Serħan għal Dawk li Qed Isejħu għall-Għajnuna
IL-BIBBJA m’hijiex xi ktieb taʼ pariri dwar is-saħħa mentali. Madankollu, din tagħtina serħan u tgħinna napprezzaw il-ħajja minkejja l-inkwiet li nħabbtu wiċċna miegħu. B’mod realistiku, l-Iskrittura tgħid: “Il-bniedem imwieled minn mara għandu ħajja qasira, imma tbatija għandu biżżejjed.” (Ġob 14:1) Xi wħud mill-provi li jkollna jiġu minħabba l-imperfezzjoni tagħna stess. Imma min hu responsabbli prinċipalment għat-tbatija tal-bnedmin?
Il-Bibbja tidentifika lil dan il-wieħed bħala spirtu mill-agħar imsejjaħ id-Demonju u x-Xitan. Hu l-“qarrieq tad-dinja kollha” u qed jikkaġuna ħafna mill-inkwiet li qed jifleġ lill-umanità. Madankollu, il-Bibbja tgħidilna wkoll li hu ma tantx baqagħlu żmien. (Apokalissi 12:9, 12) Dalwaqt, permezz taʼ intervent divin se jintemm in-niket kollu li Satana ġab fuq l-abitanti taʼ l-art. Skond il-Bibbja, id-dinja l-ġdida taʼ tjieba mwiegħda minn Alla se ttemm il-qtigħ taʼ qalb u d-disperazzjoni.—2 Pietru 3:13.
X’faraġ li tkun taf li t-tbatija umana m’hijiex għal dejjem! Taħt il-ħakma tas-Saltna tas-sema t’Alla f’idejn Ġesù Kristu, l-inġustizzja u t-tbatija se jintemmu. Rigward is-Sultan maħtur t’Alla, l-Iskrittura tistqarr: “Għax hu jeħles lill-fqir li jsejjaħlu, u lill-imsejken li m’għandux min jgħinu. Iħenn għad-dgħajjef u għall-fqajjar; il-ħajja tal-fqajrin isalva. Jeħlishom mill-qerq u mill-moħqrija; demmhom għażiż quddiem għajnejh.”—Salm 72:12-14.
Iż-żmien għat-twettiq taʼ dan il-kliem profetiku hu qrib ferm. Aħna nistgħu ngawdu l-ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna taħt kundizzjonijiet taʼ l-għaġeb. (Luqa 23:43; Ġwanni 17:3) Il-fatt li jkollna għarfien dwar dawn il-wegħdi Skritturali tant taʼ faraġ jagħti tama u serħan lil dawk li qed isejħu għall-għajnuna.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Tifla dipressa: Photo ILO/J. Maillard