-
Għala Nilbsu Pulit għal-Laqgħat Tagħna?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 8
Għala Nilbsu Pulit għal-Laqgħat Tagħna?
L-Islanda
Il-Messiku
Il-Ginea-Bissaw
Il-Filippini
Mill-istampi taʼ dan il-browxer, innotajt kemm ix-Xhieda taʼ Ġeħova jilbsu pulit meta jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni tagħhom? Għala nagħtu daqstant attenzjoni għall-ħwejjeġ u d-dehra tagħna?
Biex nuru rispett lejn Alla tagħna. Huwa minnu li Alla jara lil hinn mill-apparenza tagħna. (1 Samwel 16:7) Però, meta niltaqgħu biex inqimuh hija x-xewqa mill-qalb tagħna li nuru rispett kemm lejh u kemm lejn l-aduraturi sħabna. Kieku kellna nidhru quddiem imħallef fil-qorti, konna nagħmlu ċert li l-apparenza tagħna turi rispett għall-pożizzjoni tiegħu. Hekk ukoll, il-mod kif nidhru fil-laqgħat juri l-istima tagħna għall-“Imħallef taʼ l-art kollha,” Alla Ġeħova, u għall-post fejn inqimuh.—Ġenesi 18:25.
Biex nuru b’liema valuri ngħixu. Il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex jilbsu “bil-modestja u b’moħħ f’loku.” (1 Timotju 2:9, 10) Li nilbsu “bil-modestja” jfisser li nevitaw ħwejjeġ li jistgħu jiġbdu l-attenzjoni lejna minħabba li jkunu jagħtu fil-għajn, provokattivi, jew skullati u mqaċċtin. Barra minn hekk, li jkollna “moħħ f’loku” jgħinna nagħżlu ħwejjeġ sbieħ li mhumiex mitluqin jew estremi. Dawn il-prinċipji xorta jagħtu wisaʼ għal varjetà kbira t’għażla personali. Mingħajr ma nitkellmu, l-apparenza attraenti u adattata tagħna tistaʼ ‘ssebbaħ it-tagħlim tas-Salvatur tagħna’ u ‘tigglorifika lil Alla.’ (Titu 2:10; 1 Pietru 2:12) Billi nilbsu pulit għal-laqgħat, inkunu qed ninfluwenzaw kif ħaddieħor iqis il-qima taʼ Ġeħova.
Tħallix lil ħwejġek iżommuk milli tattendi s-Sala tas-Saltna. Ħwejjiġna mhux bilfors iridu jkunu għaljin jew tad-ditta biex ikunu adattati, nodfa, jew preżentabbli.
Kemm hu importanti l-mod kif nilbsu meta nqimu ’l Alla?
Liema prinċipji jiggwidaw l-għażliet tal-ilbies u d-dehra tagħna?
-
-
X’Inhu l-Aħjar Mod Kif Nippreparaw għal-Laqgħat?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 9
X’Inhu l-Aħjar Mod Kif Nippreparaw għal-Laqgħat?
Il-Kambodja
L-Ukraina
Jekk qed tistudja l-Bibbja maʼ Xhud taʼ Ġeħova, probabbilment tipprova tgħaddi l-materjal qabel kull studju. Sabiex tibbenefika iktar, ikun aħjar li tagħmel l-istess qabel ma tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Niksbu l-aħjar riżultati meta jkollna rutina tajba.
Iddeċiedi meta u fejn se tistudja. Meta tistaʼ tikkonċentra l-aħjar? Forsi filgħodu kmieni qabel ma tibda ġurnata xogħol jew forsi aktar tard filgħaxija wara li t-tfal ikunu marru jorqdu? Anki jekk ma tistax tistudja għal ħinijiet twal, iddeċiedi kemm tistaʼ twarrab ħin għall-istudju u pprova tħalli xejn itellfek. Fittex post kwiet, u neħħi kull ħaġa li tistaʼ ttellfek billi titfi r-radju, it-televixin, u l-mowbajl. It-talb qabel ma tibda l-istudju se jgħinek tistrieħ mill-ansjetajiet li jkollok fil-ġurnata. B’hekk, tkun tistaʼ tikkonċentra fuq il-Kelma t’Alla.—Filippin 4:6, 7.
