Min Jifformalek il-Ħsieb Tiegħek?
“ĦADd m’għandu jgħidli x’għandi naħseb! U ħadd m’għandu jgħidli x’għandi nagħmel!” Meta tgħid dan b’enfasi normalment ifisser li int għandek fiduċja kbira fik innifsek u fil-ġudizzju tiegħek stess. Hekk tħossok int? Wieħed jistaʼ jifhem li ħadd m’għandu jiddeċiedi għalik. Imma huwa għaqli li tirrifjuta mill-ewwel dak li għandu mnejn ikun parir tajjeb? M’hemm ħadd li xi darba jistaʼ jgħinek tagħmel deċiżjonijiet għaqlin? Hu x’inhu l-każ, tistaʼ tkun tassew ċert li xi ħadd m’huwiex, fil-fatt, qed jifformalek il-ħsieb tiegħek, mingħajr lanqas biss tinduna?
Per eżempju, qabel it-tieni gwerra dinjija, Joseph Goebbels, il-ministru tal-propaganda taʼ Hitler, ħa taħt idejh l-industrija Ġermaniża tal-films. Għala? Għaliex irrealizza li din setgħet tipprovdilu arma verament potenti li biha setaʼ “jinfluwenza t-twemmin tan-nies u għaldaqstant l-imġiba tagħhom.” (Propaganda and the German Cinema 1933-1945) Int forsi konxju b’liema effettività li tmewwet uża dan il-metodu u mezzi oħrajn biex jimmanipula lin-nies komuni—nies normali u razzjonali—sabiex isegwu l-filosofija tan-Nazi b’għajnejhom magħluqa.
Il-fatt hu li l-mod kif taħseb int, u għaldaqstant kif taġixxi, dejjem ikun influwenzat b’xi mod mis-sentimenti u l-opinjonijiet li tismaʼ. M’għandniex xi ngħidu, dan mhux bilfors hu ħażin. Jekk dawn huma nies li għandhom interess sinċier fik—bħall-għalliema, il-ħbieb, jew il-ġenituri—allura se tibbenefika ferm mill-parir u t-twissija tagħhom. Imma jekk huma nies li jinteressahom minnhom infushom biss u li huma nfushom żvijati jew korrotti fi ħsibijiethom, u “jqarrqu bl-oħrajn,” bħalma jiddeskrivihom l-appostlu Pawlu, allura oqgħod attent!—Titu 1:10; Dewteronomju 13:7-9 [Dewteronomju 13:6-8, NW].
B’hekk, tkunx sodisfatt bik innifsek u taħseb li ħadd qatt ma jistaʼ jinfluwenzak. (Qabbel l-1 Korintin 10:12.) X’aktarx li dan diġà qed iseħħ—ħafna iktar spiss milli int lest li tammetti—mingħajr lanqas biss qed tinduna. Ħu l-eżempju sempliċi taʼ liema prodott tiddeċiedi li tixtri meta tmur fil-ħanut. Tkun din dejjem deċiżjoni tassew persunali u razzjonali? Jew oħrajn, mingħajr lanqas biss tarahom, qed ikollhom effett fin fin imma qawwi fuq l-għażla tiegħek? Il-ġurnalist investigattiv, Eric Clark, jaħseb li hekk jiġri. “Iktar ma niġu bbombardjati bir-reklami,” hu jgħid, “inqas nindunaw, u madankollu, kważi dejjem, iktar ninfluwenzaw ruħna.” Hu jirrapporta wkoll li meta n-nies jiġu mistoqsijin dwar kemm jaħsbu li huma effettivi r-reklami, “il-biċċa l-kbira jaqblu li dawn jirnexxu, imma mhux fuqhom.” In-nies għandhom it-tendenza jaħsbu li kulħadd huwa vulnerabbli, minbarra huma. “Milli jidher, jaħsbu li huma biss ma jistgħux jiġu effettwati.”—The Want Makers.
Intrassejt Int fil-Forma taʼ Satana?
Jekk tinfluwenza ruħek mir-reklamar taʼ kuljum forsi ma jkollokx konsegwenzi serji. Madankollu, hemm influwenza oħra li hija ferm iktar perikoluża. Il-Bibbja turi ċar li Satana huwa l-manipulatur il-kbir. (Apokalissi 12:9) Il-filosofija tiegħu hija bażikament l-istess bħal ħsieb taʼ wieħed li jagħmel ir-reklami li qal li hemm żewġ modi kif tinfluwenza lix-xerrejja—“billi tisseduċihom jew tikkondizzjonalhom moħħhom.” Jekk il-propagandisti u dawk li jagħmlu r-reklami jistgħu jużaw tekniki sottili bħal dawn sabiex jifformawlek il-ħsieb tiegħek, kemm huwa iktar tas-sengħa Satana f’li juża tattiċi simili!—Ġwann 8:44.
