LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 8/1 pp. 4-7
  • Żminijiet Aħjar Quddiemna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żminijiet Aħjar Quddiemna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nuqqasijiet Taʼ Ikel Imbassrin
  • Jehovah Ħa Ħsieb Tal-​Qaddejja Tiegħu Fil-​Passat
  • Alla Jappoġġja Lill-​Qaddejja Tiegħu Llum
  • Żminijiet Aħjar Quddiemna
  • Foqra Iżda Għonja—Kif Jistaʼ Jkun?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Doqtu l-ħobż tal-ħajja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sigurtà Vera—Issa u Għal Dejjem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Min Jistaʼ Jeħles Lil Dawk Li Qed Jgħajtu għall-Għajnuna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 8/1 pp. 4-7

Żminijiet Aħjar Quddiemna

“AĦNA qegħdin fuq waħda-xejn-waħda,” tgħid waħda mara.

“Is-​sitwazzjoni għalija hija saħansitra agħar,” tirrispondi l-​ħabiba tagħha. “Jien qiegħda fuq xejn-xejn-waħda.”

F’xi partijiet taʼ l-​Afrika tal-​Punent, parlata bħal din m’għandhiex bżonn spjegazzjoni. Minflok tiekol tliet ikliet f’ġurnata (waħda-waħda-waħda), persuna li qiegħda fuq waħda-xejn-waħda taffordja li tiekol biss darbtejn kuljum​—darba fil-​għodu u darba fil-​għaxija. Żagħżugħ li qiegħed fuq xejn-xejn-waħda jispjega s-​sitwazzjoni tiegħu: “Jien niekol darba kuljum. Nimla l-​friġġ tiegħi bl-​ilma. Niekol gari [cassava] bil-​lejl qabel nidħol fis-​sodda. B’dak il-​mod kampajt.”

Hekk hija l-​kundizzjoni miżera taʼ numru li qiegħed jiżdied taʼ nies illum. Il-​prezzijiet jiżdiedu, u s-​saħħa tal-​flus tonqos.

Nuqqasijiet Taʼ Ikel Imbassrin

F’sensiela taʼ viżjonijiet mogħtijin lill-​appostlu Ġwanni, Alla bassar il-​kundizzjonijiet diffiċli li bosta jiffaċċjaw illum. Fosthom kellu jkun hemm nuqqas taʼ ikel. Ġwanni jirrakkonta: “Rajt, u, ħares! żiemel iswed; u l-​wieħed bil-​qiegħda fuqu kellu miżien f’idu.” (Rivelazzjoni 6:5) Dan iż-​żiemel u r-​rikkieb li huma ħabbara taʼ l-​għawġ jagħtu stampa taʼ ġuħ kbir​—l-​ikel kellu jkun tant skars li jkun razzjonat bil-​miżien.

Imbagħad l-​appostlu Ġwanni jgħid: “U smajt leħen . . . jgħid: ‘Kwart qamħ għal dinier, u tliet kwarti xgħir għal dinier.’” Fi żmien Ġwanni, kwart qamħ kien ir-​razzjon taʼ ġurnata għal suldat, u dinier kienet il-​paga taʼ ġurnata xogħol. B’hekk, it-​traduzzjoni taʼ Richard Weymouth tittraduċi l-​vers: “Paga taʼ ġurnata sħiħa għal ħobża, paga taʼ ġurnata sħiħa għal tliet ftajjar tax-​xgħir.”—Rivelazzjoni 6:6.

X’inhi l-​paga taʼ ġurnata sħiħa llum? Ir-​rapport State of World Population, 1994 josserva: “Xi 1.1 biljun ruħ, madwar 30 fil-​mija tal-​popolazzjoni tad-​dinja li qiegħda tiżviluppa, qegħdin jgħixu b’madwar $1 kuljum.” B’hekk, għall-​foqra tad-​dinja, paga taʼ ġurnata litteralment isservik għal ħobża, xi ftit jew wisq.

Dan, m’għandniex xi ngħidu, m’huwiex sorpriża għal dawk li huma foqra ħafna. “Ħobż!” esklama wieħed raġel. “Min jiekol ħobż? Illum-il ġurnata l-​ħobż huwa ikel lussuż!”