Immarka l-materjal u pprepara biex tipparteċipa. Ibda billi tieħu idea ġenerali tas-suġġett. Aħseb dwar it-titlu tal-artiklu jew tal-kapitlu, ikkunsidra kif kull sottotitolu jorbot maʼ din it-tema, u eżamina l-istampi u l-mistoqsijiet bħala reviżjoni li jenfasizzaw il-punti prinċipali. Imbagħad, aqra kull paragrafu, u fittex it-tweġiba għall-mistoqsija stampata. Fittex u aqra l-iskritturi mniżżlin, u aħseb kif isaħħu l-materjal. (Atti 17:11) Meta tkun tistaʼ tidentifika t-tweġiba, immarka xi kliem jew frażijiet importanti mill-paragrafu li se jgħinuk tiftakar it-tweġiba matul il-laqgħa. Imbagħad, fil-laqgħa, jekk trid tistaʼ tgħolli idek u tagħmel kumment qasir fi kliemek.
Billi teżamina s-suġġetti differenti li huma diskussi kull ġimgħa fil-laqgħat, tkun qed iżżid ħsibijiet ġodda mat-“teżor maħżun” tiegħek tal-għarfien mill-Bibbja.—Mattew 13:51, 52.
Liema rutina tistaʼ tagħmel biex tipprepara għal-laqgħat?
Kif tistaʼ tħejji lilek innifsek sabiex tagħmel kumment fil-laqgħa?
-
-
X’Inhi l-Qima tal-Familja?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 10
X’Inhi l-Qima tal-Familja?
Il-Korea t’Isfel
Il-Brażil
L-Awstralja
Il-Ginea
Minn żmien il-qedem, Ġeħova ried li kull familja tqattaʼ ħin flimkien biex jibnu relazzjoni b’saħħitha miegħu u biex isaħħu lil xulxin. (Dewteronomju 6:6, 7) Huwa għalhekk li x-Xhieda taʼ Ġeħova kull ġimgħa jwarrbu xi ħin biex il-familja tqim flimkien—jiddiskutu f’atmosfera rilassanti l-affarijiet spiritwali li jkunu adattati għall-bżonnijiet tagħhom. Anki jekk tgħix waħdek, ħin bħal dan jistaʼ jkun opportunità imprezzabbli biex tqattaʼ xi ħin m’Alla, forsi billi tikkunsidra proġett taʼ studju tal-Bibbja li tkun għażilt int stess.
Ħin biex tersaq eqreb lejn Ġeħova. “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:8) Insiru nafu lil Ġeħova aħjar meta nitgħallmu dettalji dwar il-personalità u l-azzjonijiet tiegħu permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Mod faċli kif tistaʼ tibda l-qima tal-familja tiegħek huwa billi flimkien tqattgħu xi ħin taqraw il-Bibbja b’leħen għoli, forsi billi ssegwu l-iskeda taʼ kull ġimgħa tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. Kull membru tal-familja jistaʼ jaqra silta, imbagħad ilkoll tistgħu tiddiskutu x’tgħallimtu mill-Iskrittura.
Ħin biex tersaq eqreb lejn il-membri tal-familja. Irġiel u nisa miżżewġin, kif ukoll ġenituri u wliedhom, isaħħu r-relazzjoni tagħhom meta jistudjaw il-Bibbja bħala familja. Għandu jkun ħin pjaċevoli u taʼ paċi u xi ħaġa li kull membru fil-familja jkun qed iħares ’il quddiem għaliha kull ġimgħa. Skont l-età tat-tfal tagħhom, il-ġenituri jistgħu jagħżlu suġġetti prattiċi x’jiddiskutu forsi billi jużaw artikli mit-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! jew mill-websajt tagħna, jw.org. Tistgħu titkellmu dwar problema li wliedkom iffaċċjaw fl-iskola u kif jistgħu jittrattaw magħha. Għala ma tarawx xi ħaġa minn fuq JW Broadcasting (tv.jw.org) u wara tiddiskutuha flimkien? Għandkom mnejn tieħdu pjaċir tipprattikaw l-għanjiet li se jitkantaw fil-laqgħat u tieħdu xi ħaġa żgħira tal-ikel wara l-qima tal-familja.
Dan il-ħin speċjali li tqattgħu kull ġimgħa tqimu lil Ġeħova flimkien se jgħin lill-membri tal-familja kollha jieħdu pjaċir jistudjaw il-Kelma t’Alla, u hu se jbierek l-isforzi tagħkom bil-kbir.—Salm 1:1-3.
Għala nwarrbu ħin għall-qima tal-familja?
Il-ġenituri kif jistgħu jagħmlu dan l-istudju pjaċevoli għall-familja kollha?
-