“Ħdejn Ilmijiet taʼ Serħan Imexxini”
FIL-KLIMA sħuna tal-pajjiżi Bibliċi, in-nagħaġ ikollhom bżonn jixorbu kuljum. Għalhekk, parti vitali mix-xogħol tar-ragħaj hi li jipprovdi l-ilma għall-merħla tiegħu. Xi drabi, ir-rgħajja jisqu l-merħliet tagħhom billi jtellgħu l-ilma minn xi bir għal ġo ħawt sabiex jagħtuhom jixorbu. (Ġenesi 29:1-3) Iżda, b’mod partikulari fl-istaġun tax-xita, l-inħawi mdawrin bix-xmajjar u l-widien jipprovdu postijiet paċifiċi taʼ serħan imsoqqijin sewwa.—Salm 23:2.
Ragħaj kapaċi jrid ikun jaf fejn jistaʼ jsib kemm l-ilma u kemm l-art tajba fejn ikun jistaʼ jirgħa l-merħla tiegħu. Jekk ikun jaf ċerti nħawi fuq ponot subgħajh, ikun jistaʼ jiggarantixxi li n-nagħaġ tiegħu jibqgħu ħajjin. David, li qattaʼ bosta snin jirgħa n-nagħaġ fuq l-għoljiet tal-Lhudija, qabbel il-gwida spiritwali t’Alla maʼ dik taʼ ragħaj li jmexxi n-nagħaġ tiegħu lejn mergħat tajbin u lejn ilma li jagħti l-ħajja. “Ħdejn ilmijiet taʼ serħan imexxini,” qal David skond traduzzjoni waħda.—Salm 23:1-3, KŻ.
Snin wara, permezz tal-profeta tiegħu Eżekjel, Jehovah uża tixbiha simili. Hu wiegħed li kien se jerġaʼ jiġbor lill-poplu tiegħu mill-artijiet fejn kienu ġew imxerrdin, bħalma ragħaj jiġbor in-nagħaġ tiegħu. “Inġibhom lejn arthom. Nirgħahom fuq il-muntanji taʼ Iżrael, fil-widien,” hu assigurahom.—Eżekjel 34:13.
Alla Jehovah huwa wkoll konċernat ferm dwar li jipprovdi ilma spiritwali. Il-ktieb taʼ l-Apokalissi jiddeskrivi “x-xmara taʼ l-ilma tal-Ħajja” li tgelgel mit-tron t’Alla. (Apokalissi 22:1) L-istedina biex jixorbu minn din ix-xmara tgħodd għan-nies kollha. “Ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.”—Apokalissi 22:17.
Dan l-ilma tal-ħajja simboliku jirrappreżenta l-provvedimenti t’Alla għall-ħajja taʼ dejjem. Kulmin irid jistaʼ jibda jixrob minn dan l-ilma billi ‘jagħraf lil Alla waħdu veru, u lil Ġesù Kristu, li hu bagħat.’—Ġwann 17:3.