KAPITLU 11
Għajnuna Mingħand l-Anġli t’Alla
XI NIES jgħidu li huma jemmnu biss dak li jistgħu jaraw. Imma dan ma jagħmilx sens. Hemm ħafna affarijiet li veru jeżistu imma li qatt ma rajniehom b’għajnejna. Tistaʼ ssemmi waħda minnhom?—
Xi ngħidu dwar l-arja meta nieħdu n-nifs? Nistgħu nħossuha?— Iftaħ idek, u onfoħ fuqha. Ħassejt xi ħaġa?— Iva, imma l-arja ma tistax taraha, hux veru?—
Diġà tkellimna dwar persuni spirti, li ma nistgħux narawhom. Tgħallimna li ftit minnhom huma tajbin imma oħrajn ħżiena. Semmi xi persuni spirti tajbin li ma nistgħux narawhom.— Iva, hemm Alla Ġeħova, hemm Ġesù, u hemm anġli tajbin. Hemm anġli ħżiena wkoll?— Il-Bibbja tgħid li hemm. Għidli x’tgħallimt dwarhom.—
Xi ħaġa li nafu hi li kemm l-anġli tajbin u kemm dawk ħżiena huma iktar b’saħħithom minna. L-Għalliem il-Kbir kien jaf ħafna dwar l-anġli. Dan għaliex hu kien anġlu qabel ma twieled bħala tarbija fuq l-art. Hu kien għex m’anġli oħra fis-sema. Kien jaf miljuni minnhom. Għandhom isem dawn l-anġli kollha?—
Tajjeb, aħna tgħallimna li Alla ta isem lill-kwiekeb. Mela nistgħu nibqgħu ċerti li l-anġli kollha għandhom isem ukoll. U nafu li huma jistgħu jkellmu lil xulxin għax il-Bibbja titkellem dwar il-‘lingwa taʼ l-anġli.’ (1 Korintin 13:1) Fuqiex taħseb li jitkellmu l-anġli? Taħseb li jitkellmu dwarna fuq l-art?—
Aħna nafu li l-anġli taʼ Satana, id-demonji, qed jipprovaw iġagħluna ma nobdux lil Ġeħova. Mela huma bilfors li jitkellmu dwar kif jistgħu jagħmlu dan. Huma jriduna nkunu bħalhom ħalli Ġeħova lanqas lilna ma jħobb. Imma xi ngħidu għall-anġli leali t’Alla? Taħseb li dawn ukoll jitkellmu fuqna?—Iva, hekk jagħmlu. Huma jixtiequ jgħinuna. Ħalli ngħidlek kif xi wħud mill-anġli t’Alla għenu lil nies li kienu jħobbu u jaqdu lil Ġeħova.
Per eżempju, kien hemm ir-raġel jismu Danjel li kien jgħix f’Babilonja. Ħafna nies f’dak il-post ma kinux iħobbu lil Ġeħova. In-nies saħansitra għamlu liġi li jekk xi ħadd jitlob lil Alla Ġeħova, dan jieħu kastig. Imma Danjel ma riedx jieqaf jitlob lil Ġeħova. Taf x’għamlulu lil Danjel?—
Iva, in-nies ħżiena tefgħu lil Danjel ġo ħofra bl-iljuni. Hemmhekk Danjel kien waħdu maʼ ftit iljuni bil-ġuħ. Taf x’ġara mbagħad?— “Alla . . . bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq l-iljuni,” qal Danjel. Hu lanqas biss weġġaʼ xi mkien! L-anġli jistgħu jagħmlu affarijiet taʼ l-għaġeb għal dawk li jaqdu lil Ġeħova.—Danjel 6:19-23 (6:18-22, NW).
X’għamel Alla biex isalva lil Danjel?
Imbagħad kien hemm dik id-darba li Pietru kien fil-ħabs. Jekk tiftakar, Pietru kien ħabib taʼ l-Għalliem il-Kbir, Ġesù Kristu. Xi nies ma ħadux pjaċir meta Pietru qalilhom li Ġesù kien l-Iben t’Alla. Għalhekk tefgħu lil Pietru fil-ħabs. Is-suldati qagħdu għassa maʼ Pietru biex żgur ma jaħrabx. Kien hemm xi ħadd li setaʼ jgħinu?—
Pietru kien rieqed bejn żewġ suldati għassa miegħu, u idejh kienu marbutin bil-ktajjen. Imma l-Bibbja tgħid: “Ara! L-anġlu taʼ Ġeħova ġie ħdejh, u dawl idda fiċ-ċella tal-ħabs. Ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajmu, u qallu: ‘Qum malajr!’”
