LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 8/15 pp. 10-14
  • ‘Tagħdabx Kontra Ġeħova’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Tagħdabx Kontra Ġeħova’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’JISTAʼ JĠEGĦELNA ‘NAGĦDBU KONTRA ĠEĦOVA’?
  • KIF NISTGĦU NEVITAW LI ‘NAGĦDBU KONTRA ĠEĦOVA’?”
  • GĦOŻŻ IR-​RELAZZJONI PREZZJUŻA LI GĦANDEK MAʼ ĠEĦOVA
  • Jehovah m’Għandux Ħtija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • M’Għandek Qatt Tinsa lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Min Sar Jaf Moħħ Ġeħova?”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Int Prezzjuż Ħafna għal Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 8/15 pp. 10-14

‘Tagħdabx Kontra Ġeħova’

“Hija l-​bluha tal-​bniedem li tgħawwiġlu triqtu, u b’hekk qalbu tagħdab kontra Ġeħova nnifsu.”—PROV. 19:3.

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’jistaʼ jġegħelna ‘nagħdbu kontra Ġeħova’?

  • Liema ħames affarijiet jistgħu jgħinuna biex ma ‘nagħdbux kontra Ġeħova’?

  • X’għandna niftakru meta jkollna problemi diffiċli?

1, 2. Għala m’għandniex inwaħħlu f’Ġeħova għall-​problemi li hawn fuq l-​art? Agħti tixbiha.

EJJA ngħidu li int raġel kuntent ħafna fiż-​żwieġ tiegħek. Imma darba minnhom meta tmur lura d-​dar, issib li kulma għandek fid-​dar inqaleb taʼ taħt fuq. L-​għamara u l-​platti ġew imkissrin, u t-​tapit ġie rovinat. Id-​dar sabiħa tiegħek saret diżastru. F’min se twaħħal? Se tgħid, “Għaliex marti għamlet dan?” Jew hemm iktar ċans li ssaqsi, “Min għamel dan?” Bla dubju, it-​tieni mistoqsija se tiġik mill-​ewwel f’moħħok. Għala? Għax int taf li l-​maħbuba martek qatt mhi se tkisser darek.

2 Illum naraw l-​art imħassra bit-​tinġis, il-​vjolenza, u l-​immoralità. Bħala studenti tal-​Bibbja, aħna nafu li żgur mhuwiex Ġeħova li jikkaġuna dawn il-​problemi kollha. Hu ħalaq l-​art biex tkun ġenna tal-​art sabiħa għalina. (Ġen. 2:8, 15) Ġeħova hu Alla taʼ mħabba. (1 Ġw. 4:8) L-​istudju tagħna tal-​Iskrittura għenna nagħrfu l-​kaġun veru taʼ ħafna minn dawn id-​diffikultajiet. Mhu ħadd ħlief Satana x-​Xitan, “il-​ħakkiem tad-​dinja.”—Ġw. 14:30; 2 Kor. 4:4.

3. Il-​ħsieb tagħna kif jistaʼ jiġi mgħawweġ?

3 Madankollu, ma nistgħux inwaħħlu f’Satana għall-​problemi kollha tagħna. Għala le? Għax xi ftit minnhom huma r-​riżultat tal-​iżbalji tagħna stess. (Aqra Dewteronomju 32:4-​6.) Għalkemm forsi nammettu dan il-​fatt, l-​imperfezzjoni tagħna tistaʼ tgħawweġ il-​ħsieb tagħna u ġġegħelna naqbdu triq li eventwalment twassalna għal diżastru. (Prov. 14:12) B’liema mod? Minflok ma nwaħħlu fina nfusna jew f’Satana għal xi problema, nistgħu nibdew inwaħħlu f’Ġeħova. Saħansitra nistgħu ‘nagħdbu kontra Ġeħova nnifsu.’—Prov. 19:3.

4, 5. Kristjan kif jistaʼ ‘jagħdab kontra Ġeħova’?

