Kapitlu 35
L-Iktar Priedka Famuża Li Qatt Ingħatat
IX-XENA hija waħda mill-iktar memorabbli fl-istorja Biblika: Ġesù bil-qiegħda mal-ġenb taʼ muntanja, jagħti l-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. Il-lok huwa ħdejn il-Baħar tal-Galilija, probabbilment qrib Kapernahum. Wara li qattaʼ l-lejl kollu jitlob, Ġesù għadu kemm għażel lil 12 mid-dixxipli tiegħu biex ikunu appostli. Imbagħad, magħhom ilkoll hu jinżel lejn din il-pjanura fuq il-muntanja.
Sa issa, forsi taħseb int, Ġesù kellu jkun għajjien ħafna u jkun irid jorqod. Imma ġew folol kbar, xi wħud sa mill-Ġudea u Ġerusalemm, 60 sa 70 mil ’il bogħod. Oħrajn ġew minn ħdejn ix-xtajta taʼ Tir u Sidon li jinsabu lejn it-Tramuntana. Ġew biex jisimgħu lil Ġesù u biex jiġu mfejqin mill-mardiet tagħhom. Hawn saħansitra xi persuni li huma mħabbtin mid-demonji, l-anġli mill-agħar taʼ Satana.
Hekk kif Ġesù jinżel, nies morda jersqu qrib biex imissuh, u hu jfejjaqhom kollha. Wara, Ġesù mid-dehra jitlaʼ f’post iktar għoli fuq il-muntanja. Hemmhekk hu joqgħod bil-qiegħda u jibda jgħallem lill-folol li kienu mifruxin fuq il-pjanura quddiemu. U aħseb ftit! Issa m’hemm lanqas persuna waħda biss fl-udjenza kollha li qed issofri minn xi marda serja!
In-nies huma ħerqana biex jisimgħu lill-għalliem li hu kapaċi jwettaq dawn il-mirakli tal-għaġeb. Ġesù, madankollu, jagħti l-priedka tiegħu prinċipalment għall-benefiċċju tad-dixxipli tiegħu, li huma probabbilment miġbura l-iktar qrib tiegħu. Imma biex aħna nkunu nistgħu nibbenefikaw ukoll, kemm Mattew kif ukoll Luqa niżżluha bil-miktub.
Ir-rakkont taʼ Mattew tal-priedka huwa erbaʼ darbiet itwal minn dak taʼ Luqa. Iktar minn hekk, xi partijiet minn dak li jniżżel Mattew, Luqa jippreżentahom bħala li ntqalu minn Ġesù f’xi ħin ieħor matul il-ministeru tiegħu, kif jistaʼ jiġi nnotat meta tqabbel Mattew 6:9-13 maʼ Luqa 11:1-4, u Mattew 6:25-34 maʼ Luqa 12:22-31. Iżda dan m’għandux jissorprendina. Ġesù ovvjament għallem l-istess affarijiet iktar minn darba, u Luqa għażel li jniżżel xi ftit minn dan it-tagħlim fi sfond differenti.
Dak li jagħmel lill-priedka taʼ Ġesù daqshekk taʼ valur hu mhux biss il-fond taʼ dak li fiha spiritwalment imma s-sempliċità u l-mod ċar li bih hu jippreżenta dawn il-veritajiet. Hu jirreferi għal esperjenzi ordinarji u juża affarijiet familjari għan-nies, biex b’hekk jagħmel l-idejat tiegħu iktar faċli biex jiġu mifhuma minn dawk kollha li qed ifittxu ħajja aħjar fit-triq t’Alla.
Min Huma Verament Henjin?
Kulħadd irid li jkun ferħan. Billi jirrealizza dan, Ġesù jibda l-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja billi jiddeskrivi lil dawk li huma verament henjin. Bħalma nistgħu nimmaġinaw, dan mill-ewwel jolqot l-attenzjoni tal-udjenza vasta tiegħu. U madankollu l-kelmiet li fetaħ bihom jidhru kontradittorji għal ħafna nies.
Waqt li jindirizza l-kummenti tiegħu lid-dixxipli tiegħu, Ġesù jibda: “Henjin intom il-foqra, għaliex tagħkom hi s-saltna t’Alla. Henjin intom li intom bil-ġuħ issa, għaliex se timtlew. Henjin intom li tibku issa, għaliex se tidħqu. Henjin intom kull meta n-nies jobogħdukom . . . Ifirħu f’dak il-jum u aqbżu, għax, ħares! il-ħlas tagħkom hu kbir fis-sema.”
Dan hu kif Luqa jirrakkonta l-introduzzjoni tal-priedka taʼ Ġesù. Imma skond ir-rakkont taʼ Mattew, Ġesù jgħid ukoll li l-kalmi, dawk mimlijin ħniena, dawk li puri f’qalbhom, u dawk li jagħmlu l-paċi huma henjin. Dawn henjin, jinnota Ġesù, għaliex se jirtu l-art, se jiġu murijin ħniena, se jaraw ’l Alla, u se jissejħu wlied Alla.
Dak li jfisser Ġesù b’li tkun ferħan, madankollu, ma hux sempliċement li tkun fuq ruħek jew kollok ċajt, bħal meta tkun qed tieħu pjaċir. Il-vera hena hi iktar fonda, billi ġġorr il-ħsieb taʼ kuntentizza, sens taʼ sodisfazzjon u twettieq fil-ħajja.
Mela dawk li huma verament henjin, juri Ġesù, huma n-nies li jagħrfu l-bżonn spiritwali tagħhom, li huma mnikktin minħabba l-qagħda midinba tagħhom, u jaslu li jsiru jafu u jaqdu ’l Alla. Imbagħad, saħansitra jekk huma mibgħudin jew ippersegwitati talli jagħmlu r-rieda t’Alla, huma henjin għaliex jafu li qegħdin jogħġbu ’l Alla u se jirċievu r-rigal tiegħu taʼ ħajja taʼ dejjem.
Madankollu, ħafna mis-semmiegħa taʼ Ġesù, bħal xi nies illum, jemmnu illi li tkun sinjur u li tgawdi l-pjaċiri hu dak li jagħmlek ferħan. Ġesù jaħsibha mod ieħor. Billi jagħmel kuntrast li żgur li jissorprendi lil ħafna mis-semmiegħa tiegħu, hu jgħid:
“Gwaj għalikom in-nies għonja, għaliex qed ikollkom il-konsolazzjoni tagħkom bis-sħiħ. Gwaj għalikom li mimlijin issa, għaliex se toqogħdu bil-ġuħ. Gwaj, intom li qed tidħqu issa, għaliex se titnikktu u tibku. Gwaj, kull meta n-nies kollha jitkellmu tajjeb dwarkom, għax affarijiet bħal dawn huma dak li l-antenati tagħkom għamlu lill-profeti foloz.”
Ġesù x’irid ifisser? Għala hu gwaj għal min hu għani, għal min b’daħq jiġri wara l-pjaċiri, u għal min igawdi t-tifħir tan-nies? Dan hu għaliex meta wieħed għandu u jgħożż dawn l-affarijiet, imbagħad is-servizz t’Alla, li bih biss tistaʼ tikseb il-ferħ veru, jiġi mwarrab minn ħajtu. Fl-istess ħin, Ġesù ma kienx qed igħid li sempliċement billi tkun fqir, bil-ġuħ, u mnikket se tkun hieni. Taʼ spiss, madankollu, nies żvantaġġjati bħal dawn jistgħu jwieġbu għat-tagħlim taʼ Ġesù, u b’hekk huma jiġu mberkin b’hena vera.
Imbagħad, waqt li jindirizza lid-dixxipli tiegħu, Ġesù jgħid: “Intom il-melħ tal-art.” M’għandniex xi ngħidu, hu ma jridx ifisser li huma melħ litteralment. Minflok, il-melħ huwa xi ħaġa li tippreserva biha. Munzell kbir taʼ melħ kien jinżamm qrib l-artal fit-tempju taʼ Jehovah, u l-qassisin li kienu jservu hemmhekk kienu jużawh fil-funzjoni tagħhom biex imellħu l-offerti.
Id-dixxipli taʼ Ġesù huma “l-melħ tal-art” peress li għandhom influwenza li tippreserva fuq in-nies. Tabilħaqq, il-messaġġ li jġorru se jippreserva l-ħajjiet taʼ dawk li jwieġbu għalih! Se jġib fil-ħajjiet taʼ nies bħal dawn il-kwalitajiet tal-permanenza, il-lejaltà, u l-fedeltà, billi ma jħallihomx jitmermru spiritwalment u moralment.
“Intom id-dawl tad-dinja,” igħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu. Musbieħ ma jitpoġġiex taħt xi qoffa imma jitqiegħed fuq lampier. Mela Ġesù jgħid: “Bl-istess mod ħallu d-dawl tagħkom jiddi quddiem il-bnedmin.” Id-dixxipli taʼ Ġesù dan jagħmluh bil-għoti taʼ xiehda pubblika tagħhom, kif ukoll billi jaqdu bħala eżempji li jiddu taʼ kondotta li taqbel mal-prinċipji tal-Bibbja.
Livell Għoli għas-Segwaċi Tiegħu
Il-mexxejja reliġjużi jqisu lil Ġesù bħala wieħed li jikser il-Liġi t’Alla u dan l-aħħar saħansitra kkonfoffaw biex joqtluh. Mela waqt li Ġesù jkompli bil-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, huwa jispjega: “Taħsbux li jien ġejt biex neqred il-Liġi jew il-Profeti. Jien ġejt, mhux biex neqred, imma biex inwettaq.”
Ġesù għandu l-akbar rispett lejn il-Liġi t’Alla u jinkuraġġixxi lil oħrajn biex ikollhom l-istess rispett. Fil-fatt, hu jgħid: “Kulmin, għalhekk, jikser wieħed minn dawn l-iżgħar kmandamenti u jgħallem hekk lill-bnedmin, se jissejjaħ ‘l-iżgħar’ f’relazzjoni mas-saltna tas-smewwiet,” jiġifieri li persuna bħal dik mhix se tidħol fis-Saltna żgur.
Mhux talli Ġesù ma naqasx li jirrispetta l-Liġi t’Alla, anzi hu kkundanna l-attitudnijiet li jwasslu għal li wieħed jiksirha. Wara li jinnota li l-Liġi tgħid, “Ma tridx toqtol,” Ġesù jżid: “Madankollu, jien ingħidilkom li kulmin ikompli jagħdab għal ħuh se jkollu jagħti kont lill-qorti tal-ġustizzja.”
Ladarba hija ħaġa tant serja li tibqaʼ mgħaddab għal sieħbek, billi tistaʼ saħansitra tasal li toqtlu, Ġesù juri safejn għandek tasal biex tikseb il-paċi. Hu jgħallem: “Jekk, mela, int tkun qed igġib il-għotja [taʼ sagrifiċċju] tiegħek lejn l-artal u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, itlaq il-għotja tiegħek hemm quddiem l-artal, u mur ’il hemm; l-ewwel agħmel il-paċi maʼ ħuk, u mbagħad, meta tkun ġejt lura, offri l-għotja tiegħek.”
Waqt li jdawwar l-attenzjoni lejn is-sebaʼ wieħed mill-Għaxar Kmandamenti, Ġesù jkompli: “Smajtu intom li ntqal, ‘Ma tridx tikkommetti adulterju.’” Madankollu, Ġesù jikkundanna saħansitra l-attitudni soda li twassal għall-adulterju. “Jien ingħidilkom li kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex ikollu passjoni għaliha diġà kkommetta adulterju magħha f’qalbu.”
Ġesù hawn mhux qed jitkellem sempliċement dwar xi ħsieb immorali li jgħaddi imma dwar li ‘tibqaʼ tħares.’ Ħars li jibqaʼ bħal dan iqajjem xewqa taʼ passjoni, li, jekk tiġi l-opportunità, tistaʼ twassal għal adulterju. Wieħed kif jistaʼ jżomm ħaġa bħal din milli tiġri? Ġesù juri kif jistaʼ jkollok tieħu xi miżuri estremi, billi jgħid: “Jekk, issa, dik għajnek il-leminija qed iġġagħlek tieħu gambetta, ċarratha ’l barra u ixħetha ’l bogħod minnek. . . . Ukoll, jekk idek il-leminija qed iġġagħlek tieħu gambetta, aqtagħha ’l barra u ixħetha ’l bogħod minnek.”
In-nies spiss ikunu lesti li jissagrifikaw xi parti litterali minn ġisimhom li tkun ikkankrata biex isalvaw il-ħajjiet tagħhom. Imma skond Ġesù, huwa saħansitra iktar vitali li ‘tixħet ’il bogħod’ xi ħaġa, hi x’inhi, saħansitra xi ħaġa prezzjuża daqs għajn jew id, biex tevita ħsibijiet u azzjonijiet immorali. Inkella bħalma jispjega Ġesù, nies bħal dawn se jinxteħtu ġewwa Geħenna (miżbla taqbad bin-nar qrib Ġerusalemm), li tissimbolizza qerda eterna.
Ġesù jiddiskuti wkoll kif għandek taġixxi maʼ nies li jweġġgħuk jew joffenduk. “Tirreżistuhx lil dak li hu mill-agħar,” huwa l-parir tiegħu. “Imma kulmin jagħtik bil-ħarta fuq ħaddejk il-leminija, dawwarlu l-oħra wkoll.” Ġesù ma jridx ifisser li wieħed ma għandux jiddefendi ruħu jew il-familja tiegħu meta jiġi attakkat. Daqqa taʼ ħarta ma tingħatax biex tweġġgħek fiżikament imma, minflok, biex tinsultak. Mela, dak li qed igħid Ġesù hu li jekk xi ħadd jipprova jniggżek għal xi ġlieda jew xi argument, kemm jekk jagħtik bil-ħarta litteralment b’idu miftuħa jew bil-kliem insolenti li jweġġaʼ, ma jkunx sewwa li tirritalja.
Wara li jiġbed l-attenzjoni lejn il-liġi t’Alla dwar li trid tħobb lil għajrek, Ġesù jistqarr: “Madankollu, jien ingħidilkom: Komplu ħobbu lill-egħdewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.” Waqt li jipprovdi raġuni qawwija biex wieħed jagħmel hekk, hu jżid: “[B’hekk] turu rwieħkom ulied Missierkom li hu fis-smewwiet, ladarba jagħmel ix-xemx tiegħu titlaʼ fuq nies mill-agħar u tajbin.”
Ġesù jikkonkludi din il-parti tal-priedka tiegħu billi jwissi: “Tridu għaldaqstant tkunu perfetti, bħalma Missierkom tas-sema hu perfett.” Ġesù ma jridx ifisser li n-nies jistgħu jkunu perfetti fis-sens assolut. Minflok, huma jistgħu, billi jimitaw lil Alla, iwessgħu l-imħabba tagħhom biex tkun tħaddan saħansitra lill-egħdewwa tagħhom. Ir-rakkont li jixxiebah taʼ Luqa jġibhom hekk il-kelmiet taʼ Ġesù: “Ibqgħu siru mimlijin ħniena, sewwa sew bħalma Missierkom hu mimli ħniena.”
It-Talb, u l-Fiduċja f’Alla
Waqt li Ġesù jissokta bil-priedka tiegħu, hu jikkundanna l-ipokrezija tan-nies li jidhru li huma taparsi tajbin. “Meta tmur tagħmel għotjiet,” huwa jgħid, “iddoqqx trumbetta quddiemek, sewwa sew bħalma jagħmlu l-ipokriti.”
“Ukoll,” ikompli Ġesù, “meta titolbu, ma tridux tkunu bħall-ipokriti; għaliex huma jħobbu jitolbu bil-wieqfa fis-sinagogi u fil-kantunieri tat-toroq wisgħin biex jarawhom in-nies.” Minflok, hu jgħallem: “Meta titlob, idħol fil-kamra privata tiegħek u, wara li tagħlaq il-bieb tiegħek, itlob lil Missierek li hu fis-sigriet.” Ġesù nnifsu ġieli talab fil-pubbliku, u għalhekk mhux qed jikkundanna t-talb pubbliku. Dak li qed imaqdar hu t-talb li jingħad biex jimpressjona lis-semmiegħa ħalli dawn jikkumplimentawh.
Ġesù jkompli jagħti l-parir: “Meta titlob, tgħidx l-istess affarijiet darba wara l-oħra, sewwa sew bħalma jagħmlu n-nies tal-ġnus.” Ġesù mhux qed igħid li r-repetizzjoni fiha nfisha hi ħażina. Darba minnhom, hu stess irrepeta “l-istess kelma” waqt li kien qed jitlob. Imma dak li ma jaqbilx miegħu hu li wieħed jirrepeti frażijiet memorizzati “darba wara l-oħra,” bħalma jagħmlu dawk li jżebbġu l-kuruna waqt li jitolbu bħal pappagall.
Biex igħin lis-semmiegħa tiegħu jitolbu, Ġesù jipprovdi talba mudell li tinkludi sebaʼ petizzjonijiet. L-ewwel tlieta b’mod xieraq jagħtu għarfien lis-sovranità t’Alla u l-għanijiet tiegħu. Huma talbiet biex l-isem t’Alla jkun imqaddes, biex tiġi s-Saltna tiegħu, u biex issir ir-rieda tiegħu. L-erbgħa l-oħra huma talbiet persunali, jiġifieri, għall-ikel taʼ kuljum, għall-maħfra tad-dnubiet, għal biex ma niġux ittantati iktar milli nifilħu, u biex niġu meħlusin mill-wieħed mill-agħar.
Ġesù jkompli mbagħad jitkellem dwar in-nassa taʼ li tqiegħed enfasi żejda fuq il-ġid materjali. Hu jħeġġeġ: “Ieqfu milli taħżnu għalikom infuskom teżori fuq l-art, fejn jittieklu mill-kamla u bis-sadid, u fejn il-ħallelin jidħlu u jisirqu.” Teżori bħal dawn mhux talli jgħibu imma talli ma jibnu ebda mertu maʼ Alla.
B’hekk, Ġesù jgħid: “Minflok, aħżnu għalikom infuskom teżori fis-sema.” Dan tagħmlu billi tpoġġi s-servizz t’Alla bħala l-ewwel ħaġa f’ħajtek. Ħadd ma jistaʼ jeħodlok il-mertu li tkun b’hekk bnejt maʼ Alla jew ir-rigal grandjuż tiegħu. Imbagħad Ġesù jżid: “Fejn qiegħed it-teżor tiegħek, hemm se tkun ukoll qalbek.”
Waqt li jkompli jitkellem dwar in-nassa tal-materjaliżmu, Ġesù jagħti t-tixbieha: “Il-lampa tal-ġisem hi l-għajn. Jekk, mela, għajnek hi sempliċi, ġismek kollu se jkun jiddi; imma jekk għajnek hi mill-agħar, ġismek kollu se jkun mudlam.” Il-għajn li taħdem tajjeb hi għall-ġisem bħal lampa mixgħula f’post mudlam. Imma biex tara sewwa, l-għajn trid tkun sempliċi, jiġifieri, trid tiffoka fuq ħaġa waħda. Għajn li mhix iffokata twassal għal stima żballjata tal-affarijiet, billi wieħed iqiegħed affarijiet materjali qabel is-servizz lejn Alla, bir-riżultat li l-‘ġisem kollu’ jsir mudlam.
Ġesù jwassal dan is-suġġett lejn il-quċċata tiegħu bit-tixbieha qawwija: “Ħadd ma jistaʼ jaqdi bħala rsir lil żewġ sidien; għax jew se jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew se jżomm maʼ wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu bħala rsir lil Alla u lir-Rikkezzi.”
Wara li jagħti dan il-parir, Ġesù jassigura lis-semmiegħa tiegħu li m’għandhomx għalfejn ikunu anzjużi dwar ħtiġijiet materjali jekk ipoġġu s-servizz t’Alla l-ewwel. “Osservaw bir-reqqa lill-agħsafar tas-sema,” huwa jgħid, “għaliex huma ma jiżirgħux żerriegħa jew jaħsdu jew jiġbru fl-imħażen; xorta waħda Missierkom tas-sema jitmagħhom.” Imbagħad jistaqsi: “Ma tiswewx intom iktar minnhom?”
Imbagħad, Ġesù jipponta lejn il-ġilji tal-għalqa u jinnota li “lanqas saħansitra Salamun fil-glorja kollha tiegħu ma kien imdandan bħal wieħed minn dawn. Jekk, issa,” huwa jkompli, “Alla libbes hekk lill-ħxejjex tal-għalqa, . . . kemm iktar se jlibbes lilkom, intom bi ftit fidi?” Għalhekk Ġesù jikkonkludi: “Qatt tkunu anzjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ . . . Għax Missierkom tas-sema jaf li teħtieġu dawn l-affarijiet kollha. Ibqgħu, mela, fittxu l-ewwel is-saltna u t-tjieba tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħra kollha se jiżdidulkom.”
Il-Mod tal-Ħajja
Il-mod tal-ħajja hu li timxi mat-tagħlim taʼ Ġesù. Imma dan mhux faċli. Il-Fariżej, per eżempju, għandhom it-tendenza li jiġġudikaw lill-oħrajn bl-aħrax, u x’aktarx li ħafna jimitawhom. Mela hekk kif Ġesù jkompli l-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, hu jagħti din it-twissija: “Ieqfu milli tiġġudikaw biex ma tiġux iġġudikati intom; għax b’dak il-ġudizzju li qegħdin tiġġudikaw, se tiġu ġġudikati intom.”
Huwa perikoluż li ssegwi l-eżempju tal-Fariżej li kienu jikkritikaw iżżejjed. Skond ir-rakkont taʼ Luqa, Ġesù jagħti tixbieha taʼ dan il-periklu billi jgħid: “Raġel agħma ma jistax imexxi lil raġel agħma, hux hekk? It-tnejn se jitgerbbu ġewwa ħofra, mhux hekk?”
Li tikkritika lill-oħrajn iżżejjed, billi tkabbar l-iżballji tagħhom u taqbad magħhom hija offiża serja. Mela Ġesù jistaqsi: “Kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini naqlaʼ t-tibna minn għajnek’; meta, ħares! travu qiegħed f’għajnek stess? Ipokrita! L-ewwel aqlaʼ t-travu minn għajnek stess, u mbagħad se tara ċar kif taqlaʼ t-tibna minn għajn ħuk.”
Dan ma jfissirx li d-dixxipli taʼ Ġesù m’għandhomx jużaw id-dehen f’konnessjoni maʼ nies oħra, għax hu jgħid: “Tagħtux dak li hu qaddis lill-klieb, lanqas tixħtu l-perli tagħkom quddiem il-qżieqeż.” Il-veritajiet mill-Kelma t’Alla huma qaddisa. Huma bħal perli figurattivi. Imma jekk xi individwi, li huma bħal klieb jew qżieqeż, ma juru l-ebda apprezzament għal dawn il-veritajiet prezzjużi, id-dixxipli taʼ Ġesù għandhom jitilquhom lil dawk in-nies u jfittxu lil dawk li lesti li jisimgħu.
Għalkemm Ġesù ddiskuta t-talb ftit qabel fil-Priedka tiegħu fuq il-Muntanja, issa jisħaq fuq il-ħtieġa li tippersisti fit-talb. “Ibqgħu staqsu,” huwa jħeġġeġ, “u se jingħatalkom.” Biex juri kemm Alla hu lest li jwieġeb għat-talb, Ġesù jistaqsi: “Min hu r-raġel fostkom li ibnu jistaqsih għall-ħobż—mhux se jagħtih ġebla f’idu, hux tassew? . . . Għalhekk, jekk intom, għalkemm intom mill-agħar, tafu kif tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar Missierkom li qiegħed fis-smewwiet se jagħti affarijiet tajbin lil dawk li qed jistaqsuh?”
Imbagħad Ġesù jipprovdi dik li saret regola famuża taʼ kondotta, magħrufa l-iktar bħala r-Regola tad-Deheb. Huwa jgħid: “L-affarijiet kollha, għalhekk, li tridu l-bnedmin jagħmlu lilkom, intom ukoll tridu tagħmluhom bl-istess mod lilhom.” Li tgħix skond din ir-regola jinvolvi azzjoni pożittiva f’li tagħmel il-ġid lill-oħrajn, billi taġixxi magħhom kif tridhom jaġixxu miegħek.
Il-fatt li l-mod tal-ħajja mhux faċli hu muri mill-istruzzjoni taʼ Ġesù: “Idħlu mir-rixtellu d-dejjaq; għaliex wiesgħa u spazjuża hi t-triq li tieħu għall-qerda, u ħafna huma dawk li deħlin fiha; fil-waqt li dejjaq hu r-rixtellu u marsusa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li qed isibuha.”
