Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
5-11 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 12-13
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 12:20
ftila . . . tnemnem: Lampa komuni fid-djar kienet tikkonsisti f’reċipjent tal-fuħħar mimli biż-żejt taż-żebbuġa. Il-ftila tal-kittien kienet tiġbed iż-żejt biex il-fjamma tibqaʼ tixgħel. L-espressjoni Griega ‘ftila tnemnem’ tistaʼ tirreferi għal ftila li tkun għadha ddaħħan għax ikun għad hemm ġamra imma l-fjamma tkun qed tbatti jew intfiet. Il-profezija taʼ Is 42:3 bassret il-mogħdrija li kien se jkollu Ġesù. Hu qatt ma kien se jitfi l-aħħar xrara taʼ tama tan-nies umli u mgħakksin.
12-18 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 14-15
“Ħafna jiġu mitmugħin minn ftit uħud”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 14:21
minbarra n-nisa u t-tfal żgħar: Mattew biss semma n-nisa u t-tfal żgħar meta kiteb dwar dan il-miraklu. Hu possibbli li f’dan il-miraklu ġew mitmugħin ħafna iktar minn 15,000 ruħ.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 15:7
ipokriti: Il-kelma Griega ħipokrites oriġinalment kienet tirreferi għall-atturi Griegi (u iktar tard Rumani) li kienu jilbsu maskri kbar biex leħinhom jinstemaʼ iktar minn fuq il-palk. It-terminu beda jintuża f’sens metaforiku għal xi ħadd li jaħbi l-intenzjonijiet veri tiegħu jew min hu verament billi juri wiċċ b’ieħor. Ġesù hawnhekk lill-mexxejja reliġjużi Lhud sejħilhom “ipokriti.”—Mt 6:5, 16.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 15:26
tfal . . . ġriewi: Ladarba l-klieb ma kinux nodfa skont il-Liġi Mosajka, l-Iskrittura spiss kienet tuża t-terminu klieb f’sens degradanti. (Le 11:27; Mt 7:6; Flp 3:2; Ri 22:15) Però, fil-konversazzjoni taʼ Ġesù, kemm fir-rakkont taʼ Marku (7:27) u kemm f’taʼ Mattew, il-kelma ntużat f’terminu diminuttiv li jfisser “ġeru” jew “kelb tad-dar,” u b’hekk il-paragun ma kienx daqstant offensiv. Forsi dan kien jindika li Ġesù uża terminu t’affezzjoni għal pets tad-dar li kien ikollhom in-nies mhux Lhud. Billi xebbah l-Iżraelin mat-“tfal” u n-nies mhux Lhud mal-“ġriewi,” Ġesù milli jidher kien qed jindika l-ordni taʼ prijorità. F’dar fejn kien hemm kemm it-tfal u kemm il-klieb, it-tfal kienu jiġu mitmugħin l-ewwel.
19-25 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 16-17
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 16:18
Int Pietru, u fuq din il-blata: Il-kelma Griega petros li hi fil-maskil tfisser “biċċa minn blata; ġebla.” Hawnhekk tintuża bħala isem propju (Pietru), il-forma Griega tal-isem li Ġesù ta lil Xmun. (Ġw 1:42) Il-kelma petra li hi fil-femminil tfisser “blata,” u tistaʼ tagħti s-sens taʼ pedament, irdum, jew blat kbir. Din il-kelma Griega tidher ukoll f’Mt 7:24, 25; 27:60; Lq 6:48; 8:6; Rum 9:33; 1Ko 10:4; 1Pt 2:8. Milli jidher, Pietru ma kienx iqis lilu nnifsu bħala l-blata li fuqha Ġesù kien se jibni l-kongregazzjoni, għax hu stess fl-1Pt 2:4-8 kiteb li Ġesù kien il-“ġebla tax-xewka tal-pedament” li kienet ilha mbassra, magħżula minn Alla nnifsu. B’mod simili, l-appostlu Pawlu rrefera għal Ġesù bħala l-“pedament” u “l-blata spiritwali.” (1Ko 3:11; 10:4) Allura evidentement Ġesù kien qed juża kliem li jixxiebah fil-ħoss u bħallikieku kien qed jgħid: ‘Int, il-wieħed li jien insejjaħlu Pietru, Biċċa Minn Blata, għaraft l-identità vera tal-Kristu, “il-blata,” il-wieħed li se jkun il-pedament tal-kongregazzjoni Kristjana.’
kongregazzjoni: Hawn l-ewwel darba li jidher it-terminu Grieg ekklesija. Dan ġej minn żewġ kelmiet Griegi, ek, li tfisser “barra,” u kaleo, li tfisser “issejjaħ.” Dan it-terminu jirreferi għal grupp taʼ nies li ġew imsejħin jew miġburin flimkien għal skop jew attività partikulari. F’dan il-kuntest, Ġesù jbassar il-formazzjoni tal-kongregazzjoni Kristjana magħmula minn Kristjani midlukin, li bħal “ġebel ħaj” qed ‘jinbnew bħala dar spiritwali.’ (1Pt 2:4, 5) Dan it-terminu Grieg jiġi użat spiss fis-Settanta bħala traduzzjoni ekwivalenti tal-kelma Griega li tiġi tradotta “kongregazzjoni.” Din spiss tirreferi għall-ġens sħiħ tal-poplu t’Alla. (Dt 23:3; 31:30) F’At 7:38, l-Iżraelin li ssejħu mill-Eġittu jiġu msejħa “kongregazzjoni.” B’mod simili, il-Kristjani li ‘ssejħu mid-dlam’ u ‘magħżula mid-dinja’ jagħmlu “l-kongregazzjoni t’Alla.”—1Pt 2:9; Ġw 15:19; 1Ko 1:2.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 16:19
l-imfietaħ tas-Saltna tas-smewwiet: Fil-Bibbja, kemm jekk b’mod letterali u kemm jekk b’mod figurattiv, dawk li jingħataw ċerti mfietaħ, jew ċwievet, jiġu fdati b’ċertu awtorità. (1Kr 9:26, 27; Is 22:20-22) Allura t-terminu “muftieħ” beda jissimbolizza awtorità u responsabbiltà. Pietru uża dawn “l-imfietaħ” li ġew fdati lilu biex bħallikieku jiftaħ il-bieb għal-Lhud (At 2:22-41), għas-Samaritani (At 8:14-17), u għan-nies mhux Lhud (At 10:34-38) ħalli jkollhom l-opportunità li jirċievu l-ispirtu qaddis bil-prospett li jidħlu fis-Saltna tas-sema.
26 taʼ Frar–4 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 18-19
“Oqgħod b’sebgħa għajnejn biex la tfixkel lilek innifsek u lanqas lil oħrajn”
nwtsty noti taʼ studju dwar Mt 18:6, 7
ġebla taʼ mitħna, bħal dik li jdawwar ħmar: Jew “ġebla taʼ mitħna kbira.” Letteralment “ġebla taʼ mitħna taʼ ħmar.” Ġebla taʼ mitħna bħal din, li x’aktarx kien ikollha dijametru taʼ metru punt tnejn sa metru punt ħamsa, tant kienet tkun tqila li kienet tiġi mdawra minn ħmar.
tfixkil: Hu maħsub li t-tifsir oriġinali tal-kelma Griega skandalon, li tiġi tradotta “tfixkil,” tirreferi għal nassa. Xi wħud jissuġġerixxu li tirreferi għall-injama li magħha kienet tkun imwaħħla l-lixka ġon-nassa. Imbagħad bdiet tirreferi għal kwalunkwe ħaġa li ġġiegħel lil xi ħadd jitfixkel jew jaqaʼ. F’sens figurattiv, din tirreferi għal azzjoni jew ċirkostanza li twassal lil persuna biex taqbad triq ħażina, tniggeż jew tmur kontra l-kuxjenza, jew taqaʼ fid-dnub. F’Mt 18:8, 9, il-verb relatat skandalizo, li jiġi tradott “ifixkel,” jistaʼ jiġi tradott ukoll “isir nassa; jikkaġuna d-dnub.”
nwtsty midja
Ġebla taʼ mitħna
Il-ġebel tal-mitħna kienu jintużaw biex jitħnu ż-żrieragħ u biex joħorġu ż-żejt miż-żebbuġ. Xi ftit minnhom kienu żgħar u setgħu jiġu mdawra bl-idejn, imma oħrajn tant kienu kbar li kellhom jiġu mdawra minn annimal. Jistaʼ jkun li kienet ġebla taʼ mitħna kbira simili għal din li Sansun ġie mġiegħel idawwar mill-Filistin. (Mħ 16:21) Il-mitħna li tiġi mdawra minn annimal ma kinitx komuni biss f’Iżrael imma fil-biċċa l-kbira tal-Imperu Ruman.
Il-ġebel taʼ fuq u taʼ taħt tal-mitħna
Ġebla taʼ mitħna kbira bħal dik li tidher hawnhekk kienet tiġi mdawra minn annimal domestiku, bħall-ħmar, u kienet tintuża biex titħan iż-żrieragħ u ż-żebbuġ. Il-ġebla taʼ mitħna taʼ fuq setaʼ jkollha dijametru taʼ metru u nofs u kienet tiġi mdawra fuq ġebla taʼ mitħna saħansitra akbar.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 18:9
Geħenna: Dan it-terminu ġej mill-kliem Ebrajk geħ ħinnom, li jfisser “Wied Ħinnom,” li kien lejn in-naħa tal-Punent u n-Nofsinhar taʼ Ġerusalemm tal-qedem. (Ara sdg 16A, il-mappa “Ġerusalemm u l-inħawi tal-madwar.”) Sa żmien Ġesù, il-wied kien sar post fejn jinħaraq l-iskart, allura l-kelma “Geħenna” kienet simbolu xieraq taʼ qerda totali.
nwtstg Glossarju
Geħenna
L-isem Grieg għall-Wied Ħinnom. Dan kien fil-Lbiċ taʼ Ġerusalemm tal-qedem. (Ġer 7:31) B’mod profetiku dan kien jirreferi għal post fejn kienu jiġu mitfugħa l-iġsma mejta. (Ġer 7:32; 19:6) M’hemmx evidenza li xi annimali jew bnedmin kienu jiġu mitfugħa f’Geħenna biex jinħarqu ħajjin jew jiġu turmentati. Allura l-post ma setax jissimbolizza wieħed inviżibbli fejn ir-ruħ tal-bniedem tiġi tturmentatha għall-eternità f’nar litterali. Minflok, Ġesù u d-dixxipli tiegħu użaw il-kelma Geħenna biex jissimbolizzaw il-kastig etern tat-“tieni mewt,” jiġifieri qerda dejjiema u totali.—Ri 20:14; Mt 5:22; 10:28.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 18:10
jaraw wiċċ Missieri: Jew “għandhom aċċess għal ħdejn Missieri.” Peress li jistgħu jmorru quddiem il-preżenza stess t’Alla, il-ħlejjaq spirti biss jistgħu jaraw wiċċ Alla.—Eżo 33:20.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 18:22
sebgħa u sebgħin darba: Letteralment “sebgħin għal sebgħa.” Din l-espressjoni Griega tistaʼ tinftiehem “70 u 7” (77 darba) jew “70 għal 7” (490 darba). L-istess frażi tinsab fis-Settanta f’Ġen 4:24 fejn l-espressjoni Ebrajka tiġi tradotta “77 darba,” u din hi fi qbil mat-traduzzjoni “77 darba” fl-Iskrittura Griega. Tinftiehem kif tinftiehem, ir-ripetizzjoni tan-numru sebgħa kien ekwivalenti għal “indefinit” jew “bla limitu.” Billi biddel l-espressjoni taʼ Pietru minn 7 għal 77 darba, Ġesù kien qed jgħid lis-segwaċi tiegħu biex ma jpoġġux limitu fuq kemm-il darba għandhom jaħfru. B’kuntrast għal dan, it-Talmud Babiloniż (Joma 86b) jgħid: “Jekk raġel jidneb darba, darbtejn, jew tliet darbiet, għandu jinħafer, però r-rabaʼ darba ma jiġix maħfur.”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 19:7
ċertifikat taʼ tkeċċija: Jew “ċertifikat tad-divorzju.” Skont il-Liġi, raġel li kien qed jikkunsidra li jiddivorzja kellu jipprepara dokument legali u x’aktarx kellu jieħu parir mingħand ix-xjuħ, jiġifieri l-irġiel t’awtorità. B’hekk, din tat lir-raġel iż-żmien biex jerġaʼ jikkunsidra deċiżjoni serja bħal din. L-iskop tal-Liġi evidentement kien biex id-divorzju ma jsirx taʼ malajr malajr u wkoll biex jipprovdi ammont taʼ sigurtà legali lin-nisa. (Dt 24:1) Imma fi żmien Ġesù, il-mexxejja reliġjużi kienu għamluha faċli biex dak li jkun jikseb divorzju. L-istorjografu tal-ewwel seklu Ġużeppi Flavju, li hu nnifsu kien Fariżew divorzjat, ta x’jifhem li xi ħadd setaʼ jiddivorzja “għal kull ħaġa taʼ xejn (u f’ħafna każi kienu l-irġiel li kienu jsibu dik ix-xi ħaġa).”
nwtsty midja
Ċertifikat tad-divorzju
Dan iċ-ċertifikat tad-divorzju, li jmur lura għas-sena 71 jew 72 wara Kristu, kien miktub bl-Aramajk. Dan instab fin-naħa tat-Tramuntana taʼ Wied Murabbaat, fid-deżert tal-Lhudija. Fih hemm miktub li fis-sitt sena tar-rewwixta Lhudija, Ġużeppi, bin Naqsan, li kien jgħix fil-belt taʼ Masada, iddivorzja lil Mirjam, bint Ġonatan.