Qed Tużah il-Ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja?
1. L-appostlu Pawlu u Ġesù kif għallmu lil oħrajn?
1 L-appostlu Pawlu stinka biex ‘jirraġuna mill-Iskrittura.’ (Atti 17:2, 3; 18:19) Peress li għamel hekk, hu imita lil Ġesù li spiss kien jikkwota mill-Iskrittura u juża tixbihat biex jgħin lis-semmiegħa tiegħu jifhmu x’inhi r-rieda t’Alla. (Mt. 12:1-12) Il-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq il-Bibbja u l-ktieb Reasoning ġew imħejjijin biex jgħinuna nagħmlu l-istess.
2. Kif nistgħu nużaw il-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja meta nippreparaw introduzzjonijiet effettivi?
2 Nippreparaw Introduzzjonijiet Effettivi: Mill-paġna 2-7, il-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja fih ħafna introduzzjonijiet li jqanqlu l-interess. Meta titgħallem introduzzjonijiet differenti u tużahom, speċjalment jekk tkopri t-territorju spiss, iżżid il-varjetà fil-ministeru tiegħek u dan se jgħinek issir iktar flessibbli u effettiv meta tibda konversazzjoni. Meta nagħtu xiehda bit-telefon jew nitkellmu fuq l-interkom f’bini taʼ sigurtà kbira nistgħu naqraw l-introduzzjonijiet direttament mill-ktejjeb.
3. Xi nsibu f’paġni 7-16 tal-ktejjeb li jistaʼ jgħinna fil-ministeru tagħna?
3 X’Għandna Ngħidu Meta n-Nies Joġġezzjonaw: Għala ma tantiċipax l-oġġezzjonijiet li jistgħu jqumu fit-territorju tiegħek u tieħu ftit minuti qabel tmur tippriedka biex tirrivedi xi suġġerimenti taʼ kif tistaʼ twieġeb minn paġni 7-16? Jistaʼ jkun hemm xi inkwilini li x’aktarx ikunu Buddisti, Ħindu, Lhud, jew Musulmani? Jekk inhu hekk, l-informazzjoni f’paġni 13-16 se tkun t’għajnuna.
4. Kif nistgħu nużaw il-ktieb Reasoning meta titqajjem mistoqsija jew suġġett kontroversjali?
4 Inwieġbu l-Mistoqsijiet: Il-ktieb Reasoning jistaʼ jgħinna wkoll meta titqajjem mistoqsija jew suġġett kontroversjali. Int tistaʼ sempliċement tgħid lill-individwu li tixtieq turih xi ħaġa interessanti li għandek dwar is-suġġett u toħroġ il-ktieb Reasoning tiegħek. Ladarba s-suġġetti huma mniżżlin f’ordni alfabetiku, mur fuq it-titlu prinċipali li taħseb li fih l-informazzjoni li għandek bżonn. Imbagħad ħares malajr lejn il-mistoqsijiet li jkunu miktubin iktar skuri. Jekk ma tarax malajr dak li tkun qed tfittex, mur fl-indiċi fuq wara. Meta ssib l-informazzjoni adattata, aqraha direttament mill-pubblikazzjoni. Jekk tkun qed tiddiskuti skrittura speċifika, tistaʼ ssib dak li jkollok bżonn f’paġna 445 taħt “Scriptures Often Misapplied” (L-Iskritturi li Spiss Jiġu Applikati Ħażin).
5. B’liema modi oħrajn nibbenefikaw meta nużaw il-ktieb Reasoning?
5 Metodi Oħrajn Kif Nużaw il-Ktieb Reasoning: Xi wħud iżommu kopja tal-ktieb Reasoning fuq il-post tax-xogħol jew l-iskola tagħhom biex jgħinhom iwieġbu mistoqsijiet bħal, ‘Għala ma tiċċelebrawx il-festi?’ Xi żgħażagħ sabu t’għajnuna informazzjoni taħt it-titli “Creation” (Ħolqien) u “Evolution” (Evoluzzjoni) biex jippreparaw għal xi suġġetti taʼ l-iskola. Sejjer iżżur lil xi ħadd li hu marid jew li tilef lil xi maħbub fil-mewt? L-informazzjoni taħt it-titlu “Encouragement” (Inkuraġġiment) tistaʼ tgħinek tipprovdi faraġ Skritturali. Il-ktieb Reasoning fih ukoll informazzjoni t’għajnuna għal dawk li jippreparaw taħditiet u għal dawk li jikkonduċu l-laqgħat tas-servizz taʼ l-għalqa.
6. X’inhi l-mira tagħna meta nippridkaw?
6 Meta nippridkaw, il-mira tagħna m’hijiex li nirbħu l-argumenti; lanqas li sempliċement inwasslu l-informazzjoni. Irridu nirraġunaw bis-sengħa mill-Iskrittura. Hekk kif nagħmlu użu tajjeb mill-ktejjeb Kif Nibdew u Nkomplu Diskussjonijiet Fuq Il-Bibbja u mill-ktieb Reasoning, aħna nuru li qed noqogħdu attenti l-ħin kollu għat-tagħlim tagħna.—1 Tim. 4:16.