Qiegħed Int “Teħodha Kontra n-Niggieża”?
FI ŻMINIJIET Bibliċi, niggieża—virga twila li ġeneralment kellha ponta tal-metall li taqtaʼ—kienet tintuża biex iġġiegħel l-annimali jimxu u biex l-annimali li jkunu qed iġorru tagħbijiet tqal jiġu gwidati. Jekk l-annimal b’mod stinat kien jirreżisti t-tingiż tan-niggieża billi jimxi kontriha, x’kien se jkun ir-riżultat? Minflok ma kien se jħoss serħan, hu kien sempliċement se jweġġaʼ lilu nnifsu.
Meta Ġesù Kristu rxoxta, hu tkellem dwar in-niggieżi meta deher lir-raġel, jismu Sawl, li kien fi triqtu biex jarresta xi wħud mid-dixxipli taʼ Ġesù. F’nofs dawl qawwi li jgħammex, Sawl semaʼ lil Ġesù jgħid: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża!” Billi kien jittratta lill-Kristjani b’mod ħażin, Sawl kien qed jiġġieled kontra Alla, kien qed isegwi tip taʼ ħajja li kienet se tkun taʼ ħsara għalih innifsu.—Atti 26:14.
Nistgħu aħna nkunu qed ‘niħduha kontra n-niggieża’ mingħajr ma nkunu nafu? Il-Bibbja tqabbel “kliem l-għorrief” ma niggieżi, jew xpruni, li jimmotivawna biex nimxu fid-direzzjoni t-tajba. (Koħèlet 12:11) Il-parir ispirat li hemm fil-Kelma t’Alla jistaʼ jqanqalna u jiggwidana sew—jekk inħalluh. (2 Timotju 3:16) Jekk nirreżistu l-motivazzjonijiet li jagħtina, dan ikun taʼ ħsara għalina.
Sawl ħa kliem Ġesù bis-serjetà, biddel ħajtu, u sar l-appostlu Kristjan maħbub Pawlu. Jekk nisimgħu mill-parir divin aħna wkoll se jkollna barkiet eterni.—Proverbji 3:1-6.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
L. Chapons/Illustrirte Familien-Bibel nach der deutschen Uebersetzung Dr. Martin Luthers