STUDJU 44
L-Użu Effettiv tal-Mistoqsijiet
MINĦABBA li l-mistoqsijiet jeħtieġu tweġiba—kemm jekk bil-kliem u kemm jekk fil-qalb—dawn jgħinuk tinvolvi lis-semmiegħa tiegħek. Il-mistoqsijiet jistgħu jgħinuk tibda konversazzjonijiet u tgawdi sħubija li fiha taqsam ħsibijiet b’mod inkuraġġanti. Bħala kelliemi u għalliem tistaʼ tuża mistoqsijiet biex tqanqal l-interess, tgħin lil xi ħadd jirraġuna dwar is-suġġett, jew iżżid l-enfasi għal dak li tgħid. Meta tuża sew il-mistoqsijiet, int tinkuraġġixxi lil oħrajn biex jaġixxu fuq dak li jisimgħu minflok ma jagħmlu xejn dwaru. Żomm mira f’moħħok, u staqsi l-mistoqsijiet b’tali mod li se jgħinuk tilħaq il-mira tiegħek.
Biex Tinkuraġġixxi l-Konversazzjoni. Meta tieħu sehem fil-ministeru tal-għalqa, oqgħod attent għal opportunitajiet biex tistieden lin-nies jesprimu ruħhom jekk huma lesti jagħmlu dan.
Ħafna Xhieda jibdew diskussjonijiet interessanti billi sempliċement jistaqsu, “Qatt ħsibt dwar . . . ?” Meta jagħżlu mistoqsija li tassew tinsab fuq moħħ ħafna nies, hemm ċans kbir li jieħdu gost fil-ministeru tal-għalqa. Anki jekk il-persuna l-oħra qatt ma tkun ħasbet dwar dik il-mistoqsija, din tistaʼ tqanqal il-kurżità. Tistaʼ tintroduċi varjetà kbira taʼ kwistjonijiet b’espressjonijiet bħal “X’taħseb dwar . . . ?,” “Kif tħossok dwar . . . ?,” u “Temmen int li . . . ?”
Meta l-evanġelizzatur Filippu mar fuq uffiċjal tal-qorti Etjopjan li kien qed jaqra b’leħen għoli l-profezija taʼ Isaija, Filippu sempliċement staqsa: “Qed tifhem verament x’int taqra?” (Atti 8:30) Din il-mistoqsija fetħet it-triq għal Filippu biex jispjega l-verità dwar Ġesù Kristu. Meta xi Xhieda taʼ żmienna użaw mistoqsija simili, huma sabu nies li kienu tassew bil-ġuħ għal fehma ċara tal-verità tal-Bibbja.
Ladarba jingħataw l-opportunità biex jesprimu l-ħarsa tagħhom stess, ħafna nies se jkunu iktar inklinati jisimgħuk. Wara li tistaqsi mistoqsija, ismaʼ b’attenzjoni. Uri qalb tajba minflok ma tikkritikahom meta tirrikonoxxi t-tweġiba tagħhom. Faħħarhom meta tkun tistaʼ tagħmel dan sinċerament. Darba waħda, wara li skriba kien ‘wieġeb b’mod intelliġenti,’ Ġesù faħħru, billi qallu: “M’intix ’il bogħod mis-saltna t’Alla.” (Mk. 12:34) Anki jekk m’għandekx l-istess ħarsa tal-persuna l-oħra, tistaʼ tirringrazzjah talli esprima ruħu. Dak li qal jistaʼ jurik x’attitudni għandu, u b’hekk tkun tistaʼ żżommha f’moħħok meta taqsam il-verità tal-Bibbja miegħu.
Biex Tintroduċi Ħsibijiet Importanti. Meta tkellem grupp jew individwu, ipprova uża mistoqsijiet biex twassal għal ħsibijiet importanti. Kun ċert li l-mistoqsijiet tiegħek jinvolvu kwistjonijiet taʼ interess ġenwin għall-udjenza tiegħek. Tistaʼ tuża wkoll mistoqsijiet li jqajmu l-kurżità minħabba li t-tweġiba ma tkunx ovvja. Jekk tagħmel pawsa qasira wara li tpoġġi mistoqsija, l-udjenza tiegħek x’aktarx li se tismaʼ b’iktar interess għal dak li jkun ġej wara.
