Kapitlu 43
Igħallem bit-Tixbihat
ĠESÙ mid-dehra jinsab f’Kapernahum meta jċanfar lill-Fariżej. Iktar tard f’dan l-istess jum, hu jitlaq mid-dar u jimxiha sal-Baħar tal-Galilija li hu fil-qrib, fejn jinġabru folol taʼ nies. Hemm jirkeb fuq dgħajsa, joħroġ ftit ’il barra, u jibda jgħallem lin-nies fuq ix-xtajta dwar is-Saltna tas-smewwiet. Hu jagħmel dan permezz taʼ serje taʼ parabboli, jew tixbihat, li kull waħda minnhom għandha sfond familjari għan-nies.
L-ewwel, Ġesù jirrakkonta dwar wieħed li jiżraʼ ż-żerriegħa. Xi żerriegħa taqaʼ mal-ġenb tat-triq u tittiekel mill-agħsafar. Żerriegħa oħra taqaʼ fuq ftit ħamrija fuq il-blat. Billi l-egħruq ma jsibux fond, il-pjanti l-ġodda jitbielu taħt ix-xemx tiżreġ. Jerġaʼ żerriegħa oħra taqaʼ qalb ix-xewk, li joħnoq il-pjanti malli jitilgħu. Fl-aħħar, xi żerriegħa taqaʼ fuq ħamrija tajba u tipproduċi mitt darba, xi wħud sittin darba, u xi wħud tletin darba.
F’tixbieha oħra, Ġesù jqabbel is-Saltna t’Alla maʼ raġel li jiżraʼ żerriegħa. Hekk kif igħaddu l-ġranet, waqt li r-raġel jorqod u meta jkun imqajjem, iż-żerriegħa tikber. Ir-raġel ma jafx kif. Tikber waħedha u tipproduċi l-qamħ. Meta l-qamħ isir, ir-raġel jaħsdu.
Ġesù jirrakkonta t-tielet tixbieha dwar raġel li jiżraʼ ż-żerriegħa t-tajba, imma “waqt li rġiel kienu reqdin,” wieħed għadu tiegħu jiġi jiżra l-ħaxix ħażin qalb il-qamħ. Il-qaddejja tar-raġel jistaqsu jekk għandhomx jaqilgħu ’l barra l-ħaxix ħażin. Imma hu jwieġeb: ‘Le, inkella taqilgħu xi ftit mill-qamħ. Ħalluhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad. Imbagħad se ngħid lill-ħassada biex jiġbru l-ħaxix ħażin u jaħarquh u jpoġġu l-qamħ fil-maħżen.’
Waqt li jkompli jkellem lill-folol fuq ix-xtajta, Ġesù jipprovdi żewġ tixbihat oħra. Hu jispjega li “s-saltna tas-smewwiet” hi bħal żerriegħa tal-mustarda li raġel iħawwel. Għalkemm hi l-iżgħar miż-żrieragħ kollha, huwa jgħidilhom, din tikber u ssir l-akbar waħda mill-ħxejjex kollha. Issir siġra li lejha jiġu l-agħsafar u jsibu kenn qalb il-friegħi tagħha.
Xi wħud illum joġġezzjonaw għax hemm żrieragħ iżgħar miż-żerriegħa tal-mustarda. Imma Ġesù mhux qed jagħti lezzjoni dwar l-istudju tal-ħxejjex. Miż-żrieragħ li l-Galilej taʼ dak iż-żmien kienu jafu bihom, iż-żerriegħa tal-mustarda tassew li kienet l-iżgħar. Għalhekk huma japprezzaw il-kwistjoni taʼ tkabbir fenomenali li dwaru Ġesù qed jitkellem b’tixbieha.
Fl-aħħar, Ġesù jqabbel “is-saltna tas-smewwiet” maʼ ħmira li waħda mara tieħu u tħawwadha ġewwa tliet kejliet kbar taʼ dqiq. Maż-żmien, igħid hu, din tħemmer il-għaġna kollha.
