Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
2-8 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 26
“Il-Qbiż u t-Tifkira—Ix-xebh u d-differenzi”
nwtsty midja
L-ikla tal-Qbiż
Affarijiet bżonjużi għall-ikla tal-qbiż kienu: ħaruf mixwi (ma kellha titkisser l-ebda għadma tal-annimal) (1); ħobż bla ħmira (2); u ħxejjex morri (3). (Eżo 12:5, 8; Nu 9:11) Skont il-Mixna, ktieb antik tal-Lhud, il-ħxejjex morri setgħu kienu ħass, ċikwejra, jew indivja. Milli jidher dan kien ifakkar lill-Iżraelin fil-jasar kiefer li kellhom fl-Eġittu. Ġesù uża l-ħobż bla ħmira bħala simbolu tal-ġisem uman perfett tiegħu. (Mt 26:26) U l-appostlu Pawlu sejjaħ lil Ġesù l-ħaruf tal-Qbiż tagħna. (1Ko 5:7) Sal-ewwel seklu, anki l-inbid (4) kien sar parti mill-ikla tal-Qbiż. Ġesù uża l-inbid bħala simbolu taʼ demmu, li kien se jitferraʼ bħala sagrifiċċju.—Mt 26:27, 28.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 26:26
jirrappreżenta: Il-kelma Griega estin, li litteralment tfisser “hu,” hawnhekk tintuża fis-sens taʼ “jissinifika; jissimbolizza; jimplika; ifisser.” Dan il-ħsieb kien evidenti għall-appostli. F’din l-okkażjoni, quddiemhom kellhom kemm il-ġisem perfett taʼ Ġesù kif ukoll il-ħobż bla ħmira li kienu se jieklu. Għaldaqstant, ma jistax ikun li l-ħobż kien il-ġisem litterali tiegħu. Taʼ interess, l-istess kelma Griega tintuża f’Mt 12:7, u ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċuha “jfisser.”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 26:28
demm . . . tal-patt: Il-patt il-ġdid, bejn Ġeħova u l-Kristjani midlukin, sar validu bis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. (Eb 8:10) Hawnhekk Ġesù uża l-istess espressjoni li uża Mosè meta aġixxa bħala medjatur u inawgura l-patt tal-Liġi mal-Iżraelin ħdejn il-Muntanja Sinaj. (Eżo 24:8; Eb 9:19-21) Bħalma d-demm tal-barrin u l-mogħoż għamel validu l-patt tal-Liġi bejn Alla u l-ġens taʼ Iżrael, id-demm taʼ Ġesù għamel validu l-patt il-ġdid li Ġeħova kien se jagħmel maʼ Iżrael spiritwali. Dan il-patt daħal fis-seħħ f’Pentekoste tas-sena 33 wara Kristu.—Eb 9:14, 15.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 26:17
Fl-ewwel jum tal-festa tal-ħobż bla ħmira: Il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira kienet tibda fil-15 taʼ Nisan, l-għada tal-Qbiż (14 taʼ Nisan), u kienet iddum sebat ijiem. (Ara sgd 19.) Madankollu, sa żmien Ġesù, il-Qbiż tant kien sar konness maʼ din il-festa li t-tmint ijiem sħaħ, inkluż l-14 taʼ Nisan, kultant kienu jissejħu “l-festa tal-ħobż bla ħmira.” (Lq 22:1) F’dan il-kuntest, il-frażi “Fl-ewwel jum” setgħet tiġi tradotta “Fil-jum taʼ qabel.” (Qabbel Ġw 1:15, 30. Hawnhekk il-kelma Griega “l-ewwel” [protos] ġiet tradotta ‘qabel’ fil-frażi “eżista qabli.” Il-kelma “qabli” tikkonsisti fil-kliem ‘qabel’ [protos] u l-pronom mehmuż ‘li’ li jfisser jien.) Allura skont il-Grieg oriġinali, kif ukoll skont id-drawwa tal-Lhud, jistaʼ jkun li d-dixxipli saqsew il-mistoqsija lil Ġesù fit-13 taʼ Nisan. Matul il-ġurnata tat-13 taʼ Nisan, id-dixxipli għamlu preparazzjonijiet għall-Qbiż, li ġie ċċelebrat iktar tard “fil-għaxija,” jiġifieri fil-bidu tal-14 taʼ Nisan.—Mk 14:16, 17.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 26:39
ħa jitwarrab minni dan il-kies: Fil-Bibbja, il-kelma “kies” spiss tintuża b’mod figurattiv u tfisser ir-rieda t’Alla għall-persuna, jew l-inkarigu assenjat lilha. Peress li Ġesù kien se jiġi maqtul minħabba li ġie akkużat bħala midgħi u ribelluż, hu żgur li kien inkwetat ħafna fuq it-tmaqdir li mewtu setgħet iġġib fuq Alla. Kien għalhekk li hu talab biex jitwarrab minnu dan “il-kies.”
9-15 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MATTEW 27-28
“Morru agħmlu dixxipli—Għala, fejn, u kif?”
nwtsty noti taʼ studju dwar Mt 28:19
agħmlu dixxipli: Il-verb Grieg matetteju jistaʼ jiġi tradott “għallmu” bil-ħsieb li nagħmlu segwaċi jew dixxipli. (Qabbel kif intużat f’Mt 13:52, fejn ġiet tradotta “jitgħallem.”) Il-verbi “għammdu” u “għallmu” juru x’hemm involut fil-kmand “agħmlu dixxipli.”
nies tal-ġnus kollha: Traduzzjoni letterali tgħid “il-ġnus kollha,” imma l-kuntest juri li dan it-terminu jirreferi għal individwi mill-ġnus kollha. Jistaʼ jingħad hekk għax fil-Grieg il-kelma “ġnus” la hi fil-maskil u lanqas fil-femminil, imma ladarba l-pronom Grieg “lilhom” fl-espressjoni għammduhom qiegħed fil-maskil, allura jirreferi għal individwi. Il-kmand biex id-dixxipli jilħqu lin-“nies tal-ġnus kollha” kien wieħed ġdid. Qabel il-ministeru taʼ Ġesù, l-Iskrittura kienet turi li l-Ġentili kienu milqugħa f’Iżrael jekk kienu jmorru biex iqimu lil Ġeħova. (1Sl 8:41-43) Imma b’dan il-kmand, Ġesù kien qed jinkariga lid-dixxipli tiegħu biex ix-xogħol tal-ippritkar isir fuq skala akbar, u b’hekk ma kellhomx jippritkaw lil-Lhud biss. Allura, kien qed jenfasizza li x-xogħol li jagħmlu dixxipli Kristjani kien se jiġi mifrux mad-dinja kollha.—Mt 10:1, 5-7; Ri 7:9.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 28:20
għallmuhom: Il-kelma Griega tradotta “tgħallem” tinvolvi li tistruwixxi, tispjega, tirraġuna, u tagħti provi. (Ara noti taʼ studju dwar Mt 3:1; 4:23.) Li tgħallem lin-nies josservaw dak kollu li Ġesù kkmanda hu proċess kontinwu. Dan jinkludi li tgħallem dak li għallem, tapplika t-tagħlim tiegħu, u ssegwi l-eżempju tiegħu.—Ġw 13:17; Ef 4:21; 1Pt 2:21.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar Mt 27:51
purtiera: Dan id-drapp mill-isbaħ kien jifred l-Iktar Qaddis mill-Qaddis fit-tempju. Tradizzjoni Lhudija tindika li din il-purtiera tqila kienet twila madwar 18-il metru, wiesgħa 9 metri, u ħoxna 7.4 ċentimetri. Billi ċarrat il-purtiera fi tnejn, Ġeħova ma weriex biss ir-rabja tiegħu kontra l-qattiela taʼ Ibnu imma wkoll li dan kien jissinifika li issa kien possibbli li xi wħud setgħu jidħlu fis-sema.—Eb 10:19, 20.
santwarju: Il-kelma Griega naos hawnhekk tirreferi għall-binja ċentrali li kellha l-Qaddis u l-Iktar Qaddis.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mt 28:7
għidu lid-dixxipli tiegħu li ġie mqajjem: Dawn in-nisa mhux biss kienu l-ewwel dixxipli li ntqalilhom li Ġesù ġie rxoxtat imma wkoll kienu l-uħud li ntqalilhom biex jinformaw b’dan lid-dixxipli l-oħra. (Mt 28:2, 5, 7) Skont tradizzjoni Lhudija mhux Skritturali, mara ma setgħetx tixhed f’qorti. Għall-kuntrarju, l-anġlu taʼ Ġeħova wera dinjità lin-nisa billi tahom dan l-inkarigu mill-isbaħ.
16-22 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MARKU 1-2
“Dnubietek maħfurin”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 2:9
X’inhu l-eħfef: Hu faċli li xi ħadd jgħid li jistaʼ jaħfer id-dnubiet, ladarba m’hemm bżonn l-ebda prova biex juri li dak li jkun qed jgħid hu minnu. Imma biex jgħid, Qum . . . u imxi, kien jeħtieġ li jsir miraklu li jagħmilha ovvja għal kulħadd li Ġesù kellu l-awtorità biex jaħfer id-dnubiet. Dan ir-rakkont u Is 33:24 jagħmlu konnessjoni bejn il-mard u l-kundizzjoni midinba tagħna.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar Mk 1:11
ġie leħen mis-smewwiet: Din hi l-ewwel darba mit-tliet darbiet li tidher fl-Evanġelji fejn Ġeħova tkellem direttament mal-bnedmin.—Ara noti taʼ studju dwar Mk 9:7; Ġw 12:28.
Int Ibni: Bħala spirtu, Ġesù kien l-Iben t’Alla. (Ġw 3:16) Minn kif twieled bħala bniedem, Ġesù kien “bin Alla,” raġel perfett bħalma kien Adam. (Lq 1:35; 3:38) Madankollu, jidher li hu raġunevoli li hawnhekk il-kliem t’Alla jmur lil hinn minn sempliċi stqarrija dwar l-identità taʼ Ġesù. B’din id-dikjarazzjoni flimkien mal-ispirtu li ġie mferraʼ fuqu, Alla milli jidher indika li dan ir-raġel Ġesù kien maħluq bħala l-Iben spiritwali Tiegħu, ‘imwieled mill-ġdid’ bit-tama li jmur lura għall-ħajja fis-sema u midluk bl-ispirtu biex ikun is-Sultan u l-Qassis il-Kbir maħtur minn Alla.—Ġw 3:3-6; 6:51; Qabbel Lq 1:31-33; Eb 2:17; 5:1, 4-10; 7:1-3.
jien approvajtek: Jew “jien nieħu pjaċir ħafna bik; fik sibt l-għaxqa tiegħi.” Espressjoni simili tintuża f’Mt 12:18, li hi kwotazzjoni minn Is 42:1 rigward il-Messija, jew il-Kristu, imwiegħed. It-tferrigħ tal-ispirtu qaddis u d-dikjarazzjoni t’Alla rigward Ibnu kienu identifikazzjoni ċara li Ġesù hu l-Messija mwiegħed.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 2:28
is-Sid tas-Sabat: Ġesù applika din l-espressjoni għalih innifsu (Mt 12:8; Lq 6:5), u b’hekk indika li hu setaʼ juża s-Sabat biex jagħmel ix-xogħol li kkmandah Missieru tas-sema. (Qabbel Ġw 5:19; 10:37, 38.) Fis-Sabat, Ġesù wettaq xi mirakli li l-iktar spikkaw, fosthom fejjaq lill-morda. (Lq 13:10-13; Ġw 5:5-9; 9:1-14) Dan kien juri bil-quddiem x’serħan se jkun hemm matul it-tmexxija tas-Saltna tiegħu, li se tkun bħall-mistrieħ tas-sabat.—Eb 10:1.
23-29 t’April
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MARKU 3-4
“Ifejjaq f’jum is-Sabat”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 3:5
uriehom li ma ħax pjaċir, peress li kien imnikket għall-aħħar: Ir-rakkont taʼ Marku biss isemmi r-reazzjoni taʼ Ġesù meta ra l-ebusija tal-qlub tal-mexxejja reliġjużi f’din il-ġrajja. (Mt 12:13; Lq 6:10) Jistaʼ jkun li kien Pietru, li hu stess kien raġel b’emozzjonijiet qawwija, li kien is-sors taʼ din id-deskrizzjoni ċara tas-sentimenti taʼ Ġesù.—Ara l-vidjow “Introduzzjoni għal Marku.”
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar Mk 3:29
jidgħi kontra l-ispirtu qaddis: Dan id-dagħa jirreferi għall-kliem taʼ malafama, kliem li jweġġaʼ, jew tgħajjir kontra Alla jew kontra l-affarijiet sagri. Ladarba l-ispirtu qaddis ġej minn Alla nnifsu, li xi ħadd jopponi apposta jew jiċħad ix-xogħol tiegħu hu bħallikieku jkun qed jidgħi kontra Alla. Bħalma jidher f’Mt 12:24, 28 u Mk 3:22, il-mexxejja reliġjużi Lhud raw l-ispirtu t’Alla jaħdem f’Ġesù hekk kif wettaq il-mirakli, imma minkejja dan huma qalu li din il-qawwa kienet ġejja minn Satana x-Xitan.
ħati taʼ dnub għal dejjem: Dan jidher li jirreferi għal dnub apposta li għandu konsegwenzi dejjiema; m’hemm l-ebda sagrifiċċju li jgħatti dan id-dnub.—Ara n-nota taʼ studju jidgħi kontra l-ispirtu qaddis f’dan il-vers.
GĦIX BĦALA KRISTJAN
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 4:9
Min għandu widnejn biex jismaʼ, ħa jismaʼ: Qabel qal it-tixbiha tar-raġel li mar jiżraʼ, Ġesù qal: “Isimgħu.” (Mk 4:3) Hu kkonkluda t-tixbiha b’dan il-kliem, u b’hekk enfasizza lis-segwaċi tiegħu kemm hu importanti li jagħtu kas sew dan il-parir. Pariri simili nsibuhom f’Mt 11:15; 13:9, 43; Mk 4:23; Lq 8:8; 14:35; Ri 2:7, 11, 17, 29; 3:6, 13, 22; 13:9.
30 t’April–6 taʼ Mejju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MARKU 5-6
“Ġesù għandu l-qawwa li jirxoxta lill-maħbubin tagħna”
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 5:39
mhix mejta, imma rieqda: Fil-Bibbja, il-mewt spiss titqabbel mal-irqad. (Sa 13:3; Ġw 11:11-14; At 7:60; 1Ko 7:39; 15:51; 1Te 4:13) Ġesù kien se jerġaʼ jagħti l-ħajja lit-tifla, allura għandu mnejn qal dan biex juri li bħalma n-nies jistgħu jitqajmu minn raqda fil-fond, huma jistgħu jitqajmu mill-mewt. Il-qawwa taʼ Ġesù biex jirxoxta lit-tifla kienet ġejja minn Missieru, “li jagħti l-ħajja lill-mejtin u jsejjaħ l-affarijiet li ma jeżistux bħallikieku jeżistu.”—Rum 4:17.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 5:19
għidilhom: Maʼ min kien jagħmel miraklu, Ġesù normalment kien jgħidlu biex ma jgħid xejn dwar dan (Mk 1:44; 3:12; 7:36), imma f’dan il-każ lir-raġel qallu biex jgħid lil qrabatu dwar dak li ġara. Ġesù għandu mnejn għamel hekk minħabba li ġie mitlub jitlaq mir-reġjun, u għaldaqstant ma setax jagħtihom xhieda persunalment. Dan ukoll kien iġib fix-xejn xi akkużi negattivi li setgħu nfirxu dwar it-telfa tal-ħnieżer.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 6:11
farfru t-trab minn taħt saqajkom: Dan il-ġest kien jissinifika li d-dixxipli ma kinux se jieħdu r-responsabbiltà għall-konsegwenzi li kienu se jiġu mingħand Alla. Espressjoni simili qiegħda f’Mt 10:14 u Lq 9:5. Marku u Luqa jżidu l-espressjoni bħala xhieda għalihom [jew, “kontrihom”]. Pawlu u Barnaba segwew din l-istruzzjoni f’Antjokja fil-Pisidja (At 13:51), u meta Pawlu għamel xi ħaġa simili f’Korintu billi farfar ħwejġu, hu spjega dan billi qal: “Ħa jkun demmkom fuq raskom. Jien nadif.” (At 18:6) Ġesti bħal dawn jaf diġà kienu familjari mad-dixxipli; Lhud li kienu jilagħbuha tal-qaddisin u li kienu jgħaddu minn xi pajjiż mhux Lhudi kienu jfarfru dak li f’għajnejhom kien trab mhux nadif mis-sandlijiet tagħhom qabel ma jerġgħu jidħlu fit-territorju Lhudi. Però, Ġesù kellu ħsieb differenti meta ta dawn l-istruzzjonijiet lid-dixxipli tiegħu.