L-appostlu Pawlu kien jafu dan. Kien jibżaʼ li xi wħud mill-Kristjani sħabu għandhom mnejn ma jibqgħux għassa u jsiru vittmi tal-qerq taʼ Satana. Hu kiteb: “Jiena nibżaʼ li, bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-sempliċità u s-safa tagħhom fi Kristu.” (2 Korintin 11:3) Ħu din it-twissija bis-serjetà. Inkella int tistaʼ tkun bħal dawk in-nies li jemmnu li l-propaganda u l-ikkondizzjonar tal-moħħ tassew jirnexxu—“imma mhux fuqhom.” Il-fatt li l-propaganda satanika tassew tirnexxi jidher madwarna fil-brutalità, fit-taħsir morali, u fl-ipokresija li jikkaratterizzaw lil din il-ġenerazzjoni.
Għalhekk, Pawlu talab bil-ħrara lill-Kristjani sħabu biex ma ‘jimxux max-xejra taʼ din id-dinja.’ (Rumani 12:2) Wieħed traduttur tal-Bibbja ġabar il-kliem taʼ Pawlu b’dan il-mod: “Tħallux lid-dinja taʼ madwarkom trosskom fil-forma tagħha.” (Rumani 12:2, Phillips) Satana se jipprova minn kollox biex jippressak għal ġol-forma tiegħu, bħall-fuħħari tal-qedem li kien jippressa t-tafal ġewwa forma miftuħa biex joħroġ il-marki u l-karatteristiċi li jkun hemm fuq il-forma. Satana għandu l-politika, il-kummerċ, ir-reliġjon, u d-divertiment tad-dinja lesti biex jagħmlu dan. Imma kemm hija mifruxa l-influwenza tiegħu? Hija mifruxa daqs kemm kienet fi żmien l-appostlu Ġwanni. “[I]d-dinja kollha,” qal Ġwanni, “qiegħda taħt idejn il-Ħażin.” (1 Ġwann 5:19; ara wkoll it-2 Korintin 4:4.) Jekk għandek xi dubji dwar l-abbiltà li Satana għandu f’li jisseduċi lin-nies u jikkorrompi l-ħsieb tagħhom, ftakar kif għamel dan b’mod effettiv lil ġens sħiħ taʼ nies, Iżrael, li kien iddedikat lil Alla. (1 Korintin 10:6-12) Jistaʼ int jiġrilek l-istess? Iva, jekk tħalli lil moħħok miftuħ għall-influwenza seduttiva taʼ Satana.
Kun Af x’Qed Jiġri
Ġeneralment, qawwiet qarrieqa bħal dawn se jinfluwenzaw il-ħsieb tiegħek biss jekk int tħallihom. Fil-ktieb tiegħu The Hidden Persuaders, Vance Packard ħareġ dan il-punt: “Għad għandna difiża qawwija disponibbli kontra wħud [moħbijin] li jipperswadu: nistgħu nagħżlu li ma niġux ipperswaduti. Kważi fi kwalunkwe sitwazzjoni għandna l-għażla, u ma nistgħux niġu mmanipulati serjament jekk inkunu nafu x’qed jiġri.” Dan hu minnu wkoll dwar il-propaganda u l-qerq.
M’għandniex xi ngħidu, biex ‘tkun taf x’qed jiġri,’ għandek iżżomm moħħok miftuħ u lest li jilqaʼ influwenzi tajbin. Moħħ b’saħħtu, sewwa sew bħal ġisem b’saħħtu, għandu bżonn taʼ nutrijenti tajbin jekk irid jaħdem sew. (Proverbji 5:1, 2) Nuqqas taʼ tagħrif jistaʼ jkun daqshekk taʼ ħsara daqs tagħrif ħażin. Għalhekk, għalkemm hu veru li għandek tipproteġi lil moħħok minn ideat u filosofiji qarrieqa, ipprova tiżviluppax ħarsa ostili u pessimista dwar kull twissija jew tagħrif li joffrulek.—1 Ġwann 4:1.
