LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • gt kap. 43
  • Igħallem bit-Tixbihat

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Igħallem bit-Tixbihat
  • L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nibbenefikaw mit-​Tixbihat taʼ Ġesù
  • Imberkin b’Iktar Tagħlim
  • Tixbihat dwar is-Saltna
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Hu “Alla li Jkabbar”!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • “Ma Kienx Ikellimhom Bla Tixbihat”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • “Ma Kienx Ikellimhom Mingħajr Xi Tixbiha”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
Ara Iżjed
L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
gt kap. 43

Kapitlu 43

Igħallem bit-​Tixbihat

ĠESÙ mid-​dehra jinsab f’Kapernahum meta jċanfar lill-​Fariżej. Iktar tard f’dan l-​istess jum, hu jitlaq mid-​dar u jimxiha sal-​Baħar tal-​Galilija li hu fil-​qrib, fejn jinġabru folol taʼ nies. Hemm jirkeb fuq dgħajsa, joħroġ ftit ’il barra, u jibda jgħallem lin-​nies fuq ix-​xtajta dwar is-​Saltna tas-​smewwiet. Hu jagħmel dan permezz taʼ serje taʼ parabboli, jew tixbihat, li kull waħda minnhom għandha sfond familjari għan-​nies.

L-ewwel, Ġesù jirrakkonta dwar wieħed li jiżraʼ ż-​żerriegħa. Xi żerriegħa taqaʼ mal-​ġenb tat-​triq u tittiekel mill-​agħsafar. Żerriegħa oħra taqaʼ fuq ftit ħamrija fuq il-​blat. Billi l-​egħruq ma jsibux fond, il-​pjanti l-​ġodda jitbielu taħt ix-​xemx tiżreġ. Jerġaʼ żerriegħa oħra taqaʼ qalb ix-​xewk, li joħnoq il-​pjanti malli jitilgħu. Fl-​aħħar, xi żerriegħa taqaʼ fuq ħamrija tajba u tipproduċi mitt darba, xi wħud sittin darba, u xi wħud tletin darba.

F’tixbieha oħra, Ġesù jqabbel is-​Saltna t’Alla maʼ raġel li jiżraʼ żerriegħa. Hekk kif igħaddu l-​ġranet, waqt li r-​raġel jorqod u meta jkun imqajjem, iż-​żerriegħa tikber. Ir-​raġel ma jafx kif. Tikber waħedha u tipproduċi l-​qamħ. Meta l-​qamħ isir, ir-​raġel jaħsdu.

Ġesù jirrakkonta t-​tielet tixbieha dwar raġel li jiżraʼ ż-​żerriegħa t-​tajba, imma “waqt li rġiel kienu reqdin,” wieħed għadu tiegħu jiġi jiżra l-​ħaxix ħażin qalb il-​qamħ. Il-​qaddejja tar-​raġel jistaqsu jekk għandhomx jaqilgħu ’l barra l-​ħaxix ħażin. Imma hu jwieġeb: ‘Le, inkella taqilgħu xi ftit mill-​qamħ. Ħalluhom jikbru t-​tnejn flimkien sal-​ħsad. Imbagħad se ngħid lill-​ħassada biex jiġbru l-​ħaxix ħażin u jaħarquh u jpoġġu l-​qamħ fil-​maħżen.’

Waqt li jkompli jkellem lill-​folol fuq ix-​xtajta, Ġesù jipprovdi żewġ tixbihat oħra. Hu jispjega li “s-​saltna tas-​smewwiet” hi bħal żerriegħa tal-​mustarda li raġel iħawwel. Għalkemm hi l-​iżgħar miż-​żrieragħ kollha, huwa jgħidilhom, din tikber u ssir l-​akbar waħda mill-​ħxejjex kollha. Issir siġra li lejha jiġu l-​agħsafar u jsibu kenn qalb il-​friegħi tagħha.

Xi wħud illum joġġezzjonaw għax hemm żrieragħ iżgħar miż-​żerriegħa tal-​mustarda. Imma Ġesù mhux qed jagħti lezzjoni dwar l-​istudju tal-​ħxejjex. Miż-​żrieragħ li l-​Galilej taʼ dak iż-​żmien kienu jafu bihom, iż-​żerriegħa tal-​mustarda tassew li kienet l-​iżgħar. Għalhekk huma japprezzaw il-​kwistjoni taʼ tkabbir fenomenali li dwaru Ġesù qed jitkellem b’tixbieha.

