-
Ibbenefika Billi Tirsisti għal Valuri SpiritwaliIt-Torri tal-Għassa—2004 | Ottubru 15
-
-
tal-Kelma tiegħu, l-ispirtu tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu. (Salm 1:1-3; Isaija 48:17, 18; Mattew 24:45-47; 1 Korintin 2:10) Meta teżamina dan il-ġawhar rari li l-valur tiegħu hu imprezzabbli, int se jkollok l-opportunità li tagħżel b’mod intelliġenti l-aqwa ħajja u l-iktar waħda premjanti. U dan m’huwiex se jkun diffiċli li tagħmlu, għaliex Ġeħova, il-Ħallieq tagħna, jaf x’neħtieġu biex inkunu verament ferħanin.
Il-Bibbja Tinkuraġġixxi l-Aqwa Valuri
It-twissijiet, jew il-pariri, taʼ min joqgħod fuqhom li jinsabu fil-Bibbja huma kemm prattiċi kif ukoll uniċi. M’hemmx livelli morali oħra li jħabbtuha maʼ dawk li tgħallem il-Bibbja. Il-pariri tagħha huma dejjem taʼ benefiċċju. Iż-żmien wera kemm din tgħid il-verità u kemm hi prattika. Xi ftit mill-pariri siewja li nsibu fil-Bibbja huma li wieħed għandu jaħdem iebes, ikun onest, juża flusu bil-għaqal, u jevita l-għażż.—Proverbji 6:6-8; 20:23; 31:16.
Fi qbil maʼ dan, Ġesù qal: “Tibqgħux taħżnu teżori fuq l-art, fejn jittieklu mill-kamla u s-sadid, u fejn jidħlu l-ħallelin biex jisirqu. Minflok, aħżnu teżori fis-sema, fejn ma jittiklux mill-kamla u mis-sadid, u fejn ma jidħlux il-ħallelin biex jisirqu.”—Mattew 6:19, 20.
Din it-twissija f’waqtha għadha tapplika llum daqskemm kienet 2,000 sena ilu. Minflok ma nkunu medhijin infittxu kif niksbu l-għana materjali, aħna nistgħu nibbenefikaw issa billi nirsistu għal mod taʼ ħajja superjuri. Is-sigriet hu li naħżnu teżori spiritwali, li jwasslu għal ħajja taʼ hena u kuntentizza vera. Dan kif nistgħu nagħmluh? Billi naqraw il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, u napplikaw dak li nitgħallmu minnha.
Valuri Spiritwali Jġibu Barkiet
Meta l-valuri spiritwali jiġu applikati b’mod xieraq, dawn se jkunu taʼ benefiċċju għalina fiżikament, emozzjonalment, u spiritwalment. Sewwasew bħalma l-faxx taʼ l-ożonu li qiegħed ħafna ogħla mill-art jipproteġina mir-raġġi tax-xemx li huma tant taʼ ħsara, il-prinċipji morali taʼ min joqgħod fuqhom jipproteġuna billi jagħmluna konxji taʼ l-effetti perikolużi tal-materjaliżmu. L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Dawk li huma determinati li jsiru għonja jaqgħu f’tentazzjoni u f’nassa u f’ħafna xewqat bla sens li jwasslu għall-ħsara u li jixħtu lill-bnedmin f’qerda u f’rovina. Għax l-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara u, billi rawmu din l-imħabba, xi wħud ġew żvijati mill-fidi u ferew lilhom infushom b’ħafna weġgħat.”—1 Timotju 6:9, 10.
L-imħabba għar-rikkezzi tħajjar lin-nies ifittxu iktar għana, pożizzjoni, u poter. Biex jinkisbu dawn il-miri, spiss jintużaw mezzi qarrieqa u diżonesti. Il-ġiri wara l-affarijiet materjali jistaʼ jisraq il-ħin, is-saħħa, u l-abbiltajiet taʼ dak li jkun. Jistaʼ wkoll ma jħallix lil dak li jkun jorqod bil-lejl. (Koħèlet 5:11 [5:12, NW]) Il-ġiri wara l-għana materjali jfixkilna milli nagħmlu progress spiritwali. Ġesù Kristu, l-aqwa bniedem li qatt għex, wera ċar x’inhi l-aħjar triq: “Henjin dawk li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3) Hu kien jaf li r-rikkezzi spiritwali jwasslu għal barkiet permanenti u huma bil-wisq iktar importanti mill-affarijiet materjali temporanji li niksbu.—Luqa 12:13-31.
Huma Tassew taʼ Benefiċċju?
“Il-ġenituri tiegħi pprovaw kemm felħu biex jikkonvinċuni li l-valuri spiritwali m’humiex prattiċi,” jiftakar Greg. “Madankollu, jien verament ksibt il-paċi tal-moħħ talli rsistejt biex nilħaq miri spiritwali għaliex jien ħieles mill-istress li jiġi meta wieħed jitħabat għall-għana.”
