LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 4/1 pp. 20-22
  • Min Jifformalek il-Ħsieb Tiegħek?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Jifformalek il-Ħsieb Tiegħek?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Intrassejt Int fil-​Forma taʼ Satana?
  • Kun Af x’Qed Jiġri
  • Wieġeb għall-​Ifformar minn Jehovah
  • Apprezza lil Ġeħova bħala l-Fuħħari tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Ħalli d-Dixxiplina ta’ Ġeħova Ssawrek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Nirbħu l-ġlieda tal-moħħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Ħalli lil Ġeħova jsawwar il-ħsieb u l-imġiba tiegħek
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 4/1 pp. 20-22

Min Jifformalek il-​Ħsieb Tiegħek?

“ĦADd m’għandu jgħidli x’għandi naħseb! U ħadd m’għandu jgħidli x’għandi nagħmel!” Meta tgħid dan b’enfasi normalment ifisser li int għandek fiduċja kbira fik innifsek u fil-​ġudizzju tiegħek stess. Hekk tħossok int? Wieħed jistaʼ jifhem li ħadd m’għandu jiddeċiedi għalik. Imma huwa għaqli li tirrifjuta mill-​ewwel dak li għandu mnejn ikun parir tajjeb? M’hemm ħadd li xi darba jistaʼ jgħinek tagħmel deċiżjonijiet għaqlin? Hu x’inhu l-​każ, tistaʼ tkun tassew ċert li xi ħadd m’huwiex, fil-​fatt, qed jifformalek il-​ħsieb tiegħek, mingħajr lanqas biss tinduna?

Per eżempju, qabel it-​tieni gwerra dinjija, Joseph Goebbels, il-​ministru tal-​propaganda taʼ Hitler, ħa taħt idejh l-​industrija Ġermaniża tal-​films. Għala? Għaliex irrealizza li din setgħet tipprovdilu arma verament potenti li biha setaʼ “jinfluwenza t-​twemmin tan-​nies u għaldaqstant l-​imġiba tagħhom.” (Propaganda and the German Cinema 1933-​1945) Int forsi konxju b’liema effettività li tmewwet uża dan il-​metodu u mezzi oħrajn biex jimmanipula lin-​nies komuni​—nies normali u razzjonali—​sabiex isegwu l-​filosofija tan-​Nazi b’għajnejhom magħluqa.

Il-fatt hu li l-​mod kif taħseb int, u għaldaqstant kif taġixxi, dejjem ikun influwenzat b’xi mod mis-​sentimenti u l-​opinjonijiet li tismaʼ. M’għandniex xi ngħidu, dan mhux bilfors hu ħażin. Jekk dawn huma nies li għandhom interess sinċier fik​—bħall-​għalliema, il-​ħbieb, jew il-​ġenituri—​allura se tibbenefika ferm mill-​parir u t-​twissija tagħhom. Imma jekk huma nies li jinteressahom minnhom infushom biss u li huma nfushom żvijati jew korrotti fi ħsibijiethom, u “jqarrqu bl-​oħrajn,” bħalma jiddeskrivihom l-​appostlu Pawlu, allura oqgħod attent!—Titu 1:10; Dewteronomju 13:7-9 [Dewteronomju 13:6-8, NW].

B’hekk, tkunx sodisfatt bik innifsek u taħseb li ħadd qatt ma jistaʼ jinfluwenzak. (Qabbel l-1 Korintin 10:12.) X’aktarx li dan diġà qed iseħħ​—ħafna iktar spiss milli int lest li tammetti—​mingħajr lanqas biss qed tinduna. Ħu l-​eżempju sempliċi taʼ liema prodott tiddeċiedi li tixtri meta tmur fil-​ħanut. Tkun din dejjem deċiżjoni tassew persunali u razzjonali? Jew oħrajn, mingħajr lanqas biss tarahom, qed ikollhom effett fin fin imma qawwi fuq l-​għażla tiegħek? Il-​ġurnalist investigattiv, Eric Clark, jaħseb li hekk jiġri. “Iktar ma niġu bbombardjati bir-​reklami,” hu jgħid, “inqas nindunaw, u madankollu, kważi dejjem, iktar ninfluwenzaw ruħna.” Hu jirrapporta wkoll li meta n-​nies jiġu mistoqsijin dwar kemm jaħsbu li huma effettivi r-​reklami, “il-​biċċa l-​kbira jaqblu li dawn jirnexxu, imma mhux fuqhom.” In-​nies għandhom it-​tendenza jaħsbu li kulħadd huwa vulnerabbli, minbarra huma. “Milli jidher, jaħsbu li huma biss ma jistgħux jiġu effettwati.”​—The Want Makers.

Intrassejt Int fil-​Forma taʼ Satana?

Jekk tinfluwenza ruħek mir-​reklamar taʼ kuljum forsi ma jkollokx konsegwenzi serji. Madankollu, hemm influwenza oħra li hija ferm iktar perikoluża. Il-​Bibbja turi ċar li Satana huwa l-​manipulatur il-​kbir. (Apokalissi 12:9) Il-​filosofija tiegħu hija bażikament l-​istess bħal ħsieb taʼ wieħed li jagħmel ir-​reklami li qal li hemm żewġ modi kif tinfluwenza lix-​xerrejja​—“billi tisseduċihom jew tikkondizzjonalhom moħħhom.” Jekk il-​propagandisti u dawk li jagħmlu r-​reklami jistgħu jużaw tekniki sottili bħal dawn sabiex jifformawlek il-​ħsieb tiegħek, kemm huwa iktar tas-​sengħa Satana f’li juża tattiċi simili!—Ġwann 8:44.

L-appostlu Pawlu kien jafu dan. Kien jibżaʼ li xi wħud mill-​Kristjani sħabu għandhom mnejn ma jibqgħux għassa u jsiru vittmi tal-​qerq taʼ Satana. Hu kiteb: “Jiena nibżaʼ li, bħalma s-​serp qarraq b’Eva bil-​ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-​sempliċità u s-​safa tagħhom fi Kristu.” (2 Korintin 11:3) Ħu din it-​twissija bis-​serjetà. Inkella int tistaʼ tkun bħal dawk in-​nies li jemmnu li l-​propaganda u l-​ikkondizzjonar tal-​moħħ tassew jirnexxu​—“imma mhux fuqhom.” Il-​fatt li l-​propaganda satanika tassew tirnexxi jidher madwarna fil-​brutalità, fit-​taħsir morali, u fl-​ipokresija li jikkaratterizzaw lil din il-​ġenerazzjoni.

Għalhekk, Pawlu talab bil-​ħrara lill-​Kristjani sħabu biex ma ‘jimxux max-​xejra taʼ din id-​dinja.’ (Rumani 12:2) Wieħed traduttur tal-​Bibbja ġabar il-​kliem taʼ Pawlu b’dan il-​mod: “Tħallux lid-​dinja taʼ madwarkom trosskom fil-​forma tagħha.” (Rumani 12:2, Phillips) Satana se jipprova minn kollox biex jippressak għal ġol-​forma tiegħu, bħall-​fuħħari tal-​qedem li kien jippressa t-​tafal ġewwa forma miftuħa biex joħroġ il-​marki u l-​karatteristiċi li jkun hemm fuq il-​forma. Satana għandu l-​politika, il-​kummerċ, ir-​reliġjon, u d-​divertiment tad-​dinja lesti biex jagħmlu dan. Imma kemm hija mifruxa l-​influwenza tiegħu? Hija mifruxa daqs kemm kienet fi żmien l-​appostlu Ġwanni. “[I]d-dinja kollha,” qal Ġwanni, “qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19; ara wkoll it-2 Korintin 4:4.) Jekk għandek xi dubji dwar l-​abbiltà li Satana għandu f’li jisseduċi lin-​nies u jikkorrompi l-​ħsieb tagħhom, ftakar kif għamel dan b’mod effettiv lil ġens sħiħ taʼ nies, Iżrael, li kien iddedikat lil Alla. (1 Korintin 10:6-12) Jistaʼ int jiġrilek l-​istess? Iva, jekk tħalli lil moħħok miftuħ għall-​influwenza seduttiva taʼ Satana.

Kun Af x’Qed Jiġri

Ġeneralment, qawwiet qarrieqa bħal dawn se jinfluwenzaw il-​ħsieb tiegħek biss jekk int tħallihom. Fil-​ktieb tiegħu The Hidden Persuaders, Vance Packard ħareġ dan il-​punt: “Għad għandna difiża qawwija disponibbli kontra wħud [moħbijin] li jipperswadu: nistgħu nagħżlu li ma niġux ipperswaduti. Kważi fi kwalunkwe sitwazzjoni għandna l-​għażla, u ma nistgħux niġu mmanipulati serjament jekk inkunu nafu x’qed jiġri.” Dan hu minnu wkoll dwar il-​propaganda u l-​qerq.

M’għandniex xi ngħidu, biex ‘tkun taf x’qed jiġri,’ għandek iżżomm moħħok miftuħ u lest li jilqaʼ influwenzi tajbin. Moħħ b’saħħtu, sewwa sew bħal ġisem b’saħħtu, għandu bżonn taʼ nutrijenti tajbin jekk irid jaħdem sew. (Proverbji 5:1, 2) Nuqqas taʼ tagħrif jistaʼ jkun daqshekk taʼ ħsara daqs tagħrif ħażin. Għalhekk, għalkemm hu veru li għandek tipproteġi lil moħħok minn ideat u filosofiji qarrieqa, ipprova tiżviluppax ħarsa ostili u pessimista dwar kull twissija jew tagħrif li joffrulek.—1 Ġwann 4:1.

Persważjoni onesta m’hijiex l-​istess bħal propaganda moħbija. L-​appostlu Pawlu ċertament li wissa liż-​żagħżugħ Timotju sabiex joqgħod attent min-​“nies il-​ħżiena u l-​uċuħ b’oħra [li] jmorru mill-​ħażin għall-​agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” Imma Pawlu żied: “Imma int ibqaʼ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-​sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu.” (2 Timotju 3:13, 14) Ladarba dak kollu li jidħol f’moħħok b’xi mod jew ieħor se jinfluwenzak, iċ-​ċavetta hi li tkun ‘taf mingħand min qed titgħallem l-​affarijiet,’ biex tkun żgur li huma nies li għandhom interess sinċier fik, u mhux fihom infushom.

L-għażla hija f’idejk. Tistaʼ tagħżel li ‘timxi max-​xejra taʼ din id-​dinja’ billi timla moħħok bil-​filosofiji u l-​valuri taʼ din id-​dinja. (Rumani 12:2) Imma din id-​dinja m’għandhiex interess sinċier fik. “Qisu,” iwissi għalhekk l-​appostlu Pawlu, “li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin.” (Kolossin 2:8) Li nintrassu għal ġol-​forma taʼ Satana b’dan il-​mod, jew li ‘nitjassru,’ ma jirrikjedi ebda sforz. Huwa bħat-​tipjip indirett. Int tiġi effettwat sempliċement billi tiblaʼ l-​arja mniġġsa.

Bħala alternattiva, tistaʼ tevita li tiblaʼ din l-​‘arja.’ (Efesin 2:2) Minflok, segwi l-​parir taʼ Pawlu: “Nbidlu skond it-​tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-​rieda taʼ Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Dan tassew jirrikjedi sforz. (Proverbji 2:​1-5) Ftakar, Jehovah ma jimmanipula lil ħadd. Hu jagħmel disponibbli t-​tagħrif bżonnjuż, imma biex tibbenefika minnu, trid tagħti kasu u tħallih jeffettwalek il-​ħsieb tiegħek. (Isaija 30:20, 21; 1 Tessalonkin 2:13) Trid tkun lest li timla moħħok bil-​verità li hemm fil-​“Kotba Mqaddsa,” il-​Kelma mnebbħa t’Alla, il-​Bibbja.—2 Timotju 3:15-17.

Wieġeb għall-​Ifformar minn Jehovah

Il-​bżonn għal tweġiba ubbidjenti u mhix sforzata min-​naħa tiegħek, jekk se tibbenefika mill-​influwenza li tifformak taʼ Jehovah, intwera b’qawwa kbira meta Jehovah qal lill-​profeta Ġeremija biex imur iżur il-​ħanut tal-​fuħħari. Ġeremija ra lill-​fuħħari jbiddel fehmtu dwar x’kien se jagħmel bir-​reċipjent meta l-​prodott li kien qed jipprova jagħmel ‘ħariġlu ħażin.’ Imbagħad Jehovah qal: “Dar Iżrael, jaqaw ma nistax nimxi magħkom bħal dan il-​fuħħari? . . . Bħalma hu t-​tafal f’idejn il-​fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael.” (Ġeremija 18:1-6) Kien dan ifisser li n-​nies f’Iżrael kienu sempliċement bħal ċapep taʼ tafal bla ħajja f’idejn Jehovah sabiex jifformahom kif irid hu f’xi tip taʼ reċipjent jew ieħor?

Jehovah qatt ma juża l-​qawwa assoluta tiegħu sabiex iġiegħel lin-​nies jagħmlu affarijiet kontra r-​rieda tagħhom; lanqas m’hu responsabbli għal prodotti difettużi, bħalma jistaʼ jkun il-​każ maʼ fuħħari uman. (Dewteronomju 32:4) Id-​difetti jiżviluppaw meta dawk li Jehovah jipprova jifformahom b’mod pożittiv jirreżistu d-​direzzjoni tiegħu. Din hija differenza enormi bejnek u bejn ċappa tafal bla ħajja. Int għandek ir-​rieda ħielsa. Billi teżerċitaha, int tistaʼ tagħżel li twieġeb għall-​influwenza li tifformak taʼ Jehovah jew li tirrifjutaha deliberatament.

X’lezzjoni li ġġegħlek taħseb! Kemm hu aħjar li tagħti widen għal-​leħen taʼ Jehovah milli tgħid b’mod arroganti, “Ħadd m’għandu jgħidli x’għandi nagħmel”! Aħna lkoll għandna bżonn taʼ l-​influwenza li tiggwida taʼ Jehovah. (Ġwann 17:3) Kun bħas-​salmista David, li talab: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-​mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Ftakar x’qal is-​Sultan Salamun: “Jismaʼ wkoll l-​għaref, u jżid l-​għerf tiegħu.” (Proverbji 1:5) Se tismaʼ int? Jekk iva, allura “l-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek.”—Proverbji 2:11.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja