Saħansitra wara li l-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu ssetiljat il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni, ċerti individwi li sostnew li kienu Kristjani b’mod stinat komplew jisħqu dwar il-kwistjoni. L-appostlu Pawlu sejħilhom “aħwa foloz” li riedu “jgħawġu l-aħbar tajba dwar il-Kristu.”—Gal. 1:7; 2:4; Titu 1:10.
L-għan tal-Ġudaisti milli jidher kien li jikkuntentaw lil-Lhud, biex b’hekk ma jopponux lill-Kristjani b’daqstant vjolenza. (Gal. 6:12, 13) Il-Ġudaisti argumentaw li wieħed setaʼ jsir ġust jekk iżomm mal-Liġi Mosajka fi kwistjonijiet bħad-dieta, iċ-ċirkonċiżjoni, u l-festi tal-Lhud.—Kol. 2:16.
Naturalment, dawk li emmnu li dawn l-ideat kienu korretti ħassewhom skomdi fil-preżenza taʼ Kristjani Ġentili. B’dispjaċir, sentimenti mhux xierqa bħal dawn kienu jidhru anki fost għadd taʼ Kristjani rispettabbli taʼ sfond Lhudi. Pereżempju, meta rappreżentanti mill-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm żaru Antjokja, żammew ruħhom separati minn ħuthom il-Ġentili. Anki Pietru, li sa dak iż-żmien kien assoċja bil-miftuħ mal-Ġentili, infired minn magħhom—tant li lanqas biss kiel magħhom. Iva, hu mar kontra l-istess prinċipji li kien iddefenda qabel. Minħabba f’hekk, Pietru rċieva parir iebes mingħand Pawlu.—Gal. 2:11-14.