“Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
1. L-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni liema opportunità se jagħtina fix-xhur li ġejjin?
1 L-erba’ rakkonti tal-Evanġelju dwar il-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art jagħtuna informazzjoni dettaljata dwar l-Iben t’Alla. Ladarba l-Kristjani għandhom ‘jimxu mill-qrib wara l-passi tiegħu,’ żgur se nkunu rridu nippreparaw sew u nagħtu attenzjoni mill-qrib hekk kif nikkunsidraw il-ktieb “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi” fl-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni li se jibda fil-ġimgħa tal-1 taʼ Marzu. (1 Pt. 2:21; Mk. 10:21) L-aspetti tal-ħajja taʼ Ġesù li jistgħu jinkuraġġuna fil-ministeru jistħoqqilhom konsiderazzjoni speċjali.
2. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-eżempju taʼ sabar taʼ Ġesù?
2 L-Eżempju li Ħalla Ġesù: Ġieli ltqajt maʼ respons negattiv waqt l-ippritkar minn dar għal dar? Meta niffaċċjaw reżistenza bħal din inkunu nistgħu nifhmu s-sinifikat tal-kliem taʼ Ġesù: “Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġw. 15:20) Huwa minnu li mhux kull min iwiġibna b’mod negattiv ikun qed jippersegwitana. Minkejja dan, kien il-ferħ li tqiegħed quddiemu li għen lil Ġesù jissaporti kull tip taʼ provi u tiġrib. Aħna wkoll nistgħu niffokaw fuq li niksbu l-approvazzjoni taʼ Ġeħova u l-premju għall-fedeltà tagħna. Dan se jgħinna biex ‘ma negħjewx u nċedu f’ruħna.’ (Ebr. 12:2, 3; Prov. 27:11) Hekk kif nipperseveraw fil-ministeru, nistgħu nkunu fiduċjużi wkoll mill-appoġġ taʼ Kristu Ġesù.—Mt. 28:20.
3. Kif nistgħu nimitaw il-ħarsa taʼ Ġesù lejn il-ministeru?
3 “Għal Dan Intbgħatt”: L-attività tal-ippritkar tas-Saltna kellha post ewlieni fil-ħajja taʼ Ġesù. (Lq. 4:43) Hu ta b’mod ġeneruż minnu nnifsu fil-ministeru. Hu qies il-ministeru bħala li kien urġenti, billi dejjem fittex opportunitajiet biex jitkellem dwar is-Saltna. Ladarba aħna segwaċi taʼ Ġesù, il-passi tiegħu fejn iwassluna? Fir-rutina tagħna taʼ kuljum, hemm nies li nistgħu naqsmu l-aħbar tajba magħhom? Jalla l-imħabba li għandu l-Kristu ġġegħelna naqsmu l-aħbar tajba maʼ kemm jistaʼ jkun nies!—2 Kor. 5:14.
4. B’liema modi nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ministeru tagħna?
4 “Qatt Ma Kien Hawn Bniedem Ieħor li Tkellem Bħalu”: Il-mod kif kien jgħallem Ġesù għaġġeb lis-semmiegħa tiegħu. (Ġw. 7:46; Mt. 7:28, 29) X’għamlu differenti minn għalliema oħrajn? Hu ħabb il-veritajiet li xandar, ħabb lin-nies li għallem, u uża diversi metodi taʼ tagħlim. Billi nimitaw lill-Għalliem il-Kbir nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ministeru tagħna.—Lq. 6:40.
5. X’għandha tkun il-mira tagħna hekk kif nistudjaw il-ktieb “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”?
5 Dawn huma ftit mit-teżori rivelati fil-ħajja taʼ Ġesù. Liema teżori oħrajn tistaʼ ssib? Hekk kif teżamina l-ħajja taʼ Ġesù matul l-Istudju tal-Bibbja tal-Kongregazzjoni, agħmilha l-mira tiegħek li ‘tkun taf l-imħabba tal-Kristu’ billi timita l-kliem u l-għemil tiegħu.—Efes. 3:19.