Wieħed anġlu kif għen lil Pietru biex joħroġ mill-ħabs?
Malli qal hekk, il-ktajjen taʼ Pietru waqgħu minn maʼ idejh! U l-anġlu qallu: ‘Ilbes, aqfel is-sandli, u ejja warajja.’ Is-suldati għassa ma setgħux iwaqqfuhom għax l-anġlu kien qiegħed jgħin lil Pietru. Imbagħad huma waslu ħdejn rixtellu tal-ħadid, u ġrat xi ħaġa stramba. Ir-rixtellu nfetaħ waħdu! Dan l-anġlu kien ħeles lil Pietru ħalli hu jkun jistaʼ jkompli jippriedka.—Atti 12:3-11.
Jistgħu l-anġli t’Alla jgħinu lilna wkoll?— Iva, jistgħu. Ifisser dan li qatt ma se jħalluna nweġġgħu?— Le, l-anġli ma jżommuniex milli nweġġgħu jekk aħna nagħmlu affarijiet boloh. Imma anki jekk ma nagħmlux affarijiet boloh, xorta nistgħu nweġġgħu. Alla ma qalx lill-anġli biex ma jħallux din il-ħaġa tiġri. Minflok, Alla tahom xogħol speċjali x’jagħmlu.
Il-Bibbja titkellem dwar anġlu li jgħid lin-nies taʼ kullimkien biex iqimu lil Alla. (Rivelazzjoni 14:6, 7) L-anġlu kif jgħidilhom dan? Taħseb li joqgħod jgħajjat mis-sema ħalli jisimgħu kulħadd?— Le, minflok, is-segwaċi taʼ Ġesù fuq l-art jitkellmu m’oħrajn dwar Alla, u l-anġli jiggwidawhom fix-xogħol tagħhom. L-anġli jaraw li dawk li verament iridu jkunu jafu dwar Alla jkollhom iċ-ċans li jisimgħu. Aħna nistgħu nieħdu sehem f’dan ix-xogħol taʼ l-ippridkar, u l-anġli se jgħinuna.
Imma x’jiġri jekk in-nies li ma jħobbux lil Alla jaqilgħu l-inkwiet? X’jiġri jekk jitfgħuna fil-ħabs? Taħseb li l-anġli jeħilsuna?— Jistgħu. Imma huma mhux dejjem hekk jagħmlu.
L-anġlu x’qiegħed jgħidlu lil Pawlu?
Pawlu, id-dixxiplu taʼ Ġesù, darba waħda kien il-ħabs. Hu kien qiegħed jivvjaġġa b’dgħajsa waqt maltempata qawwija. Imma l-anġli ma ħelsuhx mill-ewwel. Dan għaliex kien hemm nies oħra li kellhom bżonn jisimgħu dwar Alla. Anġlu wieħed qal: “Tibżax, Pawlu. Int trid tidher quddiem Ċesari.” Iva, Pawlu kellu jittieħed għand Ċesari, mexxej kbir fid-dinja, sabiex Pawlu jkun jistaʼ jippridkalu. L-anġli dejjem kienu jafu fejn kien Pawlu, u għenuh. Huma se jgħinu lilna wkoll jekk veru naqdu lil Alla.—Atti 27:23-25.
Hemm xogħol kbir ieħor li l-anġli se jagħmlu, u dalwaqt se jagħmluh. Iż-żmien biex Alla jeqred lin-nies ħżiena huwa qrib ħafna. Dawk kollha li ma jqimux lill-Alla veru se jinqerdu. Dawk li jgħidu li ma jemmnux fl-anġli għax ma jistgħux jarawhom se jindunaw kemm kellhom żball.—2 Tessalonikin 1:6-8.
Dan x’se jkun ifisser għalina?— Jekk ninsabu fuq l-istess naħa taʼ l-anġli t’Alla, huma se jgħinuna. Imma ninsabu aħna fuq in-naħa tagħhom?— Iva, jekk qed naqdu lil Ġeħova. U jekk naqdu lil Ġeħova, se ngħidu lil nies oħra biex jaqduh huma wkoll.
Biex titgħallem iktar kif l-anġli jeffettwaw il-ħajja tan-nies, aqra Salm 34:8 (34:7, “NW”); Mattew 4:11; 18:10; Luqa 22:43; u Atti 8:26-31.