Persważjoni onesta m’hijiex l-istess bħal propaganda moħbija. L-appostlu Pawlu ċertament li wissa liż-żagħżugħ Timotju sabiex joqgħod attent min-“nies il-ħżiena u l-uċuħ b’oħra [li] jmorru mill-ħażin għall-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.” Imma Pawlu żied: “Imma int ibqaʼ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu.” (2 Timotju 3:13, 14) Ladarba dak kollu li jidħol f’moħħok b’xi mod jew ieħor se jinfluwenzak, iċ-ċavetta hi li tkun ‘taf mingħand min qed titgħallem l-affarijiet,’ biex tkun żgur li huma nies li għandhom interess sinċier fik, u mhux fihom infushom.
L-għażla hija f’idejk. Tistaʼ tagħżel li ‘timxi max-xejra taʼ din id-dinja’ billi timla moħħok bil-filosofiji u l-valuri taʼ din id-dinja. (Rumani 12:2) Imma din id-dinja m’għandhiex interess sinċier fik. “Qisu,” iwissi għalhekk l-appostlu Pawlu, “li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-bnedmin.” (Kolossin 2:8) Li nintrassu għal ġol-forma taʼ Satana b’dan il-mod, jew li ‘nitjassru,’ ma jirrikjedi ebda sforz. Huwa bħat-tipjip indirett. Int tiġi effettwat sempliċement billi tiblaʼ l-arja mniġġsa.
Bħala alternattiva, tistaʼ tevita li tiblaʼ din l-‘arja.’ (Efesin 2:2) Minflok, segwi l-parir taʼ Pawlu: “Nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Dan tassew jirrikjedi sforz. (Proverbji 2:1-5) Ftakar, Jehovah ma jimmanipula lil ħadd. Hu jagħmel disponibbli t-tagħrif bżonnjuż, imma biex tibbenefika minnu, trid tagħti kasu u tħallih jeffettwalek il-ħsieb tiegħek. (Isaija 30:20, 21; 1 Tessalonkin 2:13) Trid tkun lest li timla moħħok bil-verità li hemm fil-“Kotba Mqaddsa,” il-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja.—2 Timotju 3:15-17.
Wieġeb għall-Ifformar minn Jehovah
Il-bżonn għal tweġiba ubbidjenti u mhix sforzata min-naħa tiegħek, jekk se tibbenefika mill-influwenza li tifformak taʼ Jehovah, intwera b’qawwa kbira meta Jehovah qal lill-profeta Ġeremija biex imur iżur il-ħanut tal-fuħħari. Ġeremija ra lill-fuħħari jbiddel fehmtu dwar x’kien se jagħmel bir-reċipjent meta l-prodott li kien qed jipprova jagħmel ‘ħariġlu ħażin.’ Imbagħad Jehovah qal: “Dar Iżrael, jaqaw ma nistax nimxi magħkom bħal dan il-fuħħari? . . . Bħalma hu t-tafal f’idejn il-fuħħari, hekk intom f’idejja, dar Iżrael.” (Ġeremija 18:1-6) Kien dan ifisser li n-nies f’Iżrael kienu sempliċement bħal ċapep taʼ tafal bla ħajja f’idejn Jehovah sabiex jifformahom kif irid hu f’xi tip taʼ reċipjent jew ieħor?
Jehovah qatt ma juża l-qawwa assoluta tiegħu sabiex iġiegħel lin-nies jagħmlu affarijiet kontra r-rieda tagħhom; lanqas m’hu responsabbli għal prodotti difettużi, bħalma jistaʼ jkun il-każ maʼ fuħħari uman. (Dewteronomju 32:4) Id-difetti jiżviluppaw meta dawk li Jehovah jipprova jifformahom b’mod pożittiv jirreżistu d-direzzjoni tiegħu. Din hija differenza enormi bejnek u bejn ċappa tafal bla ħajja. Int għandek ir-rieda ħielsa. Billi teżerċitaha, int tistaʼ tagħżel li twieġeb għall-influwenza li tifformak taʼ Jehovah jew li tirrifjutaha deliberatament.
X’lezzjoni li ġġegħlek taħseb! Kemm hu aħjar li tagħti widen għal-leħen taʼ Jehovah milli tgħid b’mod arroganti, “Ħadd m’għandu jgħidli x’għandi nagħmel”! Aħna lkoll għandna bżonn taʼ l-influwenza li tiggwida taʼ Jehovah. (Ġwann 17:3) Kun bħas-salmista David, li talab: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Ftakar x’qal is-Sultan Salamun: “Jismaʼ wkoll l-għaref, u jżid l-għerf tiegħu.” (Proverbji 1:5) Se tismaʼ int? Jekk iva, allura “l-għaqal jgħasses fuqek, il-fehma tajba tħarsek.”—Proverbji 2:11.