Ironikament, m’hemm ebda nuqqas taʼ ikel. Skond sorsi tal-​ĠM, matul l-​aħħar għaxar snin, il-​produzzjoni taʼ l-​ikel tad-​dinja żdiedet b’24 fil-​mija, li kienet iktar miż-​żjieda fil-​popolazzjoni tad-​dinja. Madankollu, din iż-​żjieda fl-​ikel ma kenitx gawduta minn kulħadd. Fl-​Afrika, per eżempju, il-​produzzjoni taʼ l-​ikel fil-​fatt naqset b’5 fil-​mija, waqt li l-​popolazzjoni żdiedet b’34 fil-​mija. Mela minkejja l-​abbundanza taʼ ikel madwar il-​globu, nuqqasijiet taʼ ikel ikomplu f’ħafna pajjiżi.

Nuqqas taʼ ikel ifisser prezzijiet ogħla. Nuqqas taʼ impjiegi, pagi baxxi, u ż-​żjieda fl-​inflazzjoni jagħmluha iktar diffiċli li takkwista l-​flus biex tixtri dak li huwa disponibbli. Jistqarr il-​Human Development Report 1994: “In-​nies ibatu l-​ġuħ mhux għaliex l-​ikel m’huwiex disponibbli​—imma għaliex ma jistgħux jaffordjawh.”

B’mod li jiżdied, hemm nuqqas taʼ tama, frustrazzjoni, u disperazzjoni. “In-​nies iħossu li llum huwa ħażin, imma għada se jkun agħar,” qalet Glory, li tgħix fl-​Afrika tal-​Punent. Mara oħra qalet: “In-​nies iħossu li qegħdin jersqu lejn katastrofi. Iħossu li għad jiġi jum meta ma jkun fadal xejn fis-​suq.”

Jehovah Ħa Ħsieb Tal-​Qaddejja Tiegħu Fil-​Passat

Il-​qaddejja t’Alla jafu li Jehovah jippremja lill-​uħud leali tiegħu billi jipprovdilhom il-​bżonnijiet tagħhom u billi jagħtihom is-​saħħa biex ikampaw mal-​kundizzjonijiet diffiċli. Fiduċja bħal din fl-​abbiltà t’Alla li jipprovdi hija, fil-​fatt, parti essenzjali mill-​fidi tagħhom. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Dak li jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu u li jsir dak li jippremja lil dawk li qegħdin ifittxuh bis-​serjetà.”—Ebrej 11:6.

Jehovah dejjem ħa ħsieb tal-​qaddejja leali tiegħu. Matul nixfa taʼ tliet snin u nofs, Jehovah ipprovda ikel għall-​profeta Elija. Għall-​bidu, Alla kkmanda ċ-​ċawl iġibu lil Elija ħobż u laħam. (1 Slaten 17:2-6) Iktar tard, Jehovah b’mod mirakoluż żamm fl-​istess livell il-​provista tad-​dqiq u ż-​żejt t’armla li pprovdiet l-​ikel għal Elija. (1 Slaten 17:8-16) Matul l-​istess żmien taʼ ġuħ, minkejja persekuzzjoni reliġjuża intensa miġjuba fuqhom mis-​Sultana mill-​agħar Ġeżebel, Jehovah ukoll ra kif għamel sabiex il-​profeti tiegħu kienu pprovduti bil-​ħobż u l-​ilma.—1 Slaten 18:13.

Iktar tard, meta s-​sultan taʼ Babilonja assedja lil Ġerusalemm apostata, in-​nies kellhom “jieklu ħobż bl-​użin u bi ħsieb anzjuż.” (Eżekjel 4:16) Is-​sitwazzjoni kienet saret tant iddisprata li xi nisa kielu l-​laħam taʼ wliedhom stess. (Biki taʼ Ġeremija 2:20) Madankollu, għalkemm il-​profeta Ġeremija kien detenut minħabba l-​ippridkar tiegħu, Jehovah ra kif għamel sabiex “kien hemm għoti taʼ ħobża tonda lil [Ġeremija] kuljum mit-​triq tal-​furnara, sakemm il-​ħobż kollu kien spiċċa mill-​belt.”—Ġeremija 37:21.

Nesa Jehovah lil Ġeremija meta l-​provista tal-​ħobż spiċċat? Milli jidher le, għax meta l-​belt waqgħet f’idejn il-​Babilonjani, Ġeremija kien mogħti ‘porzjon ikel u rigal u tħalla jmur.’—Ġeremija 40:5, 6; ara wkoll Salm 37:25.

Alla Jappoġġja Lill-​Qaddejja Tiegħu Llum

Sewwa sew bħalma Jehovah ipprovda għall-​qaddejja tiegħu f’ġenerazzjonijiet tal-​passat, hekk ukoll jagħmel illum, jieħu ħsiebhom kemm materjalment kif ukoll spiritwalment. Ikkunsidra, per eżempju, l-​esperjenza taʼ Lamitunde, li jgħix fl-​Afrika tal-​Punent. Hu jirrakkonta: “Darba kelli razzett kbir tat-​tjur. Darba minnhom, ħallelin armati ġew ir-​razzett u serquli ħafna mit-​tiġieġ, il-​ġeneratur taʼ l-​elettriku taʼ l-​emerġenza, u l-​flus li kellna. Ftit wara dak, il-​ftit tiġieġ li kien fadal mietu bil-​mard. Dak irvina n-​negozju tiegħi tat-​tjur. Għal sentejn sħaħ ipprovajt mingħajr suċċess insib impjieg. L-​affarijiet kienu tassew diffiċli, imma Jehovah ħa ħsiebna.

“Dak li għeni nkampa maż-​żminijiet ibsin kien il-​fatt li għaraft li Jehovah jippermetti li jiġrulna affarijiet biex jirfinana. Il-​mara u jien komplejna bir-​rutina taʼ studju tal-​Bibbja tal-​familja, u dan tassew għenna. It-​talb kien ukoll sors kbir ieħor taʼ saħħa. Xi kultant ma kienx ikolli aptit nitlob, imma meta tlabt, ħassejtni aħjar.

“Matul dak il-​perijodu diffiċli, tgħallimt il-​valur tal-​meditazzjoni fuq l-​Iskrittura. Kont naħseb ħafna dwar Salm 23, li jitkellem dwar Jehovah bħala r-​Ragħaj tagħna. Skrittura oħra li nkuraġġietni kienet Filippin 4:6, 7, li tirreferi għall-​‘paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.’ Passaġġ ieħor li qawwieni kien l-1 Pietru 5:6, 7, li jgħid: ‘Umiljaw lilkom infuskom, għalhekk, taħt l-​id setgħana t’Alla, biex hu jistaʼ jeżaltakom fiż-​żmien xieraq; waqt li titfgħu l-​anzjetà kollha tagħkom fuqu, għaliex jimpurtah minnkom.’ Dawn il-​versi kollha għenuni matul dawk iż-​żminijiet diffiċli. Meta timmedita, tkun tistaʼ tissostitwixxi l-​ħsibijiet taʼ moħħok li jikkaġunawlek id-​dipressjoni.

“Issa erġajt qiegħed naħdem, imma biex inkun onest, mhux li l-​affarijiet huma faċli. Sewwa sew bħalma bassret il-​Bibbja fit-​2 Timotew 3:1-5, aħna qegħdin ngħixu fl-​‘aħħar jiem,’ immarkati bi ‘żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.’ Ma nistgħux inbiddlu dak li tgħid l-​Iskrittura. Mela ma nistenniex li l-​ħajja tkun faċli. Madankollu, inħoss li l-​Ispirtu taʼ Jehovah qiegħed jgħinni nkampa.”

Minkejja ż-​żminijiet kritiċi li qegħdin ngħixu fihom, dawk li jafdaw f’Jehovah u fis-​Sultan-Iben tiegħu, Kristu Ġesù, m’humiex se jkunu diżappuntati. (Rumani 10:11) Ġesù nnifsu jassigurana: “Minħabba f’dan ngħidilkom: Ieqfu milli tkunu anzjużi dwar erwieħkom rigward x’se tieklu jew x’se tixorbu, jew dwar ġisimkom rigward x’se tilbsu. Ma tfissirx ir-​ruħ iktar mill-​ikel u l-​ġisem mill-​ħwejjeġ? Osservaw bir-​reqqa lill-​għasafar tas-​sema, għaliex huma ma jiżirgħux żerriegħa jew jaħsdu jew jiġbru fl-​imħażen; xorta waħda Missierkom tas-​sema jitmagħhom. Ma tiswewx intom iktar minnhom? Min minnkom billi jkun anzjuż jistaʼ jżid kubitu wieħed maʼ tul ħajtu? Ukoll, fuq il-​kwistjoni taʼ l-​ilbies, għala intom anzjużi?”—Mattew 6:25-28.

Dawk ċertament li huma mistoqsijiet li jfittxu fil-​qalb f’dawn iż-​żminijiet kritiċi. Imma Ġesù kompla b’dawn il-​kelmiet t’assigurazzjoni: “Ħudu lezzjoni mill-​ġilji taʼ l-​għalqa, kif qegħdin jikbru; huma ma jaħdmux iebes, lanqas ma jinsġu; imma ngħidilkom li lanqas saħansitra Salamun fil-​glorja kollha tiegħu ma kien imdandan bħal wieħed minn dawn. Jekk, issa, Alla libbes hekk lill-​ħxejjex taʼ l-​għalqa, li llum hawn u għada jintefgħu ġewwa l-​forn, kemm iktar se jlibbes lilkom, intom bi ftit fidi? Mela qatt tkunu anzjużi u tgħidu, ‘X’se nieklu?’ jew, ‘X’se nixorbu?’ jew, ‘X’se nilbsu?’ Għax dawn kollha huma l-​affarijiet li l-​ġnus qegħdin jiġru warajhom bil-​ħerqa. Għax Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha. Ibqgħu, allura, fittxu l-​ewwel is-​saltna u t-​tjieba tiegħu, u dawn l-​affarijiet l-​oħrajn kollha se jiġu miżjudin lilkom.”—Mattew 6:28-33.

Żminijiet Aħjar Quddiemna

Hemm kull indikazzjoni li f’ħafna partijiet tad-​dinja, il-​kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li qegħdin jiddeterjoraw se jkomplu jeħżienu. Madankollu, in-​nies t’Alla jagħrfu li dawn il-​kundizzjonijiet huma temporanji. Il-​ħakma glorjuża tas-​Sultan Salamun tat stampa bil-​quddiem taʼ l-​istat taʼ ħakma taʼ tjieba taʼ Sultan aqwa minn Salamun li se jaħkem għal fuq l-​art kollha kemm hi. (Mattew 12:42) Dak is-​Sultan hu Kristu Ġesù, is-​“Sultan tas-​slaten u Mulej tal-​mulejiet.”—Rivelazzjoni 19:16.

Salm 72, li kellu l-​ewwel twettieq rigward is-​Sultan Salamun, jiddeskrivi l-​ħakma grandjuża taʼ Ġesù Kristu. Ikkunsidra xi ftit mill-​affarijiet meraviljużi li jbassar rigward il-​futur tad-​dinja taħt Kristu bħala Sultan.

Kundizzjonijiet Paċifiċi Mad-​Dinja Kollha: “Fi żmienu l-​wieħed twajjeb se jinbet, u l-​abbundanza taʼ paċi sakemm il-​qamar ma jibqax iżjed. U se jkollu sudditi minn baħar sa baħar u mix-​Xmara sa truf l-​art.”—Salm 72:7, 8.

Tħassib Għall-​Wieħed Baxx: “Hu se jeħles lill-​wieħed fqir li qiegħed jgħajjat għall-​għajnuna, ukoll lill-​wieħed milqut u lil kulmin m’għandux ajjutant. Hu se jiddispjaċih għall-​wieħed baxx u għall-​wieħed fqir, u lill-​erwieħ taʼ l-​uħud foqra hu se jsalva. Mill-​moħqrija u mill-​vjolenza hu se jifdi lil ruħhom, u demmhom se jkun prezzjuż f’għajnejh.”—Salm 72:12-14.

Abbundanza Taʼ Ikel: “Se jiġi li jkun hemm kotra taʼ qamħ fuq l-​art; fuq il-​quċċata tal-​muntanji se jkun hemm iżżejjed.”—Salm 72:16.

Il-Glorja Taʼ Jehovah Trid Timla L-​Art: “Ikun imbierek Alla Jehovah, dak Alla taʼ Iżrael, li waħdu qiegħed jagħmel xogħlijiet taʼ l-​għaġeb. U jkun imbierek l-​isem glorjuż tiegħu għal żmien indefinit, u ħalli l-​glorja tiegħu timla l-​art kollha kemm hi.”—Salm 72:18, 19.

Mela verament hemm żminijiet aħjar quddiemna. (w95 8/1)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja