-
Il-Fidwa Teżalta l-Ġustizzja t’AllaIt-Torri tal-Għassa—2005 | Novembru 1
-
-
Il-Fidwa Teżalta l-Ġustizzja t’Alla
WARA l-irvell taʼ Adam u Eva, Ġeħova ddikjara l-iskop tiegħu li jqajjem Nisel li kellu jinsaħaq f’għarqubu. (Ġenesi 3:15) Dan twettaq meta l-għedewwa t’Alla qatlu lil Ġesù Kristu fuq zokk tat-tortura. (Galatin 3:13, 16) Ġesù kien bla dnub. Hu kien ġie mnissel fil-ġuf taʼ verġni b’miraklu, permezz tal-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis. Għalhekk, id-demm imxerred tiegħu setaʼ jintuża bħala l-prezz tal-fidwa biex jeħles lill-bnedmin, li wirtu d-dnub u l-mewt mingħand Adam.—Rumani 5:12, 19.
Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lill-Alla li jistaʼ kollox, Ġeħova, milli jwettaq l-iskop tiegħu. Għaldaqstant, wara li l-bniedem waqaʼ fid-dnub, il-prezz tal-fidwa kien daqslikieku diġà tħallas mill-ħarsa taʼ Ġeħova. B’hekk, Hu setaʼ jkollu kuntatt maʼ dawk li eżerċitaw il-fidi fit-twettiq tal-wegħdi tiegħu. Id-dixxendenti midinbin taʼ Adam, bħal Ħenok, Noè, u Abraham, setgħu jimxu m’Alla u saħansitra jkunu ħbiebu mingħajr ma tittebbaʼ l-qdusija Tiegħu.—Ġenesi 5:24; 6:9; Ġakbu 2:23.
Xi individwi li kellhom fidi f’Ġeħova għamlu dnubiet serji. Is-Sultan David kien eżempju wieħed. Għandek mnejn tistaqsi, ‘Ġeħova kif setaʼ jkompli jbierek lis-Sultan David wara li dan għamel adulterju maʼ Batseba u mbagħad ikkaġuna l-qtil taʼ żewġha, Urija?’ L-indiema ġenwina u l-fidi taʼ David kienu fattur importanti f’dan. (2 Samwel 11:1-17; 12:1-14) Fuq il-bażi tas-sagrifiċċju li kien għadu se jagħmel Ġesù Kristu, Alla setaʼ jaħfer id-dnubiet taʼ David, li nidem, u xorta jżomm il-ġustizzja u s-sewwa Tiegħu. (Salm 32:2 [32:1, 2, NW]) Il-Bibbja turi kemm dan huwa minnu meta tispjega x’kienet l-iktar ħaġa meraviljuża li wettqet il-fidwa taʼ Ġesù, jiġifieri, li “juri l-ġustizzja [t’Alla], għax kien qed jaħfer id-dnubiet li seħħew fil-passat” u “f’dan iż-żmien.”—Rumani 3:25, 26.
Iva, il-bnedmin jibbenefikaw bil-kbir minħabba l-valur tad-demm taʼ Ġesù. Fuq il-bażi tal-fidwa, il-bnedmin midinbin li jindmu jistgħu jgawdu relazzjoni intima m’Alla. Iktar minn hekk, il-fidwa tiftaħ it-triq għall-irxoxt tal-mejtin fid-dinja l-ġdida t’Alla. Dan se jinkludi lill-qaddejja leali t’Alla li mietu qabel ma Ġesù ħallas il-fidwa kif ukoll lil ħafna minn dawk li mietu fl-injoranza u ma kinux iqimuh. Il-Bibbja tgħid: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dak iż-żmien, fuq il-bażi tal-fidwa, Ġeħova se jagħti ħajja taʼ dejjem lill-bnedmin ubbidjenti kollha. (Ġwanni 3:36) Ġesù nnifsu spjega: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) L-umanità se tikseb dawn il-benefiċċji kollha minħabba l-provvediment t’Alla tas-sagrifiċċju b’fidwa.
Madankollu, dak li jispikka fil-fidwa m’huwiex il-benefiċċji li nirċievu minnha aħna. Huwa iktar importanti dak li l-fidwa taʼ Kristu tagħmel għal isem Ġeħova. Din turi li Ġeħova hu Alla taʼ ġustizzja perfetta li jistaʼ jaġixxi f’konnessjoni mal-bnedmin midinbin u xorta jibqaʼ pur u qaddis. Kieku Alla ma kellux l-iskop li jipprovdi l-fidwa, l-ebda dixxendent taʼ Adam, lanqas saħansitra Ħenok, Noè, u Abraham, ma kienu jkunu jistgħu jimxu maʼ Ġeħova jew ikunu l-ħbieb tiegħu. Is-salmista rrealizza dan u kiteb: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) Kemm għandna nkunu grati lejn Ġeħova talli bagħat lil Ibnu l-maħbub fuq l-art kif ukoll lejn Ġesù talli kien lest li jagħti ħajtu bħala fidwa għalina!—Marku 10:45.
-
-
Kondotta Tajba Ġġib Riżultati TajbinIt-Torri tal-Għassa—2005 | Novembru 1
-
-
Kondotta Tajba Ġġib Riżultati Tajbin
OMM u t-tlett itfal tagħha, li joqogħdu fuq gżira ftit ’il bogħod min-nofsinhar tal-Ġappun, bdew jistudjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Meta raw dan, il-ġirien taʼ dawn l-inħawi, li huma iżolati u li ħajjithom hija mdawra bit-tradizzjoni, bdew jinjoraw lill-omm kull meta kienu jarawha. Hi tgħid: “Dak li weġġagħni l-iktar ma kienx għax injoraw lili imma għax kienu bierda mar-raġel u mat-tfal tiegħi.” Madankollu, hi kienet tgħid lit-tfal tagħha: “Għandna nibqgħu nsellmu lill-ġirien tagħna għal isem Ġeħova.”—Mattew 5:47, 48.
Id-dar, hi kienet tgħallem lit-tfal tagħha biex ikunu edukati minkejja li jiġu mwarrbin. Hekk kif kienu jkunu sejrin lejn nixxiegħa taʼ ilma sħun, bħalma kellhom id-drawwa li jagħmlu, it-tfal kienu joqogħdu jipprattikaw fil-karozza kif se jsellmu lin-nies. Malli kienu jidħlu fil-post, it-tfal kienu jgħidu bil-ferħ, “Konnichiwa!”—“Il-ġurnata t-tajba!” Il-familja baqgħet issellem bil-paċenzja lil dawk kollha li kienet tiltaqaʼ magħhom, avolja l-ġirien kienu jibqgħu bierda. Madankollu, in-nies innotaw il-manjieri tajbin tat-tfal.
Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed mill-ġirien wiġibhom lura “Konnichiwa,” u hekk bdew jagħmlu xi ġirien oħra. Wara xi sentejn, lil din il-familja kważi kulħadd fir-raħal kien isellmilha lura. Ukoll, il-ġirien bdew isellmu lil xulxin u saru iktar dħulin maʼ xulxin. Is-sindku ried jippremja lit-tfal għall-irwol li kellhom fil-bidla li seħħet. Imma ommhom qaltlu li huma sempliċement kienu qed jagħmlu dak li l-Kristjani għandhom jagħmlu. Iktar tard, waqt kompetizzjoni li saret fil-gżira biex jaraw min jagħti l-aqwa diskors, wieħed mit-tfal irrakkonta kif ommu kienet ħarrġet lill-familja biex isellmu lil oħrajn u jużaw manjieri tajbin tkun xi tkun ir-reazzjoni t’oħrajn. It-taħdita tiegħu rebħet l-ewwel premju u ġiet stampata fil-gazzetta tar-raħal. Illum il-ġurnata, il-familja hija verament ferħana li segwiet il-prinċipji Kristjani għax dan ġab dawn ir-riżultati tajbin. Huwa iktar faċli li taqsam l-aħbar tajba man-nies meta jkunu dħulin.
-