4 Huwa verament possibbli li ‘nagħdbu kontra Ġeħova’? Li nagħmlu hekk ikun żgur għalxejn. (Is. 41:11) M’għandna l-​ebda ċans li nirbħu ġlieda kontra Ġeħova. Huwa minnu li forsi qatt ma ngħidu li aħna rrabjati maʼ Ġeħova. Imma Proverbji 19:3 jgħid li l-​bluha taʼ bniedem “tgħawwiġlu triqtu” u li “qalbu tagħdab kontra Ġeħova.” Iva, individwu għandu mnejn jagħdab kontra Alla f’qalbu. Din l-​attitudni tistaʼ tidher b’modi sottili. Biex ngħidu hekk, individwu jistaʼ jżomm f’qalbu kontra Ġeħova. B’hekk, dan l-​individwu għandu mnejn ma jibqax jattendi l-​laqgħat jew ma jibqax jappoġġa l-​arranġamenti tal-​qima taʼ Ġeħova bis-​sħiħ.

5 X’jistaʼ jġegħelna ‘nagħdbu kontra Ġeħova’? Kif nistgħu nevitaw din in-​nassa? Għandna bżonn inkunu nafu t-​tweġibiet taʼ dawn il-​mistoqsijiet ħalli nkunu nistgħu nipproteġu r-​relazzjoni li għandna m’Alla Ġeħova!

X’JISTAʼ JĠEGĦELNA ‘NAGĦDBU KONTRA ĠEĦOVA’?

6, 7. L-​Iżraelin fi żmien Mosè għala bdew igergru kontra Ġeħova?

6 X’jistaʼ jġiegħel lil qaddej leali taʼ Ġeħova jibda jgerger kontra Alla f’qalbu? Ejja nikkunsidraw ħames affarijiet u nanalizzaw eżempji Bibliċi li jenfasizzaw kif xi wħud fil-​passat waqgħu f’din in-​nassa.—1 Kor. 10:11, 12.

Diskors negattiv jistaʼ jeffettwak ħażin (Ara paragrafu 7)

7 Il-​kliem negattiv t’oħrajn jistaʼ jinfluwenzana. (Aqra Dewteronomju 1:26-​28.) L-​Iżraelin kienu għadhom kif inħelsu mill-​jasar fl-​Eġittu. Mirakolożament, Ġeħova kien ġab għaxar kastigi fuq dan il-​ġens aħrax u wara dan qered lill-​Fargħun u lill-​qawwa militari tiegħu fil-​Baħar l-​Aħmar. (Eżo. 12:29-​32, 51; 14:29-​31; Salm 136:15) Il-​poplu t’Alla kien lest biex jidħol fl-​Art Imwiegħda. Madankollu, f’dan il-​mument kruċjali, l-​Iżraelin bdew igergru kontra Ġeħova. X’ġiegħel biex ikun hemm dan in-​nuqqas taʼ fidi? Għaxar spiji taw rapport ħażin lill-​Iżraelin u dan skuraġġiehom u beżżagħhom. (Num. 14:1-​4) Minħabba f’hekk, ġenerazzjoni sħiħa ma tħallietx tidħol f’din “l-​art tajba.” (Dt. 1:34, 35) Jistaʼ jkun li ġieli nħallu l-​kliem negattiv t’oħrajn idgħajfilna l-​fidi u jġegħelna ngergru kontra l-​mod kif jittratta magħna Ġeħova?

8. X’ġiegħel lill-​poplu t’Alla fi żmien Isaija jwaħħal f’Ġeħova għas-​sitwazzjoni tiegħu?

8 Traġedji u diffikultajiet jistgħu jiskuraġġuna. (Aqra Isaija 8:21, 22.) Fi żmien Isaija, il-​ġens taʼ Ġuda kien qed ibati. Huma kienu mdawrin bl-​għedewwa. L-​ikel kien skars. Ħafna kienu bil-​ġuħ. Imma agħar minn hekk, kien hemm ġuħ spiritwali. (Għam. 8:11) Minflok ma talbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova, huma waħħlu fih u fis-​sultan għall-​problemi tagħhom. Jekk aħna għaddejjin minn xi traġedja jew problemi personali, nistgħu bl-​istess mod ngħidu f’qalbna, ‘Fejn kien Ġeħova meta kelli bżonnu?’

9. L-​Iżraelin fi żmien Eżekjel għala kellhom attitudni ħażina dwar il-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet?