Il-periklu taʼ li tkun żvijat huwa kbir, u għalhekk Ġesù jwissi: “Oqogħdu għassa għall-profeti foloz li jiġu għandkom bil-għata tan-ngħaġ, imma minn ġewwa huma lpup imġewħa.” Saħansitra bħalma s-siġar tajbin u s-siġar ħżiena jistgħu jintgħarfu mill-frott tagħhom, jinnota Ġesù, il-profeti foloz jistgħu jintgħarfu mill-imġieba u mit-tagħlim tagħhom.
Waqt li jissokta, Ġesù jispjega li ma hux biss dak li wieħed igħid li jagħmlu dixxiplu Tiegħu imma dak li jagħmel. Xi nies isostnu li Ġesù huwa l-Mulej tagħhom, imma jekk m’humiex jagħmlu r-rieda taʼ Missieru, hu jgħid: “Jien se nistqarrilhom: Jien qatt ma kont nafkom! Morru ’l bogħod minni, intom ħaddiema taʼ bla liġi.”
Fl-aħħar, Ġesù jagħti dan l-egħluq memorabbli għall-priedka tiegħu. Huwa jgħid: “Għalhekk kulmin jismaʼ dawn il-kelmiet tiegħi u jagħmilhom se jkun imxebbah maʼ raġel għaqli, li bena daru fuq il-blata. U x-xita niżlet u l-għargħar ġew u l-irjieħ nefħu u ħabtu kontra dik id-dar, imma ma ċedietx, għax kienet ġiet imsejsa fuq il-blata.”
Mill-banda l-oħra, Ġesù jiddikjara: “Kulmin jismaʼ dawn il-kelmiet tiegħi u ma jagħmilhomx se jkun imxebbah maʼ raġel iblah, li bena daru fuq ir-ramel. U x-xita niżlet u l-għargħar ġew u l-irjieħ nefħu u laqtu dik id-dar u ċediet, u l-waqgħa tagħha kienet kbira.”
Malli Ġesù jtemm il-priedka tiegħu, il-folol jibqgħu imgħaġġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax hu jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità, u mhux bħall-mexxejja reliġjużi tagħhom. Luqa 6:12-23; Mattew 5:1-12; Luqa 6:24-26; Mattew 5:13-48; 6:1-34; 26:36-45; 7:1-29; Luqa 6:27-49.
▪ Fejn hu Ġesù meta jagħti l-iktar priedka memorabbli tiegħu, min hemm preżenti, u x’ġara eżatt qabel ma bdieha?
▪ Għala mhix xi sorpriża li Luqa kiteb xi ftit mit-tagħlim tal-priedka fi sfond ieħor?
▪ X’inhu li jagħmel lill-priedka taʼ Ġesù daqshekk taʼ valur?
▪ Min huma verament henjin, u għala?
▪ Min jirċievi gwaj, u għala?
▪ Id-dixxipli taʼ Ġesù kif inhuma “l-melħ tal-art” u “d-dawl tad-dinja”?
▪ Ġesù kif juri rispett kbir lejn il-Liġi t’Alla?
▪ Ġesù liema struzzjoni jipprovdi biex jaqlaʼ mill-egħruq l-affarijiet li jwasslu għall-qtil u għall-adulterju?
▪ Ġesù x’irid ifisser meta jitkellem dwar li ddawwar wiċċek?
▪ Kif nistgħu nkunu perfetti bħalma Alla hu perfett?
▪ Liema struzzjonijiet jipprovdi Ġesù dwar it-talb?
▪ It-teżori fis-sema għala huma superjuri u kif jinkisbu?
▪ Liema tixbihat jingħataw biex igħinuna nevitaw il-materjaliżmu?
▪ Ġesù għala jgħid li m’hemmx għalfejn tkun anzjuż?
▪ X’igħid Ġesù dwar li tiġġudika lill-oħrajn; iżda kif juri li d-dixxipli tiegħu għandhom jużaw id-dehen rigward in-nies?
▪ X’igħid iktar Ġesù rigward it-talb, u liema regola taʼ kondotta jipprovdi?
▪ Ġesù kif juri li l-mod tal-ħajja ma kienx se jkun faċli u li hemm il-periklu li tiġi mqarraq?
▪ Ġesù kif jagħlaq il-priedka tiegħu, u x’effett tħalli?