Kapitlu 51
Qtil Waqt Festa taʼ Egħluq is-Snin
WARA li jagħti xi struzzjonijiet lill-appostli tiegħu, Ġesù jibgħathom fit-territorju tnejn tnejn. Probabbli l-aħwa Pietru u Indrì jmorru flimkien, bħalma jagħmlu Ġakbu u Ġwanni, Filippu u Bartolomew, Tumas u Mattew, Ġakbu u Taddew, u Xmun u Ġuda l-Iskarjota. Is-sitt pari taʼ evanġelizzaturi jxandru l-aħbar tajba tas-Saltna u jwettqu fejqan mirakoluż kulfejn imorru.
Sadattant, Ġwanni l-Għammied għadu fil-ħabs. Ilu hemm kważi sentejn issa. Forsi int tiftakar li Ġwanni kien iddikjara pubblikament li Erodi Antipas kien għamel ħażin li jieħu lil Erodija, mart ħuh Filippu, bħala martu. Ladarba Erodi Antipas kien igħid li jsegwi l-Liġi taʼ Mosè, Ġwanni kien espona b’mod xieraq din il-għaqda adulteruża. Mela Erodi ordna li Ġwanni jiġi mitfugħ il-ħabs, forsi għax imħeġġeġ minn Erodija.
Erodi Antipas jirrealizza li Ġwanni huwa raġel twajjeb u saħansitra jieħu pjaċir jisimgħu. Għalhekk, ma jafx x’se jagħmel bih. Erodija, mill-banda l-oħra, tobogħdu lil Ġwanni u tibqaʼ tfittex kif toqtlu. Fl-aħħar, tiġiha x-xoqqa f’moxtha.
Ftit qabel il-Qbiż tas-sena 32 E.K., Erodi jirranġa ċelebrazzjoni kbira taʼ egħluq sninu. Miġburin għall-festa hemm il-kmandanti kollha u l-fizzjali tal-armata kollha taʼ Erodi, kif ukoll iċ-ċittadini ewlenin tal-Galilija. Hekk kif jibda għaddej il-ħin, Salomè, it-tifla ż-żgħira taʼ Erodija minn Filippu li kien żewġha qabel, tintbagħat ġewwa biex tiżfen għall-mistednin. L-udjenza maskili hija msaħħra bil-wirja tagħha.
Erodi qed jieħu pjaċir ferm b’Salomè. “Itlobni li trid, u jien se nagħtihulek,” jiddikjara hu. Hu saħansitra jaħlef: “Hu x’inhu li titlobni, jien se nagħtihulek, sa nofs is-saltna tiegħi.”
Qabel ma twieġeb, Salomè toħroġ barra biex tikkonsulta m’ommha. “X’għandi nitlob?” tistaqsi hi.
Ix-xoqqa f’moxtha! “Ras Ġwanni l-għammied,” twieġeb Erodija bla ma taħsibha darbtejn.
Malajr malajr Salomè tmur lura għand Erodi u tagħmel it-talba: “Irridek tagħtini mill-ewwel fuq platt ras Ġwanni l-Battista.”
Erodi huwa mnikket ferm. Iżda minħabba li l-mistednin tiegħu semgħu l-ħalfa tiegħu, hu jistħi ma jagħtihiex, ukoll jekk dan ifisser li jrid joqtol raġel innoċenti. Jintbagħat minnufih bojja fil-ħabs bl-istruzzjonijiet waħxin tiegħu. Ftit wara hu jiġi lura b’ras Ġwanni fuq platt, u jagħtiha lil Salomè. Hi, imbagħad, teħodha għand ommha. Meta d-dixxipli taʼ Ġwanni jisimgħu b’dak li ġara, huma jiġu u jneħħu l-ġisem tiegħu u jidfnuh, u mbagħad jirrapportaw lil Ġesù x’ġara.
Iktar tard, meta Erodi jismaʼ li Ġesù qed ifejjaq lin-nies u jkeċċi d-demonji, hu jitwerwer, billi jibżaʼ li Ġesù huwa fil-fatt Ġwanni li ġie mqajjem mill-imwiet. Wara dan, hu jixtieq ħafna li jara lil Ġesù, mhux biex jismaʼ l-ippridkar tiegħu, imma biex jikkonferma jekk il-biżaʼ tiegħu hux ibbażat fuq is-sod jew le. Mattew 10:1-5; 11:1; 14:1-12; Mark 6:14-29; Luqa 9:7-9.
▪ Ġwanni għala qiegħed fil-ħabs, u Erodi għala ma jridx jagħtih il-mewt?
▪ Erodija kif jirnexxilha fl-aħħar iġġiegħel li Ġwanni jiġi maqtul?
▪ Wara l-mewt taʼ Ġwanni, Erodi għala jrid jara lil Ġesù?