Wara li jagħti dawn il-ħames tixbihat, Ġesù jgħid lill-folol biex jitilqu waqt li hu jerġaʼ lura lejn id-dar fejn joqgħod. Ftit wara, it-12-il appostli tiegħu u oħrajn jiġu jsibuh hemm.
Nibbenefikaw mit-Tixbihat taʼ Ġesù
Meta d-dixxipli jiġu għand Ġesù wara d-diskors tiegħu lill-folol ħdejn il-baħar, huma jinsabu kurjużi dwar il-metodu ġdid taʼ tagħlim tiegħu. Veru li ġieli semgħuh juża tixbihat qabel, imma qatt ma wżahom daqshekk. Mela huma jistaqsu: “Għala hu li tkellimhom bl-użu tat-tixbihat?”
Raġuni waħda għala jagħmel hekk hi biex iwettaq kliem il-profeta: “Se niftaħ fommi bit-tixbihat, se nippubblika affarijiet moħbija minn żmien it-tisjis.” Imma hemm iktar involut minn hekk. L-użu tiegħu tat-tixbihat iservi l-għan li jgħin biex jikxef l-attitudni tal-qalb tan-nies.
Attwalment, il-biċċa l-kbira tan-nies huma interessati f’Ġesù sempliċement bħala wieħed li jaf igħid stejjer sbieħ u jagħmel il-mirakli, u mhux bħala wieħed li għandu jiġi moqdi bħala l-Mulej u jiġi segwit mingħajr egoiżmu. Ma jridux jiġu ddisturbati fil-mod kif iħarsu lejn l-affarijiet jew kif igħixu ħajjithom. Ma jridux li l-messaġġ jippenetra sa dak il-punt.
Mela Ġesù jgħid: “Dan hu għala nkellimhom bl-użu tat-tixbihat, għaliex, waqt li jħarsu, iħarsu għal xejn, u waqt li jisimgħu, jisimgħu għal xejn, lanqas ma jieħdu s-sens tiegħu; u lejhom qed isseħħ il-profezija taʼ Isaija, li tgħid, ‘. . . Għax qalb dal-poplu saret ħarxa.’”
“Madankollu,” ikompli jgħid Ġesù, “henjin għajnejkom għaliex jilmħu, u widnejkom għaliex jisimgħu. Għax verament ingħidilkom, Ħafna profeti u rġiel taʼ tjieba xtaqu li jaraw l-affarijiet li qed tilmħu u ma rawhomx, u li jisimgħu l-affarijiet li qed tisimgħu u ma semgħuhomx.”
Iva, it-12-il appostlu u dawk li hemm magħhom għandhom qlub li jaċċettaw. Għalhekk Ġesù jgħid: “Lilkom hu milqugħ li tifhmu s-sigrieti sagri tas-saltna tas-smewwiet, imma lil dawk in-nies mhux milqugħ.” Minħabba x-xewqa tagħhom biex jifhmu, Ġesù jipprovdi lid-dixxipli tiegħu spjegazzjoni tat-tixbieha taʼ dak li żaraʼ.
“Iż-żerriegħa hija l-kelma t’Alla,” jgħid hu, u l-ħamrija hija l-qalb. Dwar iż-żerriegħa miżrugħa fuq il-wiċċ iebes tal-ġenb tat-triq, hu jispjega: “Ix-Xitan jiġi u jieħu l-kelma lil hinn min qlubhom li ma jmorrux jemmnu u jiġu salvati.”
Mill-banda l-oħra, iż-żerriegħa miżrugħa f’ħamrija fuq il-blat tirreferi għall-qlub tan-nies li jilqgħu l-kelma bil-ferħ. Madankollu, peress li l-kelma ma tistax tagħmel l-egħruq fi qlub bħal dawk, dawn in-nies jaqtgħu qalbhom meta tiġi xi prova jew persekuzzjoni.
