Ismaʼ u Obdi
1. Għala jistaʼ jeħtieġ iktar sforz biex tismaʼ u tobdi fil-konvenzjoni distrettwali?
1 Dalwaqt jibdew il-konvenzjonijiet distrettwali tal-2013. Sar ħafna xogħol biex jiġi preparat il-programm li se jiddiskuti l-bżonnijiet kurrenti tal-aħwa madwar id-dinja. Irranġajt biex tattendi t-tlett ijiem kollha tal-konvenzjoni? Konvenzjonijiet kbar jistaʼ jkollhom ħafna affarijiet li jaljenaw lil dak li jkun, u għalhekk jeħtieġ li nagħmlu iktar sforz biex nagħtu kas b’attenzjoni l-programm. Ladarba s-sessjonijiet idumu iktar mil-laqgħat tal-kongregazzjoni, hemm bżonn li nikkonċentraw iktar fit-tul. Barra minn hekk, l-ivvjaġġar u fatturi oħrajn jistgħu jegħjuna xi ftit. X’se jgħinna nibqgħu attenti sabiex nisimgħu u nobdu?—Dt. 31:12.
2. Kif nistgħu nħejju qalbna għall-programm tal-konvenzjoni?
2 Qabel Ma Tibda l-Konvenzjoni: Fuq il-Websajt uffiċjali tagħna, www.jw.org/mt, tistaʼ ssib il-programm tal-konvenzjoni, li jinkludi t-titli tat-taħditiet kollha u skrittura prinċipali jew tnejn għal kull waħda. Jekk għandek aċċess għall-Internet, li tara minn qabel l-informazzjoni se jgħinek tħejji qalbek għal dak li se jiġi preżentat. (Esd. 7:10) Matul il-lejla tal-Qima tal-Familja tiegħek, tistaʼ int tuża ftit mill-ħin biex tiddiskuti l-programm mal-familja ħalli lkoll tħarsu ’l quddiem għall-konvenzjoni?
3. X’se jgħinna biex nisimgħu b’attenzjoni?
3 Matul il-Programm: Jekk inhu possibbli, mur it-tojlit qabel ma tibda s-sessjoni. Itfi l-mowbajl tiegħek sabiex ma tiġix aljenat minn telefonati jew messaġġi u lanqas titħajjar tibgħat messaġġi matul il-programm. Jekk ikun hemm bżonn li l-mowbajl tiegħek tħallih mixgħul, issettjah b’tali mod li ma jtellifx lil oħrajn jekk iċempillek xi ħadd. Jekk tuża xi apparat elettroniku matul il-programm, agħmel dan b’mod li ma ttellifx lil ħaddieħor. Evita li tiekol jew tixrob waqt il-programm. (Ekk. 3:1) Żomm ħarstek fuq il-kelliemi. Meta tinqara skrittura, segwi mill-Bibbja tiegħek. Ħu noti qosra.
4. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom biex jisimgħu u jobdu?
4 Aħna rridu li anke wliedna jisimgħu u jobdu. Proverbji 29:15 jgħid: “Tifel mitluq għal riħu jkun taʼ mistħija għal ommu.” Għalhekk, ikun xieraq li t-tfal joqogħdu bilqiegħda ħdejn il-ġenituri. B’hekk, il-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu ċert li wliedhom qegħdin attenti għall-programm minflok ma jitkellmu, jibagħtu l-messaġġi, jew jippassiġġaw ’l hemm u ’l hawn. Anki jekk għadhom żgħar wisq biex jifhmu kulma qed jiġi diskuss, it-tfal jistgħu jiġu mħarrġin biex jibqgħu mqajmin u joqogħdu bilqiegħda kwieti.
5. Għala hu taʼ benefiċċju li nirrivedu l-programm, u kif nistgħu nagħmlu dan?
5 Wara li Jispiċċa l-Programm Kull Ġurnata: Tibqax barra tard. Orqod kmieni biżżejjed ħalli tkun mistrieħ. Jekk tirrivedi dak li tkun smajt se jgħinek biex tiftakru iktar. Għalhekk, ikun taʼ benefiċċju jekk tieħu ftit minuti biex tiddiskuti l-programm bħala familja kull lejla. Jekk tmur f’restorant mal-ħbieb, għala ma tiħux in-noti miegħek u taqsam xi punt jew tnejn li laqtu lilek partikularment? Meta tkun għaddiet il-konvenzjoni, ikun tajjeb li tqattaʼ ftit ħin matul il-lejla tal-Qima tal-Familja tiddiskuti kif tistgħu tapplikaw l-informazzjoni bħala familja. Ukoll, tistaʼ twarrab ftit ħin kull ġimgħa biex tirrivedi silta minn kwalunkwe pubblikazzjoni ġdida.
6. Huwa biżżejjed li sempliċement inkunu preżenti għall-konvenzjoni? Spjega.
6 Ikla kbira ma tantx ikollha skop jekk l-ikel ma jittikilx u jiġi diġerit. Nistgħu ngħidu l-istess rigward il-pranzu spiritwali li se jiġi servut fil-konvenzjoni distrettwali. Jalla nibbenefikaw bis-sħiħ billi nattendu għall-programm kollu, nisimgħu b’attenzjoni, u napplikaw dak li nitgħallmu.