9 Ma nafux il-​fatti kollha. Minħabba li ma kellhomx il-​fatti kollha, l-​Iżraelin fi żmien Eżekjel ħassew li l-​mod kif Ġeħova jagħmel l-​affarijiet ‘mhuwiex ġust.’ (Eżek. 18:29) Huma aġixxew bħallikieku kellhom id-​dritt jiġġudikaw ’l Alla u jiddeċiedu jekk kienx qed jagħmel l-​affarijiet bl-​aħjar mod, avolja ma kinux fehmu r-​raġunijiet kollha tiegħu. Jekk kultant ma nifhmux għalkollox rakkont Bibliku jew għala qed jiġru ċerti affarijiet f’ħajjitna, jistaʼ jkun li f’qalbna nħossu li l-​mod taʼ Ġeħova ‘mhuwiex ġust’?—Ġob 35:2.

10. Kif jistaʼ xi ħadd isegwi l-​eżempju ħażin t’Adam?

10 Inwaħħlu f’Alla għad-​dnubiet u l-​iżbalji tagħna. Mill-​bidu nett tal-​istorja tal-​bniedem, Adam waħħal f’Alla għad-​dnub tiegħu. (Ġen. 3:12) Għalkemm Adam kien jaf li kien qed jikser il-​liġi t’Alla u li Alla kien se jikkastigah għal dnubu, hu waħħal f’Ġeħova. Hu bħallikieku qal li Ġeħova kien tah mara ħażina. Minn dakinhar, oħrajn segwew l-​eżempju t’Adam u waħħlu f’Alla għall-​iżbalji tagħhom stess. Għandna nistaqsu lilna nfusna, ‘Jistaʼ jkun li tant inkun diżappuntat u frustrat dwar l-​iżbalji tiegħi li nibda naħseb li l-​livelli taʼ Ġeħova huma stretti wisq?’

11. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Ġona?

11 Nibdew naħsbu biss dwarna nfusna. Il-​profeta Ġona kien irrabjat meta Ġeħova wera ħniena mal-​poplu taʼ Ninwe. (Ġona 4:1-​3) Għala? Hu kien qed jibżaʼ li kienu se jibdew jaħsbu li kien profeta falz minħabba li l-​belt ma kinitx inqerdet bħalma kien qal. Milli jidher, Ġona kien iktar imħasseb dwar x’jaħsbu n-​nies fuqu milli kien imħasseb dwar il-​poplu nnifsu. Jistaʼ jkun li nħossuna bħal Ġona? Jekk naħsbu biss dwarna nfusna, għandna mnejn ninsew il-​bżonnijiet taʼ nies oħrajn. Pereżempju, forsi ilna nippritkaw għal ħafna snin li l-​jum taʼ Ġeħova hu fil-​qrib. Imma meta oħrajn jikkritikawna minħabba li dan il-​jum għadu ma wasalx, jistaʼ jkun li nitilfu l-​paċenzja maʼ Ġeħova?—2 Pt. 3:3, 4, 9.

KIF NISTGĦU NEVITAW LI ‘NAGĦDBU KONTRA ĠEĦOVA’?”

12, 13. Jekk f’qalbna nibdew niddubitaw xi ftit mill-​attivitajiet taʼ Ġeħova, x’m’għandniex nittraskuraw?

12 X’nistgħu nagħmlu jekk il-​qalb midinba tagħna tibda tiddubita xi ftit mill-​attivitajiet taʼ Ġeħova? Ftakar li ma jkunx għaqli li tagħmel hekk. Traduzzjoni oħra taʼ Proverbji 19:3 tgħid: “Bi bluhatu l-​bniedem jgħarraq ħajtu, u mbagħad jeħodha kontra l-​Mulej.” (Il-​Bibbja tal-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tielet Edizzjoni) Mela ejja naħsbu fuq ħames affarijiet li jgħinuna biex qatt ma nirrabjaw maʼ Ġeħova.

13 Tittraskurax ir-​relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova. Nistgħu nevitaw it-​tendenza imperfetta taʼ li nagħdbu kontra Alla jekk inżommu relazzjoni mill-​qrib miegħu. (Aqra Proverbji 3:5, 6.) Hemm bżonn li nafdaw f’Ġeħova. Qatt m’għandna naħsbu li nafu aħjar minnu jew li l-​bżonnijiet tagħna huma l-​iktar importanti. (Prov. 3:7; Ekk. 7:16) Imbagħad aktarx li jkun hemm inqas ċans li nwaħħlu f’Ġeħova meta jiġrulna affarijiet ħżiena.

14, 15. X’se jgħinna biex ma niġux effettwati mid-​diskors negattiv t’oħrajn?

14 Tħallix diskors negattiv jeffettwak. L-​Iżraelin fi żmien Mosè kellhom ħafna raġunijiet biex jemmnu li Ġeħova kien se jgħinhom jidħlu fl-​Art Imwiegħda. (Salm 78:43-​53) Imma meta ffaċċjaw ir-​rapport negattiv tal-​għaxar spiji li ma kinux leali, “ma ftakrux f’idu,” jiġifieri kienu nsew dak li kien għamel magħhom Ġeħova. (Salm 78:42) Jekk nimmeditaw fuq l-​attivitajiet taʼ Ġeħova, billi niftakru fl-​affarijiet tajbin kollha li għamlilna, se nsaħħu r-​relazzjoni li għandna miegħu. B’hekk, mhux se nħallu l-​ideat negattivi t’oħrajn jiżirgħu l-​firda bejnna u bejn Ġeħova.—Salm 77:11, 12.

15 Xi ngħidu jekk għandna attitudni negattiva lejn l-​aduraturi sħabna? F’ċirkustanzi bħal dawn, ir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova tistaʼ tiġi effettwata. (1 Ġw. 4:20) Meta l-​Iżraelin iddubitaw mill-​ħatra u l-​pożizzjoni taʼ Aron, Ġeħova qies din l-​azzjoni bħala tgergir kontra Tiegħu. (Num. 17:10) B’mod simili, jekk ingergru kontra dawk l-​uħud li juża Ġeħova biex jidderieġi x-​xogħol tiegħu fuq l-​art, jistaʼ jkun li nkunu qed ingergru kontra Ġeħova.—Ebr. 13:7, 17.

16, 17. X’hemm bżonn niftakru meta jkollna l-​problemi?

16 Ftakar li Ġeħova ma jikkaġunalniex il-​problemi tagħna. Fi żmien Isaija, l-​Iżraelin kienu waqfu jaqdu lil Ġeħova, imma Hu xorta ried jgħinhom. (Is. 1:16-​19) Tkun xi tkun il-​problema li għandna mnejn niffaċċjaw, nistgħu nsibu faraġ f’li nkunu nafu li Ġeħova jieħu ħsiebna u jrid jgħinna. (1 Pt. 5:7) Fil-​fatt, iwiegħed li jipprovdilna s-​saħħa meħtieġa biex inkomplu nissaportu.—1 Kor. 10:13.

17 Jekk qed inbatu xi tip taʼ inġustizzja—saħansitra bħalma sofra r-​raġel leali Ġob—hemm bżonn infakkru lilna nfusna li Ġeħova mhuwiex il-​kaġun tal-​inġustizzja. Ġeħova jobgħod l-​inġustizzja; hu jħobb is-​sewwa. (Salm 33:5) Bħal Eliħu, il-​ħabib taʼ Ġob, jalla nammettu: “Ma jistax ikun li l-​Alla l-​veru jaġixxi bil-​ħażen, u li Dak li Jistaʼ Kollox jaġixxi b’mod inġust!” (Ġob 34:10) Minflok ma jikkaġunalna l-​problemi, Ġeħova jagħtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.”—Ġak. 1:13, 17.

18, 19. Għala m’għandna qatt niddubitaw minn Ġeħova? Agħti tixbiha.

18 Qatt tiddubita minn Ġeħova. Alla hu perfett u ħsibijietu huma ogħla minn tagħna. (Is. 55:8, 9) Allura l-​umiltà u l-​modestja għandhom jgħinuna nammettu li l-​fehma tagħna hi limitata. (Rum. 9:20) Huwa rari li jkollna l-​fatti kollha dwar xi sitwazzjoni. Bla dubju, int esperjenzajt il-​verità taʼ dan il-​proverbju: “L-​ewwel wieħed li jesprimi l-​każ tiegħu jidher li qiegħed fis-​sewwa, sakemm jidħol għajru u jgħarblu.”—Prov. 18:17.

19 Jekk għandna ħabib tal-​qalb li jagħmel xi ħaġa li forsi għall-​ewwel ma nifhmuhiex jew inħossu li mhix normali, se nkunu ħfief biex nakkużawh b’xi għemil ħażin? Jew se nkunu lesti li nagħtu lil ħabibna l-​benefiċċju tad-​dubju, speċjalment jekk ilna nafu lil din il-​persuna għal ħafna snin? Jekk nittrattaw maʼ ħbiebna imperfetti bi mħabba bħal din, mela kemm iktar għandna nkunu lesti li nafdaw lil Missierna tas-​sema, li l-​modi u l-​ħsibijiet tiegħu huma ħafna ogħla minn tagħna!

20, 21. Għala hu importanti li nitfgħu l-​ħtija fuq min suppost?

20 Itfaʼ l-​ħtija fuq min suppost. Hemm bżonn nirrealizzaw li aħna nikkaġunaw xi ftit mill-​problemi tagħna stess. (Gal. 6:7) M’għandniex nitfgħu l-​ħtija fuq Ġeħova għalihom. Għala le? Ikkunsidra dan l-​eżempju: Karozza jistaʼ jkollha kapaċità li tiġri b’veloċità kbira. Immaġina li sewwieq jaqbeż sew il-​veloċità rikkmandata f’liwja kerha u jaħbat. Għandu jeħel il-​manifattur tal-​karozza għall-​inċident? Dażgur li le! B’mod simili, Ġeħova ħalaqna bil-​libertà tal-​għażla. Imma pprovdielna wkoll gwida dwar kif nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Allura għala għandna nwaħħlu fil-​Ħallieq tagħna għall-​iżbalji tagħna stess?

21 Ovvjament, mhux il-​problemi kollha tagħna huma riżultat tal-​iżbalji personali u l-​azzjonijiet ħżiena tagħna. Xi affarijiet jiġru minħabba “ż-​żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin.” (Ekk. 9:11) Ukoll, qatt tinsa li Satana x-​Xitan huwa l-​kaġun ewlieni tal-​ħażen. (1 Ġw. 5:19; Riv. 12:9) Satana hu l-​għadu—mhux Ġeħova!—1 Pt. 5:8.

GĦOŻŻ IR-​RELAZZJONI PREZZJUŻA LI GĦANDEK MAʼ ĠEĦOVA

Ġożwè u Kaleb tbierku talli wrew fiduċja f’Ġeħova (Ara paragrafu 22)

22, 23. X’għandna niftakru jekk niskuraġġixxu ruħna minħabba l-​problemi tagħna?

22 Meta tkun għaddej minn problemi diffiċli, ftakar fl-​eżempju taʼ Ġożwè u Kaleb. Kuntrarju għall-​għaxar spiji l-​oħra, dawn iż-​żewġt irġiel leali ġabu rapport tajjeb. (Num. 14:6-​9) Huma wrew fidi f’Ġeħova. Minkejja dan, kellhom jiġġerrew fix-​xagħri għal 40 sena mal-​kumplament tal-​Iżraelin. Gergru jew imtlew bl-​imrar Ġożwè u Kaleb minħabba li ma kienx jistħoqqilhom li jiġu kkastigati? Le. Huma fdaw f’Ġeħova. Ġew imberkin? Dażgur! Għalkemm il-​maġġorparti minn dawn l-​Iżraelin mietu fix-​xagħri, Ġeħova ppermetta li Ġożwè u Kaleb jidħlu fl-​Art Imwiegħda. (Num. 14:30) B’mod simili, aħna se nirċievu l-​barka taʼ Ġeħova jekk “ma negħjewx” nagħmlu r-​rieda tiegħu.—Gal. 6:9; Ebr. 6:10.

23 X’għandek tagħmel jekk tħossok skuraġġit minħabba l-​problemi, l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn, jew l-​imperfezzjonijiet tiegħek stess? Iffoka fuq il-​kwalitajiet meraviljużi taʼ Ġeħova. Ġib quddiem għajnejk it-​tama li tak Ġeħova. Saqsi lilek innifsek, ‘Fejn inkun mingħajr Ġeħova?’ Ibqaʼ dejjem qrib tiegħu, u qatt tħalli lil qalbek tagħdab kontrih!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja