Kapitlu 60
Ħarsa bil-Quddiem tal-Glorja tas-Saltna taʼ Kristu
ĠESÙ ġie fl-inħawi taʼ Ċesarija Filippi, u hu qed igħallem lil folla li tinkludi lill-appostli tiegħu. Hu jagħmel dan l-avviż li jaħsdek: “Verament ingħidilkom li hemm xi wħud minn dawk bil-wieqfa hawn li mhux se jduqu l-mewt assolutament sakemm l-ewwel jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-saltna tiegħu.”
‘X’irid ifisser Ġesù?’ bil-fors li staqsew id-dixxipli. Xi ġimgħa wara, Ġesù jieħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni flimkien miegħu, u huma jitilgħu fuq muntanja għolja. X’aktarx li huwa bil-lejl, ladarba d-dixxipli huma bin-ngħas. Waqt li Ġesù qiegħed jitlob, hu jiġi ttrasfigurat quddiemhom. Wiċċu jibda jiddi bħax-xemx, u l-ilbies tiegħu jsiru jleqqu bħad-dawl.
Imbagħad, żewġ figuri, identifikati bħala “Mosè u Elija,” jidhru u jibdew jitkellmu maʼ Ġesù dwar ‘it-tluq tiegħu li għandu jseħħ f’Ġerusalemm.’ It-tluq b’mod evidenti jirreferi għall-mewt u l-irxoxt li jiġi wara taʼ Ġesù. B’hekk, din il-konversazzjoni turi li l-mewt umiljanti tiegħu mhix xi ħaġa li trid tiġi evitata, kif kien xtaq Pietru.
Billi issa huma mqajmin għalkollox, id-dixxipli jħarsu u jisimgħu bi stagħġib. Għalkemm din hija viżjoni, tidher tant rejali li Pietru jibda jipparteċipa fix-xena, billi jgħid: “Mulej, huwa sewwa li nkunu hawn. Jekk int tixtieq, jien se nibni tliet tined hawn, waħda għalik u waħda għal Mosè u waħda għal Elija.”
Waqt li Pietru qed jitkellem, sħaba mdawla tgħattihom, u leħen minn ġos-sħaba jgħid: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu approvajt; isimgħu minnu.” Malli jisimgħu l-leħen, id-dixxipli jaqgħu għal wiċċhom fl-art. Imma Ġesù jgħid: “Qumu u tibżgħux.” Meta jqumu, huma ma jaraw lil ħadd ħlief lil Ġesù.
Il-għada, huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù jikkmanda: “Tgħidu l-viżjoni lil ħadd sakemm Bin il-bniedem jiġi mqajjem mill-imwiet.” Id-dehra taʼ Elija fil-viżjoni tqajjem mistoqsija fl-imħuħ tad-dixxipli. “Għala,” jistaqsu huma “jgħidu l-iskribi li Elija jrid jiġi l-ewwel?”
“Elija diġà ġie,” jgħid Ġesù, “u huma ma għarfuhx.” Ġesù, madankollu, qiegħed jitkellem dwar Ġwanni l-Għammied, li wettaq parti bħal dik taʼ Elija. Ġwanni ħejja t-triq għal Kristu, bħalma għamel Elija għal Eliżew.
Din il-viżjoni kemm turi li hi li ssaħħaħ lil dak li jkun, kemm għal Ġesù u kemm għad-dixxipli! Il-viżjoni hi, bħal li kieku, ħarsa bil-quddiem tal-glorja tas-Saltna taʼ Kristu. Id-dixxipli raw, fil-fatt, lil “Bin il-bniedem ġej fis-saltna tiegħu,” sewwa sew kif Ġesù kien wiegħed ġimgħa qabel. Wara l-mewt taʼ Ġesù, Pietru kiteb dwar li huma ‘raw b’għajnejhom il-kobor taʼ Kristu waqt li kienu miegħu fuq il-muntanja qaddisa.’
Il-Fariżej kienu talbu mingħand Ġesù sinjal biex juri li hu kien il-wieħed imwiegħed fl-Iskrittura biex ikun is-Sultan magħżul t’Alla. Huma ma ġew mogħtija ebda sinjal bħal dan. Mill-banda l-oħra, id-dixxipli intimi taʼ Ġesù jitħallew jaraw it-trasfigurazzjoni taʼ Ġesù bħala konferma tal-profeziji tas-Saltna. B’hekk, Pietru iktar tard kiteb: “Għaldaqstant għandna l-kelma profetika magħmula iktar żgura.” Mattew 16:13, Mattew 16:28–17:13; Mark 9:1-13; Luqa 9:27-37; 2 Pietru 1:16-19.
▪ Qabel ma jduqu l-mewt, xi wħud kif jaraw lil Kristu ġej fis-Saltna tiegħu?
▪ Fil-viżjoni, Mosè u Elija dwar liema ħaġa jitkellmu maʼ Ġesù?
▪ Din il-viżjoni għala hi għajnuna li tant issaħħaħ lid-dixxipli?