindu Ġesù beda l-ministeru tiegħu, Pawlu setaʼ jgħid li l-aħbar tajba ‘tħabbret lill-ħlejjaq kollha taħt is-smewwiet.’ (Kolossin 1:23) Iva, it-tagħlim taʼ Ġesù nfirex madwar id-dinja kollha tal-qedem minkejja l-oppożizzjoni. Pawlu, li anki hu ġie persegwitat bħala Kristjan, kiteb: “Jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom.” (1 Korintin 15:12-17) Jekk l-ippridkar dwar Kristu li ma kienx ġie rxoxtat kien fieragħ, kemm iktar kien ikun fieragħ l-ippridkar dwar xi Kristu li qatt m’eżista. Bħalma naqraw fir-rapport taʼ Plinju ż-Żgħir, il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu kienu lesti li jmutu għat-twemmin tagħhom f’Ġesù Kristu. Irriskjaw ħajjithom għal Kristu għax hu kien reali; hu kien għex fuq l-art u kien eżista preċiżament bħalma hemm miktub fir-rakkonti taʼ l-Evanġelju.
Int Rajt il-Provi
It-twemmin fl-irxoxt taʼ Ġesù Kristu kien essenzjali għall-Kristjani biex jippridkaw. Fl-immaġinazzjoni tiegħek, int ukoll tistaʼ timmaġina lil Ġesù rxoxtat billi tara l-impatt li qed ikollu llum.
Ftit qabel ma Ġesù ngħata l-mewt, hu ta profezija grandjuża dwar il-preżenza futura tiegħu. Indika wkoll li kellu jiġi rxoxtat u kellu joqgħod fil-leminija t’Alla jistenna ż-żmien meta kien se jittratta maʼ l-għedewwa tiegħu. (Salm 110:1; Ġwann 6:62; Atti 2:34, 35; Rumani 8:34) Imbagħad, hu kien se jieħu azzjoni u jkeċċi lil Satana u d-demonji tiegħu mis-smewwiet.—Apokalissi 12:7-9.
Meta kellu jiġri dan kollu? Ġesù ta lid-dixxipli tiegħu “s-sinjal tal-miġja tiegħu u taʼ tmiem id-dinja.” Is-sinjal biex nidentifikaw il-preżenza inviżibbli tiegħu inkluda gwerer kbar, nuqqas taʼ ikel, terremoti, il-preżenza taʼ profeti foloz, żjieda fil-ħażen, u pestilenzi kiefra. Ġrajjiet diżastrużi bħal dawn kellna nistennewhom, għax it-tkeċċija mis-smewwiet taʼ Satana x-Xitan kienet tfisser li se jkun ‘ħażin għall-art.’ Ix-Xitan niżel fil-viċinanzi taʼ l-art “b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu.” Is-sinjal jinkludi wkoll l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna “fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda.”—Mattew 24:3-14; Apokalissi 12:12; Luqa 21:7-19.
Bħall-biċċiet taʼ jigsaw puzzle li jidħlu f’posthom, hekk seħħew l-affarijiet li pprofetizza Ġesù. Mindu faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914, rajna l-evidenza komposta tal-preżenza inviżibbli taʼ Ġesù Kristu. Hu qed isaltan bħala s-Sultan tas-Saltna t’Alla u qed ikollu influwenza kbira ħafna. Il-fatt li għandek din ir-rivista f’idek huwa evidenza li l-ippridkar tas-Saltna qed jitwettaq illum.
Biex tifhem iktar l-effett taʼ l-eżistenza taʼ Ġesù, għandek bżonn tistudja l-Bibbja. Għala ma tistaqsix lix-Xhieda taʼ Jehovah dwar id-dettalji tal-preżenza taʼ Ġesù?
[Stampi f’paġna 5]
Ġużeppi Flavju, Taċitu, u Plinju ż-Żgħir irreferew għal Ġesù Kristu u s-segwaċi tiegħu
[Sors]
All three images: © Bettmann/CORBIS
[Stampa f’paġna 7]
Il-Kristjani tal-bidu kienu konvinti li Ġesù kien reali
-