Kapitlu 63
Iktar Pariri taʼ Korrezzjoni
WAQT li Ġesù u l-appostli tiegħu għadhom fid-dar f’Kapernahum, ġiet diskussa xi ħaġa oħra barra l-argument tal-appostli dwar min hu l-akbar. Dan hu inċident li setaʼ wkoll ġara huma u ġejjin lura lejn Kapernahum, meta Ġesù ma kienx preżenti personalment. L-appostlu Ġwanni jirrapporta: “Rajna lil ċertu raġel ikeċċi d-demonji billi juża’ lil ismek u aħna ppruvajna nżommuh, għaliex hu ma kienx qed jakkumpanjana.”
B’mod evidenti Ġwanni jħares lejn l-appostli bħala li huma biss għandhom is-setgħa li jfejqu. Mela hu jħoss li r-raġel kien qed iwettaq xogħlijiet taʼ setgħa b’mod li mhux xieraq għaliex hu ma kienx jagħmel parti mill-grupp tagħhom.
Madankollu, Ġesù jagħti parir: “Tippruvawx iżżommuh, għax m’hemm ħadd li se jagħmel xogħol taʼ qawwa fuq il-bażi taʼ ismi li malajr se jkollu l-ħila jkasbarni; għax dak li mhux kontra tagħna huwa favur tagħna. Għax kulmin jagħtikom tazza ilma x’tixorbu minħabba li tappartjenu lil Kristu, verament ingħidilkom, hu bl-ebda mod ma se jitlef il-premju tiegħu.”
Ma kienx hemm għalfejn dan ir-raġel isegwi lil Ġesù fiżikament biex ikun fuq in-naħa tiegħu. Il-kongregazzjoni Kristjana kienet għadha ma ġietx imwaqqfa, u għalhekk il-fatt li ma kienx parti mill-grupp tagħhom ma kienx ifisser li hu kien taʼ kongregazzjoni oħra. Ir-raġel verament kellu fidi f’isem Ġesù u b’hekk irnexxielu jkeċċi d-demonji. Hu kien qed jagħmel xi ħaġa li kienet taqbel b’mod favorevoli maʼ dak li Ġesù qal li jkun jixraqlu premju. Ġesù juri li, talli għamel dan, hu mhux se jitlef il-premju tiegħu.
Imma x’jiġri jekk ir-raġel ġie mfixkel bil-kliem u bl-aġir tal-appostli? Dan kien ikun serju ħafna! Ġesù josserva: “Kulmin jagħti gambetta lil wieħed minn dawn iż-żgħar li jemmnu, ikun aħjar għalih kieku ġebla tat-tħin bħal dik li hi mdawra minn ħmar titpoġġa madwar għonqu u attwalment jiġi mitfugħ fil-baħar.”
Ġesù jgħid li s-segwaċi tiegħu għandhom iwarrbu mill-ħajjiet tagħhom kull ħaġa li hija għażiża għalihom bħal xi id, xi sieq, jew xi għajn li tistaʼ ġġegħilhom jieħdu gambetta. Aħjar tkun mingħajr din il-ħaġa għażiża u tidħol fis-Saltna t’Alla milli tkun biha u tiġi mitfugħ f’Geħenna (gozz żibel jaħraq qrib Ġerusalemm), li tissimbolizza l-qerda eterna.
Ġesù jwissi wkoll: “Araw li ma tistmerrux lil xi wieħed minn dawn iż-żgħar; għax ingħidilkom li l-anġli tagħhom fis-sema dejjem jilmħu wiċċ Missieri li hu fis-sema.” Huwa mbagħad juri kemm huma prezzjużi ż-“żgħar” billi jirrakkonta dwar raġel li għandu mitt nagħġa imma jitlef waħda. Ir-raġel se jitlaq id-99 biex imur ifittex lill-waħda mitlufa, jispjega Ġesù, u malli jsibha se jifraħ iktar biha milli bid-99. “Bl-istess mod,” Ġesù mbagħad jikkonkludi, “mhix ħaġa mixtieqa minn Missieri li hu fis-sema għal wieħed minn dawn iż-żgħar li jgħib.”
Possibilment billi għandu f’moħħu l-argument li l-appostli kellhom bejniethom, Ġesù jħeġġeġ: “Ħa jkollkom il-melħ fikom infuskom, u żommu l-paċi bejnietkom.” Ikel bla togħma jsir bnin bil-melħ. B’hekk, il-melħ figurattiv jagħmel lil dak li wieħed igħid iktar faċli biex jiġi aċċettat. Li wieħed ikollu melħ bħal dan se jgħin f’li tinżamm il-paċi.
Imma minħabba l-imperfezzjoni umana, minn żmien għal żmien se jqumu kwistjonijiet serji. Ġesù jipprovdi wkoll direzzjonijiet taʼ kif wieħed għandu jaġixxi dwarhom. “Jekk ħuk jikkommetti dnub,” igħid Ġesù, “mur ikxef in-nuqqas tiegħu bejnek u bejnu waħedkom. Jekk jismaʼ minnek, int tkun ksibt lil ħuk.” Jekk ma jismax, Ġesù jagħti l-parir, “ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, sabiex bil-fomm taʼ tnejn jew tliet xhieda kull kwistjoni tistaʼ tkun stabbilita.”
Biss bħala l-aħħar rimedju, igħid Ġesù, ħu l-kwistjoni “lill-kongregazzjoni,” jiġifieri, lil indokraturi responsabbli tal-kongregazzjoni li jistgħu jagħtu deċiżjoni taʼ ġudizzju. Jekk il-midneb ma joqgħodx għad-deċiżjoni tagħhom, Ġesù jikkonkludi, “ħa jkun għalik sewwa sew bħal bniedem tal-ġnus u bħal kollettur tat-taxxi.”
F’li jieħdu deċiżjoni bħal din, l-indokraturi jridu jżommu mill-qrib mal-istruzzjonijiet fil-Kelma taʼ Jehovah. B’hekk, meta huma jsibu individwu ħati u li jistħoqqlu kastig, il-ġudizzju ‘se jkun diġà ġie marbut fis-sema.’ U meta huma ‘jħollu fuq l-art,’ jiġifieri, isibu lil xi ħadd innoċenti, se jkun diġà ġie ‘maħlul fis-sema.’ F’deċiżjonijiet ġudizzjarji bħal dawn, igħid Ġesù, “fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin flimkien f’ismi, hemm jien qiegħed f’nofshom.” Mattew 18:6-20; Mark 9:38-50; Luqa 9:49, 50.
▪ Fi żmien Ġesù għala ma kienx hemm għalfejn wieħed jakkumpanjah?
▪ Kemm hi serja l-kwistjoni taʼ li wieħed jagħti gambetta lil wieħed żgħir, u Ġesù kif juri l-importanza taʼ wħud żgħar bħal dawn?
▪ X’inhu li x’aktarx iqanqal lil Ġesù jinkuraġġixxi lill-appostli biex ikollhom il-melħ bejniethom?
▪ X’sinjifikat hemm għal li wieħed ‘jorbot’ u li wieħed ‘iħoll’?