Barra minn hekk, il-valuri spiritwali jgħinuk tibni relazzjonijiet persunali aħjar. Il-ħbieb veri jinġibdu lejk minħabba t-tip taʼ persuna li int u mhux minħabba dak li għandek. Il-Bibbja tirrikkmanda: “Min jagħmilha maʼ l-għaref, isir għaref.” (Proverbji 13:20) Iktar minn hekk, huma l-għerf u l-imħabba li jgħinu biex familja tirnexxi u mhux l-affarijiet materjali.—Efesin 5:22–6:4.
Il-valuri ma nitwildux bihom. Irridu nitgħallmuhom minn dawk taʼ madwarna jew minn xi ħadd ogħla minna. Għalhekk, edukazzjoni bbażata minn fuq il-Bibbja tistaʼ tgħinna nbiddlu l-ħarsa mentali kollha tagħna dwar l-affarijiet materjali. “Ġejt megħjun biex inbiddel il-valuri li kelli, u tgħallimt inkun kuntent bil-bżonnijiet tal-ħajja,” jgħid Don, li qabel kien bankier.
Irsisti għall-Għana Spiritwali Dejjiemi
Il-valuri spiritwali jenfasizzaw barkiet li jibqgħu għal żmien twil, u mhux xi sodisfazzjon tal-mument. Pawlu kiteb: “L-affarijiet . . . li jidhru [materjali] huma temporanji, imma dawk li ma jidhrux [spiritwali] huma għal dejjem.” (2 Korintin 4:18) Huwa minnu li l-ġiri wara affarijiet materjali jistaʼ jissodisfa x-xewqat tal-mument, imma mir-regħba m’huwiex se joħroġ ġid dejjiemi. Il-valuri spiritwali huma għal dejjem.—Proverbji 11:4; 1 Korintin 6:9, 10.
Il-Bibbja tikkundanna li wieħed jiffoka fuq affarijiet materjali bħalma qed jagħmlu l-maġġuranza tan-nies illum. Tgħallimna kif irrażżnu x-xewqat egoistiċi billi nżommu għajn sempliċi, iffokata fuq l-iktar affarijiet importanti, l-għana spiritwali. (Filippin 1:10) Ukoll tikxef eżatt x’inhi r-regħba—li tagħmel lilek innifsek qabel Alla. Hekk kif napplikaw dak li nitgħallmu mill-Kelma t’Alla, aħna jkollna ferħ akbar. Ma nkunux iktar moħħna biex nirċievu iżda biex nagħtu. X’motiv qawwi biex ninbidlu u minflok ma jkun moħħna biex inpaxxu lilna nfusna jkun moħħna fil-valuri spiritwali!
Irridu nammettu li, sa ċertu punt, il-flus jistgħu jkunu taʼ protezzjoni. (Koħèlet 7:12) Imma l-Bibbja tistqarr b’mod realistiku: “[Ġidek] ikun ġa għadda; għax żgur irabbi l-ġwienaħ, u jtir bħal ajkla fl-ajru.” (Proverbji 23:5) In-nies jissagrifikaw ħafna affarijiet importanti biex jiksbu affarijiet materjali—is-saħħa, il-familja, u saħansitra kuxjenza nadifa—b’riżultati diżastrużi. Mill-banda l-oħra, il-fatt li jkollna l-ispiritwalità jissodisfa l-iktar bżonnijiet importanti li jistaʼ jkollna—il-bżonn għall-imħabba, il-bżonn għal skop, u l-bżonn li nqimu lil Alla taʼ mħabba, Ġeħova. Il-Bibbja turi wkoll it-triq għall-ħajja taʼ dejjem bħala bnedmin perfetti f’art magħmula ġenna—it-tama li Alla qed joffrilna.
Dalwaqt, il-ħolma li l-bniedem jgħix bla ma jonqsu xejn se titwettaq kompletament fid-dinja l-ġdida t’Alla. (Salm 145:16) F’dak iż-żmien l-art kollha se tkun ‘mimlija bl-għarfien tal-Mulej.’ (Isaija 11:9) Il-valuri spiritwali se jiffjorixxu. Il-materjaliżmu u l-effetti koroh li jkun ħalla se jispiċċaw kompletament. (2 Pietru 3:13) Imbagħad, dawk l-affarijiet li jagħmlu l-ħajja ferm iktar sabiħa u pjaċevoli—saħħa perfetta, xogħol sodisfaċenti, rikreazzjoni bnina, familja li taf tħobb, u ħbiberija dejjiema m’Alla—se jġibu l-hena veru lill-bnedmin għal dejjem.
-
-
Nitgħallmu mill-Esperjenza—Jeżisti Mod Aħjar minn DanIt-Torri tal-Għassa—2004 | Ottubru 15
-
-
Nitgħallmu mill-Esperjenza—Jeżisti Mod Aħjar minn Dan
-