Darba minnhom, il-profeta Mikea uża għadd taʼ mistoqsijiet. Wara li staqsa x’jistenna Alla minn dawk li jqimuh, il-profeta għamel erbaʼ mistoqsijiet oħrajn, u kull waħda kienet tinkludi tweġiba possibbli. Dawn il-mistoqsijiet kollha jgħinu biex jippreparaw lill-qarrejja għat-tweġiba bid-dehen li biha għalaq din il-parti tad-diskussjoni tiegħu. (Mik. 6:6-8) Tistaʼ tagħmel xi ħaġa hekk meta tgħallem? Ipprova.
Biex Tirraġuna Dwar Suġġett. Il-mistoqsijiet jistgħu jintużaw biex oħrajn jiġu megħjunin isegwu l-loġika tal-argument. Meta kien qed iwassal dikjarazzjoni serja lil Israel, Ġeħova hekk għamel, bħalma naraw f’Malakija 1:2-10. L-ewwel qalilhom: “Ħabbejtkom.” Huma m’apprezzawx l-imħabba tiegħu, allura hu staqsa: “Ma kienx Għesaw ħu Ġakobb?” Imbagħad Ġeħova semma l-kundizzjoni taʼ għajb taʼ Edom bħala evidenza li minħabba l-ħażen tagħhom Alla ma kienx iħobb lil dan il-ġens. Hu kompla b’eżempji u mistoqsijiet li enfasizzaw il-fatt li Israel naqas milli jwieġeb b’mod xieraq għall-imħabba tiegħu. Xi wħud mill-mistoqsijiet huma mpoġġijin bħallikieku l-qassisin żleali kienu qed jistaqsuhom. Oħrajn huma mistoqsijiet li Ġeħova staqsa lill-qassisin. Id-djalogu jqanqal l-emozzjonijiet u jżomm l-attenzjoni tagħna; il-loġika ma tistax tiċħadha; il-messaġġ, ma jintesiex.
B’mod simili, xi kelliema jużaw il-mistoqsijiet b’mod effettiv. Għalkemm ma tkun mistennija ebda tweġiba bil-kliem, l-udjenza tinvolvi ruħha bil-ħsieb, bħallikieku tieħu sehem fi djalogu.
Meta nikkonduċu studji tal-Bibbja, aħna nużaw metodu li jitlob is-sehem tal-istudent. M’għandniex xi ngħidu, ikun iktar taʼ benefiċċju jekk l-istudent iwieġeb fi kliemu. B’ton li jirrifletti qalb tajba, uża mistoqsijiet oħrajn biex tirraġuna mal-istudent. Fejn jidħlu l-ħsibijiet prinċipali, inkuraġġih juża l-Bibbja bħala l-bażi għat-tweġiba tiegħu. Ukoll, tistaʼ tistaqsi: “Dak li qed niddiskutu, kif inhu konness mal-punt l-ieħor li ddiskutejna? Għala hu importanti? Kif għandu jeffettwalna ħajjitna?” Metodu bħal dan hu iktar effettiv milli tesprimi l-konvinzjonijiet tiegħek stess jew milli tagħti spjegazzjoni fit-tul int stess. B’dan il-mod, tgħin lill-istudent juża “l-qawwa tar-raġuni” biex iqim lil Alla.—Rum. 12:1.
Jekk student ma jifhimx ċertu ħsieb, kun paċenzjuż. Forsi qed jipprova jqabbel dak li qed tgħid maʼ dak li ilu jemmen għal ħafna snin. Jistaʼ jkun taʼ għajnuna li tiddiskuti s-suġġett minn angolu differenti. Madankollu, kultant ikun hemm bżonn irraġunar bażiku ħafna. Toqgħodx lura milli tuża l-Iskrittura. Uża t-tixbihat. Flimkien maʼ dawn, uża mistoqsijiet sempliċi biex tistieden lill-individwu jirraġuna dwar l-evidenza.
Biex Toħroġ Sentimenti Ġewwinin. Meta n-nies iwieġbu l-mistoqsijiet, mhux dejjem juru kif iħossuhom verament. Huma forsi sempliċement jagħtu t-tweġibiet li jħossu li int tridhom jgħidu. Trid tuża d-dixxerniment. (Prov. 20:5) Bħalma għamel Ġesù, għandek mnejn tistaqsi: “Temmnu dan?”—Ġw. 11:26.