Inkwantu għaż-żerriegħa li waqgħet qalb ix-xewk, ikompli Ġesù, din tirreferi għal nies li semgħu l-kelma. Dawn, madankollu, jinġarru mill-anzjetajiet u r-rikkezzi u l-pjaċiri taʼ dil-ħajja, tant li jinħonqu għalkollox u ma jġibu xejn għall-perfezzjoni.
Fl-aħħar, inkwantu għaż-żerriegħa miżrugħa fuq il-ħamrija mill-aħjar, igħid Ġesù, dawn huma dawk li, wara li jkunu semgħu l-kelma b’qalb mill-aħjar u tajba, iżommuha u jagħtu l-frott bis-sabar.
Kemm huma mberkin dawn id-dixxipli li fittxew lil Ġesù biex jiksbu spjegazzjoni tat-tagħlim tiegħu! Ġesù jrid li t-tixbihat tiegħu jiġu mifhuma sabiex iwassal il-verità lil oħrajn. “Lampa ma tinġiebx biex titpoġġa taħt qoffa tal-kejl jew taħt xi sodda, hux hekk?” jistaqsi hu. Le, “tinġieb biex titpoġġa fuq gandlier.” B’hekk Ġesù jżid: “Għalhekk, oqogħdu attenti għal kif tisimgħu.”
Imberkin b’Iktar Tagħlim
Wara li jirċievu spjegazzjoni mingħand Ġesù għat-tixbieha taż-żerriegħ, id-dixxipli jridu jitgħallmu iktar. “Fissrilna,” jistaqsuh huma, “t-tixbieha tal-ħaxix ħażin fil-għalqa.”
Kemm hi differenti l-attitudni tad-dixxipli minn dik tal-bqija tal-folla fuq ix-xtajta! Dawk in-nies ma għandhom ebda xewqa ħerqana li jkunu jafu t-tifsira tat-tixbihat, billi huma sodisfatti b’sempliċi rakkont fuq fuq. Biex juri l-kuntrast bejn dik l-udjenza taʼ ħdejn il-baħar u d-dixxipli tiegħu li jistaqsu u li ġew għandu d-dar, Ġesù jgħid:
“Bil-kejl li qegħdin tkejlu intom, se jiġi mkejjel lilkom, iva, se jkollkom iktar miżjud lilkom.” Id-dixxipli qegħdin ikejlu maʼ Ġesù interess ħerqan u attenzjoni, u għalhekk huma mberkin billi jirċievu iktar tagħlim. B’hekk, bi tweġiba għad-domanda tad-dixxipli tiegħu, Ġesù jispjega:
“Dak li jiżraʼ ż-żerriegħa mill-aħjar hu Bin il-bniedem; il-għalqa hija d-dinja; inkwantu għaż-żerriegħa mill-aħjar, dawn huma wlied is-saltna; imma l-ħaxix ħażin huma wlied il-wieħed mill-agħar, u l-għadu li żeragħhom huwa x-Xitan. Il-ħsad huwa konklużjoni taʼ sistema taʼ affarijiet, u l-ħassada huma anġli.”
Wara li jidentifika kull fattur tat-tixbieha tiegħu, Ġesù jiddeskrivi x’jiġri. Fil-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet, huwa jgħid li l-ħassada, jew anġli, se jisseparaw lit-taparsi Kristjani bħal ħaxix ħażin minn dawk li huma l-veri “wlied is-saltna.” Imbagħad ‘ulied il-wieħed mill-agħar’ se jiġu mmarkati għall-qerda, imma wlied is-Saltna t’Alla, “it-twajbin,” se jiddu qawwi fis-Saltna taʼ Missierhom.
Ġesù mbagħad ibierek lid-dixxipli kollhom mistoqsijiet tiegħu bi tliet tixbihat oħra. L-ewwel, hu jgħid: “Is-saltna tas-smewwiet hi bħal teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel sabu u ħbieh; u għall-ferħ li għandu hu jmur u jbigħ dak li għandu u jixtri dik il-għalqa.”
“Jerġaʼ,” hu jkompli, “s-saltna tas-smewwiet hi bħal negozjant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-aħjar. Malli sab perla taʼ valur għoli, telaq u minnufih biegħ l-affarijiet kollha li kellu u xtraha.”
Ġesù nnifsu hu bħar-raġel li jsib teżor moħbi u bħan-negozjant li jsib perla taʼ valur għoli. Hu biegħ kollox, biex ingħidu hekk, billi ħalla pożizzjoni onorata fis-sema biex isir bniedem baxx. Imbagħad, bħala bniedem fuq l-art, hu bata t-tkasbir u persekuzzjoni viljakka, biex b’hekk ta prova li jixraqlu jsir il-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla.
L-isfida hi mqiegħda quddiem is-segwaċi taʼ Ġesù biex huma wkoll ibigħu kollox sabiex jiksbu r-rigal grandjuż taʼ li jkunu jew ħakkiema flimkien maʼ Kristu jew sudditi tas-Saltna fl-art. Sejrin aħna nqisu s-sehem li jistaʼ jkollna fis-Saltna t’Alla bħala xi ħaġa li hi iktar taʼ valur minn kull ħaġa oħra fil-ħajja, bħala teżor imprezzabbli u perla prezzjuża?
Fl-aħħar, Ġesù jxebbah “is-saltna tas-smewwiet” maʼ xibka kbira li tiġbor ħut taʼ kull xorta. Meta l-ħut jiġu sseparati, dawk li m’humiex tajbin jintefgħu ’l barra imma t-tajbin jinżammu. Hekk, igħid Ġesù, se jiġri fil-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet; l-anġli se jisseparaw lil uħud mill-agħar minn uħud twajbin, billi jżommu lil uħud mill-agħar għall-qerda.
Ġesù nnifsu jibda dan il-proġett taʼ sajd, billi jsejjaħ lill-ewwel dixxipli tiegħu biex ikunu “sajjieda tal-bnedmin.” Taħt sorveljanza anġelika, ix-xogħol taʼ sajd ikompli tul is-sekli. Fl-aħħar jasal iż-żmien biex ix-“xibka kbira” tinġibed ’il ġewwa, liema xibka tissimbolizza lill-organizzazzjonijiet fuq l-art li jgħidu li huma Kristjani.
Għalkemm il-ħut li mhux tajjeb jinxteħet għall-qerda, aħna grati li nistgħu nkunu fost dak ‘il-ħut tajjeb’ li jinżamm. Billi nuru l-istess xewqa ħerqana bħalma wrew id-dixxipli taʼ Ġesù għal iktar tagħrif u għarfien, aħna se nitbierku mhux biss b’iktar tagħlim imma bil-barka minn Alla taʼ ħajja eterna. Mattew 13:1-52; Mark 4:1-34; Luqa 8:4-18; Salm 78:2; Isaija 6:9, 10.
▪ Ġesù jkellem lill-folol bit-tixbihat fejn u meta?
▪ Liema ħames tixbihat jirrakkonta issa Ġesù lill-folol?
▪ Ġesù għala jgħid li ż-żerriegħa tal-mustarda hi l-iżgħar miż-żrieragħ kollha?
▪ Ġesù għala jitkellem bit-tixbihat?
▪ Id-dixxipli taʼ Ġesù kif juru li huma differenti mill-folol?
▪ Liema spjegazzjoni jipprovdi Ġesù għat-tixbieha taʼ dak li żaraʼ?
▪ Id-dixxipli kif inhuma differenti mill-folol fuq ix-xtajta?
▪ Min hu jew x’inhu rrappreżentat minn dak li jiżraʼ, mill-għalqa, miż-żerriegħa mill-aħjar, mill-għadu, mill-ħsad, u mill-ħassada?
▪ Ġesù liema tliet tixbihat oħra jipprovdi, u x’nistgħu nitgħallmu minnhom?