Kapitlu 56
X’Inhu Li Jniġġes lil Bniedem?
L-OPPOŻIZZJONI kontra Ġesù ssir iktar qawwija. Mhux biss jitilqu ħafna mid-dixxipli tiegħu imma xi Lhud fil-Ġudea qed ifittxu biex joqtluh, saħansitra bħalma għamlu meta hu kien f’Ġerusalemm matul il-festa tal-Qbiż tas-sena 31 E.K.
Hija issa l-festa tal-Qbiż tas-sena 32 E.K. X’aktarx, fi qbil mal-ħtieġa t’Alla biex jattendi, Ġesù jitlaʼ għall-festa tal-Qbiż f’Ġerusalemm. Madankollu, dan jagħmlu b’attenzjoni kbira għaliex ħajtu qiegħda f’periklu. Wara dan hu jmur lura lejn il-Galilija.
Ġesù qiegħed forsi f’Kapernahum meta jiġu għandu xi Fariżej u xi skribi minn Ġerusalemm. Qed ifittxu xi ħaġa biex biha jakkużawh bi ksur reliġjuż tal-liġi. “Għala hu li d-dixxipli tiegħek jaqbżuha t-tradizzjoni tal-irġiel taʼ żminijiet taʼ qabel?” jistaqsu huma. “Per eżempju, huma ma jaħslux idejhom meta jkunu waslu biex jieklu ikla.” Din mhix xi ħaġa mitluba minn Alla, iżda l-Fariżej iqisuha offiża serja li wieħed ma jagħmilx dan ir-ritwal tradizzjonali, li kien jinkludi li wieħed jaħsel idu sal-minkeb.
Minflok ma jweġibhom rigward l-akkuża tagħhom, Ġesù jipponta lejn kif huma kienu qed jiksru b’mod ħażin u apposta l-Liġi t’Alla. “Għala intom ukoll taqbżu l-kmandament t’Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom?” hu jrid ikun jaf. “Per eżempju, Alla qal, ‘Onora lil missierek u lil ommok’; u, ‘Ħalli min iżeblaħ lil missieru jew lil ommu jintemm fil-mewt.’ Imma intom tgħidu, ‘Kulmin igħid lil missieru jew lil ommu: “Hu x’inhu li għandi li bih int tistaʼ tibbenefika minni hu għotja lil Alla,” hu ma jrid jonora lil missieru xejn affattu.’”
Tabilħaqq, il-Fariżej igħallmu li flus, propjetà, jew xi ħaġa ddedikata bħala rigal lil Alla hija tat-tempju u ma tistax tiġi wżata għal xi skop ieħor. Iżda, fil-fatt, ir-rigal iddedikat jinżamm mill-persuna li ddedikatu. B’dan il-mod iben, billi jgħid sempliċement li l-flus jew il-propjetà tiegħu hija “qorban”—rigal iddedikat lil Alla jew lit-tempju—jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu li jgħin lill-ġenituri anzjani tiegħu, li jistgħu jkunu fi bżonn kbir.
Imgħaddab b’mod xieraq għall-mod kif il-Fariżej kienu qed igħawġu b’mod ħażin il-Liġi t’Alla, Ġesù jgħid: “Intom għamiltu l-kelma t’Alla invalida minħabba fit-tradizzjoni tagħkom. Ja ipokriti, sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, meta qal, ‘Dan il-poplu jonorani b’xofftejhom, iżda qalbhom imbiegħda minni. Għalxejn jibqgħu jqimuni, għaliex igħallmu kmandi tal-bnedmin bħala duttrini.’”
Forsi l-folla kienet irtirat biex iħallu lill-Fariżej jistaqsu lil Ġesù. Issa, meta l-Fariżej m’għandhom ebda tweġiba għall-mod kif Ġesù ċċensurahom b’mod qawwi, hu jsejjaħ lill-folla biex tersaq fil-qrib. “Isimgħuni,” hu jgħid, “u ħudu t-tifsira. Ma hemm xejn fuq barra taʼ bniedem li jidħol ġo fih biex jistaʼ jniġġsu; imma l-affarijiet li joħorġu ’l barra minn ġo bniedem huma l-affarijiet li jniġġsu lil bniedem.”
Iktar tard, meta jidħlu ġo dar, id-dixxipli tiegħu jistaqsu: “Taf li l-Fariżej ħadu gambetta malli semgħu dak li għedt?”
“Kull xitla li Missieri tas-sema ma ħawwilx se tinqalaʼ mill-egħruq,” iwieġeb Ġesù. “Ħalluhom joqogħdu. Gwidi għomja hu dak li huma. Jekk, mela, raġel agħma jiġġwida lil raġel agħma, it-tnejn se jaqgħu ġewwa ħofra.”
Ġesù donnu jinħasad meta, għan-nom tad-dixxipli, Pietru jitlob biex jiġi ċċarat il-punt dwar x’inhu li jniġġes lil bniedem. “Intom ukoll għadkom mingħajr fehma?” iwieġeb Ġesù. “Ma ndunajtux li dak kollha li jidħol fil-ħalq igħaddi minn ġol-imsaren u jiġi mormi ġod-drenaġġ? Madankollu, l-affarijiet li jissoktaw ’il barra mill-fomm joħorġu mill-qalb, u dawk l-affarijiet iniġġsu lil bniedem. Per eżempju, mill-qalb joħorġu raġunar ħażin, qtil, adulterji, żina, serqiet, għoti taʼ xihdiet foloz, dagħa. Dawn huma l-affarijiet li jniġġsu lil bniedem; imma li tieħu ikla b’idejn mhux maħsulin ma jniġġisx lil bniedem.”
Ġesù mhux qiegħed hawn jiskuraġġixxi l-iġene normali. Hu mhux qiegħed jargumenta li wieħed m’għandux għalfejn jaħsel idejh qabel ma jipprepara l-ikel jew qabel jiekol. Minflok, Ġesù qed jikkundanna l-ipokrezija taʼ mexxejja reliġjużi li b’mod qarrieq jippruvaw idaħħlu fl-ixkora l-liġijiet taʼ tjieba t’Alla billi jinsistu fuq tradizzjonijiet mhux skritturali. Iva, huma l-egħmejjel mill-agħar li jniġġsu lil bniedem, u Ġesù juri li dawn joriġinaw fil-qalb taʼ persuna. Ġwann 7:1; Dewteronomju 16:16; Mattew 15:1-20; Mark 7:1-23; Eżodu 20:12; 21:17; Isaija 29:13.
▪ Ġesù x’oppożizzjoni jiffaċċja issa?
▪ Il-Fariżej liema akkuża jagħmlu, imma skond Ġesù, il-Fariżej kif jiksru l-Liġi t’Alla apposta?
▪ Ġesù x’jirrivela li huma l-affarijiet li jniġġsu lil bniedem?