Meta ħafna mid-dixxipli taʼ Ġesù ħassewhom offiżi minħabba dak li qal u abbandunawh, Ġesù stieden lill-appostli tiegħu biex jesprimu kif qed iħossuhom. Hu staqsa: “Ma tridux tmorru intom ukoll, hux?” Pietru esprima x’kienu qed iħossu, meta qal: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja taʼ dejjem; u aħna emminna u sirna nafu li int il-Qaddis t’Alla.” (Ġw. 6:67-69) F’okkażjoni oħra, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu: “In-nies min qed jgħidu li hu Bin il-bniedem?” Hu kompla b’mistoqsija li stidnithom jesprimu x’kellhom f’qalbhom stess. “Iżda intom min tgħidu li jien?” Pietru wieġbu: “Int il-Kristu, Bin l-Alla l-ħaj.”—Mt. 16:13-16.
Meta tikkonduċi studju tal-Bibbja, tistaʼ ssibha taʼ benefiċċju li tittratta ċerti kwistjonijiet b’mod simili. Tistaʼ tistaqsi: “Sħabek tal-iskola (jew tax-xogħol) kif iħarsu lejn din il-kwistjoni?” Imbagħad tistaʼ tistaqsi: “Kif tħossok int dwar dan?” Meta tkun taf eżatt kif iħossu individwu, se jkun iktar faċli għalik bħala għalliem biex tgħinu bl-aħjar mod possibbli.
Biex Iżżid l-Enfasi. Il-mistoqsijiet jistgħu jintużaw ukoll biex jenfasizzaw il-ħsibijiet. L-appostlu Pawlu hekk għamel, bħalma hu mniżżel f’Rumani 8:31, 32: “Jekk Alla hu favur tagħna, min se jkun kontra tagħna? Hu li lanqas lil Ibnu stess ma ħelisha imma tah għalina lkoll, għala ma jagħtiniex miegħu wkoll b’qalb tajba l-affarijiet l-oħra kollha?” Innota li f’kull każ, il-mistoqsija tibni fuq dak li ntqal eżatt qabel.
Wara li niżżel bil-miktub il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra s-sultan taʼ Babilonja, il-profeta Isaija esprima konvinzjoni soda billi żied: “Ġeħova taʼ l-armati nnifsu ddeċieda, u min jistaʼ jħassarlu? U idu ħariġha, u min jistaʼ jreġġagħha lura?” (Is. 14:27) Il-kontenut stess taʼ dawn il-mistoqsijiet jindika li l-idea li hi espressa ma tistax tiġi miċħuda. Mhi mistennija ebda tweġiba.
Biex Toħroġ fil-Beraħ Ħsibijiet Żbaljati. Mistoqsijiet li huma maħsubin sew huma wkoll għodod b’saħħithom biex jinkixfu ħsibijiet żbaljati. Qabel ma fejjaq raġel, Ġesù staqsa lill-Fariżej u lil xi esperti fil-Liġi: “Skond il-liġi, tistaʼ tfejjaq f’jum is-Sabat jew le?” Wara li wettaq il-fejqan, hu kompla b’mistoqsija oħra: “Min minnkom, jekk jaqagħlu ibnu jew il-barri tiegħu ġo bir, ma jtellgħux minnufih f’jum is-Sabat?” (Lq. 14:1-6) Ma kienet mistennija ebda tweġiba, u lanqas ħadd ma ta waħda. Il-mistoqsijiet kixfu l-ħsibijiet żbaljati tagħhom.
Kultant, anki l-Kristjani veri jistgħu jkollhom ħsibijiet żbaljati. Xi wħud f’Korintu tal-ewwel seklu kienu qed itellgħu lil ħuthom il-qorti biex isolvu problemi li suppost setgħu jsolvuhom bejniethom. L-appostlu Pawlu kif ittratta l-kwistjoni? Hu staqsa serje taʼ mistoqsijiet diretti biex jirranġa l-ħsibijiet tagħhom.—1 Kor. 6:1-8.
Bil-prattika, int tistaʼ titgħallem tuża l-mistoqsijiet b’mod effettiv. Madankollu, ftakar li għandek turi rispett, speċjalment meta tkellem lil uħud akbar minnek, lil nies li ma tafhomx personalment, u lil dawk f’pożizzjonijiet taʼ awtorità. Uża l-mistoqsijiet biex tippreżenta l-verità tal-Bibbja b’mod li jiġbed lil dak li jkun.