-
Kif Taħdem il-Ġemgħa li Tiggverna Llum?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 20
Kif Taħdem il-Ġemgħa li Tiggverna llum?
Il-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu
Tinqara l-ittra tal-ġemgħa li tiggverna
Fl-ewwel seklu, grupp żgħir, “l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm,” qeda bħala ġemgħa li tiggverna biex jieħu deċiżjonijiet importanti f’isem il-kongregazzjoni Kristjana midluka kollha. (Atti 15:2) Meta ħadu deċiżjoni unanima, kien minħabba li kienu ddiskutew x’tgħid l-Iskrittura u segwew id-direzzjoni tal-ispirtu t’Alla. (Atti 15:25) Dan l-eżempju qed jiġi użat illum.
Qed tintuża minn Alla biex tagħmel ir-rieda tiegħu. L-irġiel midlukin li jaqdu fil-Ġemgħa li Tiggverna għandhom interess kbir fil-Kelma t’Alla u ħafna esperjenza rigward kif jittrattaw kwistjonijiet prattiċi u spiritwali. Kull ġimgħa jiltaqgħu biex jikkunsidraw il-bżonnijiet tal-aħwa madwar id-dinja. Bħal fl-ewwel seklu, istruzzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja huma provduti kemm permezz taʼ ittri kif ukoll permezz taʼ indokraturi li jivvjaġġaw u oħrajn. Dan jgħin lill-poplu t’Alla biex jaħseb u jaġixxi bi ħsieb wieħed. (Atti 16:4, 5) Il-Ġemgħa li Tiggverna tieħu ħsieb il-preparazzjoni tal-ikel spiritwali u l-ħatriet taʼ rġiel għal pożizzjonijiet taʼ responsabbiltajiet. Ukoll, tinkuraġġixxi lil kulħadd biex jagħti prijorità lix-xogħol tal-ippritkar.
Timxi skont id-direzzjoni tal-ispirtu t’Alla. Il-Ġemgħa li Tiggverna tfittex il-gwida tas-Sovran Universali, Ġeħova, u tal-Kap tal-kongregazzjoni, Ġesù. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:23) Il-membri tagħha ma jqisux lilhom infushom bħala l-mexxejja tal-poplu t’Alla. Huma, flimkien mal-Kristjani midlukin kollha, “jibqgħu mexjin wara l-Ħaruf [Ġesù] kulfejn imur.” (Rivelazzjoni 14:4) Il-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna japprezzaw ħafna meta nitolbu għalihom u għax-xogħol tagħhom.
Fl-ewwel seklu min kien fil-ġemgħa li tiggverna?
Illum il-Ġemgħa li Tiggverna kif tfittex id-direzzjoni t’Alla?
-
-
X’Inhi Betel?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 21
X’Inhi Betel?
Id-Dipartiment tal-Arti, l-Amerika
Il-Ġermanja
Il-Kenja
Il-Kolombja
Betel huwa isem Ebrew li jfisser “Dar t’Alla.” (Ġenesi 28:17, 19, nota taʼ taħt) Dan l-isem huwa adattat għall-bini li x-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom madwar id-dinja. Minn dan il-bini jiġi mmexxi u appoġġat ix-xogħol tal-ippritkar. Il-Ġemgħa li Tiggverna taqdi fil-kwartieri ġenerali fl-istat taʼ New York, l-Amerika, u minn hemm tieħu ħsieb l-attività tal-uffiċċji tal-fergħa f’ħafna pajjiżi. Bħala grupp, dawk li jaqdu f’dan il-bini huma magħrufa bħala l-familja taʼ Betel. Bħal familja, huma jgħixu u jaħdmu flimkien, jieklu flimkien, u jistudjaw il-Bibbja flimkien f’unità.—Salm 133:1.
Post uniku fejn il-membri tal-familja jagħtu minnhom infushom. F’kull Betel, hemm irġiel u nisa Kristjani li huma dedikati biex jagħmlu r-rieda t’Alla u biex jaqdu l-interessi tas-Saltna full-time. (Mattew 6:33) Ħadd minnhom ma jirċievi paga jew salarju, imma lkoll jingħataw kamra u ikel kif ukoll xi ħaġa żgħira tal-flus biex tgħinhom fl-ispejjeż li jkollhom. Kull min qiegħed f’Betel għandu inkarigu kemm jekk f’uffiċċju, fi kċina, jew f’kamra tal-ikel. Xi wħud jaqdu fi stamperija jew f’post fejn jiġu legati l-kotba, jew jagħmlu xogħol taʼ tindif, taʼ ħasil tal-ħwejjeġ, taʼ manutenzjoni, jew xogħol ieħor.
Post fejn isir ħafna xogħol li jappoġġa l-ippritkar tas-Saltna. L-għan primarju taʼ kull Betel hu li l-verità tal-Bibbja tintgħamel disponibbli lil kemm jistaʼ jkun nies. Dan il-browxer huwa eżempju taʼ dan. Inkiteb taħt il-ħarsien tal-Ġemgħa li Tiggverna, intbagħat elettronikament lil mijiet taʼ timijiet tat-traduzzjoni madwar id-dinja, ġie stampat b’makkinarju taʼ veloċità kbira f’diversi stamperiji taʼ Betel, u ntbagħat f’iktar minn 110,000 kongregazzjoni. Matul kull parti tal-proċess, il-familji taʼ Betel jipprovdu appoġġ importanti għall-iktar xogħol importanti—l-ippritkar tal-aħbar tajba.—Marku 13:10.
Min jaqdi f’Betel, u x’għajnuna jingħata?
Liema xogħol urġenti huwa appoġġat mill-attività taʼ kull Betel?
-
-
Xi Jsir f’Uffiċċju tal-Fergħa?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 22
Xi Jsir f’Uffiċċju tal-Fergħa?
Il-Gżejjer Solomon
Il-Kanada
L-Afrika t’Isfel
Il-membri tal-familja Betel jaqdu f’diversi dipartimenti fejn jieħdu ħsieb l-attività tal-ippritkar f’pajjiż jew iktar. Jistgħu jaqdu f’timijiet tat-traduzzjoni, jistampaw ir-rivisti, jillegaw il-kotba, jaħżnu l-letteratura, jagħmlu r-rekordings, jew jieħdu ħsieb affarijiet oħrajn għal postijiet taħt il-ħarsien tagħhom.
Kumitat tal-Fergħa jieħu ħsieb ix-xogħol li jsir. Il-Ġemgħa li Tiggverna tafda x-xogħol taʼ kull uffiċċju tal-fergħa lil Kumitat tal-Fergħa magħmul minn tliet anzjani kwalifikati tajjeb jew iktar. Il-kumitat iżomm lill-Ġemgħa li Tiggverna informata dwar il-progress tal-attività taʼ kull pajjiż taħt il-ħarsien taʼ dak il-kumitat u dwar kwalunkwe problema li tistaʼ tinqalaʼ. Rapporti bħal dawn jgħinu lill-Ġemgħa li Tiggverna biex tiddeċiedi x’suġġetti għandha tikkunsidra f’pubblikazzjonijiet fil-futur, u fil-laqgħat u fl-assembleat. Rappreżentanti tal-Ġemgħa li Tiggverna jintbagħtu regolarment biex iżuru l-fergħat u jagħtu gwida lill-Kumitati tal-Fergħa dwar kif għandhom jieħdu ħsieb l-inkarigi tagħhom. (Proverbji 11:14) Isir programm speċjali li jinkludi taħdita mir-rappreżentant tal-kwartieri ġenerali biex jinkuraġġixxi lil dawk li jgħixu fit-territorju tal-fergħa.
Jingħata appoġġ lill-kongregazzjonijiet lokali. Aħwa rġiel responsabbli fl-uffiċċju tal-fergħa jagħtu l-kunsens tagħhom biex jinbdew kongregazzjonijiet ġodda. Ukoll, l-aħwa rġiel jidderieġu l-attività tal-pijunieri, tal-missjunarji, u tal-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet li jaqdu fit-territorju tal-fergħa. Jorganizzaw assembleat u konvenzjonijiet, jikkoordinaw il-bini taʼ Swali tas-Saltna ġodda u jieħdu ħsieb li l-letteratura tintbagħat lill-kongregazzjonijiet skont il-bżonnijiet tagħhom. Dak kollu li jsir f’fergħa jgħin biex ix-xogħol tal-ippritkar isir bl-ordni.—1 Korintin 14:33, 40.
Il-Kumitati tal-Fergħa kif jgħinu lill-Ġemgħa li Tiggverna?
Liema responsabbiltajiet jieħu ħsieb l-uffiċċju tal-fergħa?
-