Fl-aħħar, Ġesù jqabbel “is-​saltna tas-​smewwiet” maʼ ħmira li waħda mara tieħu u tħawwadha ġewwa tliet kejliet kbar taʼ dqiq. Maż-​żmien, igħid hu, din tħemmer il-​għaġna kollha.

Wara li jagħti dawn il-​ħames tixbihat, Ġesù jgħid lill-​folol biex jitilqu waqt li hu jerġaʼ lura lejn id-​dar fejn joqgħod. Ftit wara, it-​12-il appostli tiegħu u oħrajn jiġu jsibuh hemm.

Nibbenefikaw mit-​Tixbihat taʼ Ġesù

Meta d-​dixxipli jiġu għand Ġesù wara d-​diskors tiegħu lill-​folol ħdejn il-​baħar, huma jinsabu kurjużi dwar il-​metodu ġdid taʼ tagħlim tiegħu. Veru li ġieli semgħuh juża tixbihat qabel, imma qatt ma wżahom daqshekk. Mela huma jistaqsu: “Għala hu li tkellimhom bl-​użu tat-​tixbihat?”

Raġuni waħda għala jagħmel hekk hi biex iwettaq kliem il-​profeta: “Se niftaħ fommi bit-​tixbihat, se nippubblika affarijiet moħbija minn żmien it-​tisjis.” Imma hemm iktar involut minn hekk. L-​użu tiegħu tat-​tixbihat iservi l-​għan li jgħin biex jikxef l-​attitudni tal-​qalb tan-​nies.

Attwalment, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies huma interessati f’Ġesù sempliċement bħala wieħed li jaf igħid stejjer sbieħ u jagħmel il-​mirakli, u mhux bħala wieħed li għandu jiġi moqdi bħala l-​Mulej u jiġi segwit mingħajr egoiżmu. Ma jridux jiġu ddisturbati fil-​mod kif iħarsu lejn l-​affarijiet jew kif igħixu ħajjithom. Ma jridux li l-​messaġġ jippenetra sa dak il-​punt.

Mela Ġesù jgħid: “Dan hu għala nkellimhom bl-​użu tat-​tixbihat, għaliex, waqt li jħarsu, iħarsu għal xejn, u waqt li jisimgħu, jisimgħu għal xejn, lanqas ma jieħdu s-​sens tiegħu; u lejhom qed isseħħ il-​profezija taʼ Isaija, li tgħid, ‘. . . Għax qalb dal-poplu saret ħarxa.’”

“Madankollu,” ikompli jgħid Ġesù, “henjin għajnejkom għaliex jilmħu, u widnejkom għaliex jisimgħu. Għax verament ingħidilkom, Ħafna profeti u rġiel taʼ tjieba xtaqu li jaraw l-​affarijiet li qed tilmħu u ma rawhomx, u li jisimgħu l-​affarijiet li qed tisimgħu u ma semgħuhomx.”

Iva, it-​12-il appostlu u dawk li hemm magħhom għandhom qlub li jaċċettaw. Għalhekk Ġesù jgħid: “Lilkom hu milqugħ li tifhmu s-​sigrieti sagri tas-​saltna tas-​smewwiet, imma lil dawk in-​nies mhux milqugħ.” Minħabba x-​xewqa tagħhom biex jifhmu, Ġesù jipprovdi lid-​dixxipli tiegħu spjegazzjoni tat-​tixbieha taʼ dak li żaraʼ.

“Iż-​żerriegħa hija l-​kelma t’Alla,” jgħid hu, u l-​ħamrija hija l-​qalb. Dwar iż-​żerriegħa miżrugħa fuq il-​wiċċ iebes tal-​ġenb tat-​triq, hu jispjega: “Ix-​Xitan jiġi u jieħu l-​kelma lil hinn min qlubhom li ma jmorrux jemmnu u jiġu salvati.”

Mill-banda l-​oħra, iż-​żerriegħa miżrugħa f’ħamrija fuq il-​blat tirreferi għall-​qlub tan-​nies li jilqgħu l-​kelma bil-​ferħ. Madankollu, peress li l-​kelma ma tistax tagħmel l-​egħruq fi qlub bħal dawk, dawn in-​nies jaqtgħu qalbhom meta tiġi xi prova jew persekuzzjoni.

Inkwantu għaż-​żerriegħa li waqgħet qalb ix-​xewk, ikompli Ġesù, din tirreferi għal nies li semgħu l-​kelma. Dawn, madankollu, jinġarru mill-​anzjetajiet u r-​rikkezzi u l-​pjaċiri taʼ dil-ħajja, tant li jinħonqu għalkollox u ma jġibu xejn għall-​perfezzjoni.

Fl-aħħar, inkwantu għaż-​żerriegħa miżrugħa fuq il-​ħamrija mill-​aħjar, igħid Ġesù, dawn huma dawk li, wara li jkunu semgħu l-​kelma b’qalb mill-​aħjar u tajba, iżommuha u jagħtu l-​frott bis-​sabar.

Kemm huma mberkin dawn id-​dixxipli li fittxew lil Ġesù biex jiksbu spjegazzjoni tat-​tagħlim tiegħu! Ġesù jrid li t-​tixbihat tiegħu jiġu mifhuma sabiex iwassal il-​verità lil oħrajn. “Lampa ma tinġiebx biex titpoġġa taħt qoffa tal-​kejl jew taħt xi sodda, hux hekk?” jistaqsi hu. Le, “tinġieb biex titpoġġa fuq gandlier.” B’hekk Ġesù jżid: “Għalhekk, oqogħdu attenti għal kif tisimgħu.”

Imberkin b’Iktar Tagħlim

Wara li jirċievu spjegazzjoni mingħand Ġesù għat-​tixbieha taż-​żerriegħ, id-​dixxipli jridu jitgħallmu iktar. “Fissrilna,” jistaqsuh huma, “t-​tixbieha tal-​ħaxix ħażin fil-​għalqa.”

Kemm hi differenti l-​attitudni tad-​dixxipli minn dik tal-​bqija tal-​folla fuq ix-​xtajta! Dawk in-​nies ma għandhom ebda xewqa ħerqana li jkunu jafu t-​tifsira tat-​tixbihat, billi huma sodisfatti b’sempliċi rakkont fuq fuq. Biex juri l-​kuntrast bejn dik l-​udjenza taʼ ħdejn il-​baħar u d-​dixxipli tiegħu li jistaqsu u li ġew għandu d-​dar, Ġesù jgħid:

“Bil-​kejl li qegħdin tkejlu intom, se jiġi mkejjel lilkom, iva, se jkollkom iktar miżjud lilkom.” Id-​dixxipli qegħdin ikejlu maʼ Ġesù interess ħerqan u attenzjoni, u għalhekk huma mberkin billi jirċievu iktar tagħlim. B’hekk, bi tweġiba għad-​domanda tad-​dixxipli tiegħu, Ġesù jispjega:

“Dak li jiżraʼ ż-​żerriegħa mill-​aħjar hu Bin il-​bniedem; il-​għalqa hija d-​dinja; inkwantu għaż-​żerriegħa mill-​aħjar, dawn huma wlied is-​saltna; imma l-​ħaxix ħażin huma wlied il-​wieħed mill-​agħar, u l-​għadu li żeragħhom huwa x-​Xitan. Il-​ħsad huwa konklużjoni taʼ sistema taʼ affarijiet, u l-​ħassada huma anġli.”

Wara li jidentifika kull fattur tat-​tixbieha tiegħu, Ġesù jiddeskrivi x’jiġri. Fil-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet, huwa jgħid li l-​ħassada, jew anġli, se jisseparaw lit-​taparsi Kristjani bħal ħaxix ħażin minn dawk li huma l-​veri “wlied is-​saltna.” Imbagħad ‘ulied il-​wieħed mill-​agħar’ se jiġu mmarkati għall-​qerda, imma wlied is-​Saltna t’Alla, “it-​twajbin,” se jiddu qawwi fis-​Saltna taʼ Missierhom.

Ġesù mbagħad ibierek lid-​dixxipli kollhom mistoqsijiet tiegħu bi tliet tixbihat oħra. L-​ewwel, hu jgħid: “Is-​saltna tas-​smewwiet hi bħal teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel sabu u ħbieh; u għall-​ferħ li għandu hu jmur u jbigħ dak li għandu u jixtri dik il-​għalqa.”

“Jerġaʼ,” hu jkompli, “s-​saltna tas-​smewwiet hi bħal negozjant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-​aħjar. Malli sab perla taʼ valur għoli, telaq u minnufih biegħ l-​affarijiet kollha li kellu u xtraha.”

Ġesù nnifsu hu bħar-​raġel li jsib teżor moħbi u bħan-​negozjant li jsib perla taʼ valur għoli. Hu biegħ kollox, biex ingħidu hekk, billi ħalla pożizzjoni onorata fis-​sema biex isir bniedem baxx. Imbagħad, bħala bniedem fuq l-​art, hu bata t-​tkasbir u persekuzzjoni viljakka, biex b’hekk ta prova li jixraqlu jsir il-​Ħakkiem tas-​Saltna t’Alla.

L-isfida hi mqiegħda quddiem is-​segwaċi taʼ Ġesù biex huma wkoll ibigħu kollox sabiex jiksbu r-​rigal grandjuż taʼ li jkunu jew ħakkiema flimkien maʼ Kristu jew sudditi tas-​Saltna fl-​art. Sejrin aħna nqisu s-​sehem li jistaʼ jkollna fis-​Saltna t’Alla bħala xi ħaġa li hi iktar taʼ valur minn kull ħaġa oħra fil-​ħajja, bħala teżor imprezzabbli u perla prezzjuża?

Fl-aħħar, Ġesù jxebbah “is-​saltna tas-​smewwiet” maʼ xibka kbira li tiġbor ħut taʼ kull xorta. Meta l-​ħut jiġu sseparati, dawk li m’humiex tajbin jintefgħu ’l barra imma t-​tajbin jinżammu. Hekk, igħid Ġesù, se jiġri fil-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet; l-​anġli se jisseparaw lil uħud mill-​agħar minn uħud twajbin, billi jżommu lil uħud mill-​agħar għall-​qerda.

Ġesù nnifsu jibda dan il-​proġett taʼ sajd, billi jsejjaħ lill-​ewwel dixxipli tiegħu biex ikunu “sajjieda tal-​bnedmin.” Taħt sorveljanza anġelika, ix-​xogħol taʼ sajd ikompli tul is-​sekli. Fl-​aħħar jasal iż-​żmien biex ix-​“xibka kbira” tinġibed ’il ġewwa, liema xibka tissimbolizza lill-​organizzazzjonijiet fuq l-​art li jgħidu li huma Kristjani.

Għalkemm il-​ħut li mhux tajjeb jinxteħet għall-​qerda, aħna grati li nistgħu nkunu fost dak ‘il-​ħut tajjeb’ li jinżamm. Billi nuru l-​istess xewqa ħerqana bħalma wrew id-​dixxipli taʼ Ġesù għal iktar tagħrif u għarfien, aħna se nitbierku mhux biss b’iktar tagħlim imma bil-​barka minn Alla taʼ ħajja eterna. Mattew 13:​1-52; Mark 4:​1-34; Luqa 8:​4-18; Salm 78:2; Isaija 6:​9, 10.

▪ Ġesù jkellem lill-​folol bit-​tixbihat fejn u meta?

▪ Liema ħames tixbihat jirrakkonta issa Ġesù lill-​folol?

▪ Ġesù għala jgħid li ż-​żerriegħa tal-​mustarda hi l-​iżgħar miż-​żrieragħ kollha?

▪ Ġesù għala jitkellem bit-​tixbihat?

▪ Id-​dixxipli taʼ Ġesù kif juru li huma differenti mill-​folol?

▪ Liema spjegazzjoni jipprovdi Ġesù għat-​tixbieha taʼ dak li żaraʼ?

▪ Id-​dixxipli kif inhuma differenti mill-​folol fuq ix-​xtajta?

▪ Min hu jew x’inhu rrappreżentat minn dak li jiżraʼ, mill-​għalqa, miż-​żerriegħa mill-​aħjar, mill-​għadu, mill-​ħsad, u mill-​ħassada?

▪ Ġesù liema tliet tixbihat oħra jipprovdi, u x’nistgħu nitgħallmu minnhom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja