Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
4-10 taʼ Ġunju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | MARKU 15-16
“Ġesù wettaq il-profeziji”
nwtsty noti taʼ studju dwar Mk 15:24, 29
qassmu ħwejġu: Ir-rakkont fi Ġw 19:23, 24 jagħti iktar dettalji li ma jissemmewx f’Mattew, Marku, u Luqa: Milli jidher, is-suldati Rumani tellgħu bix-xorti kemm il-ħwejjeġ taʼ fuq u kemm taʼ taħt; is-suldati qasmu l-ħwejjeġ taʼ fuq “f’erbaʼ partijiet, parti għal kull suldat”; huma ma ridux jaqsmu l-libsa taʼ taħt, allura tellgħuha bix-xorti; u li l-ħwejjeġ tal-Messija ttellgħu bix-xorti wettaq Sa 22:18. Milli jidher, kienet drawwa li dawk li kienu jagħmlu l-esekuzzjoni jżommu l-ħwejjeġ tal-vittma. Il-fatt li lill-kriminali qabel joqtluhom kienu jneħħulhom il-ħwejjeġ u jiħdulhom l-affarijiet li jkollhom fuqhom kien jagħmel it-tortura iktar umiljanti.
ixenglu rashom: Ġeneralment, maʼ dan il-ġest kien ikun hemm ukoll twaqqigħ għaċ-ċajt, diżrispett, jew tgħajjir. Mingħajr ma jaf, min għadda minn hemm wettaq il-profezija li nsibu f’Sa 22:7.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 15:43
Ġużeppi: Li l-kittieba tal-Evanġelji kienu differenti jidher mid-diversi dettalji li taw dwar Ġużeppi. Il-kollettur tat-taxxi Mattew innota li Ġużeppi kien “raġel għani”; Marku, li l-kitba tiegħu primarjament kienet għar-Rumani, jgħid li kien “membru rispettabbli tal-Kunsill” li kien qed jistenna s-Saltna t’Alla; Luqa, li kien tabib li jħoss għal oħrajn, jgħid li kien “raġel tajjeb u ġust” li ma vvotax favur l-azzjoni tal-Kunsill kontra Ġesù; Ġwanni biss jgħid li Ġużeppi kien ‘dixxiplu taʼ Ġesù bil-moħbi għax kien jibżaʼ mil-Lhud.’—Mt 27:57-60; Mk 15:43-46; Lq 23:50-53; Ġw 19:38-42.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 15:25
it-tielet siegħa: Jiġifieri madwar id-9 a.m. Xi wħud jgħidu li hemm differenza bejn dan ir-rakkont u dak li hemm fi Ġw 19:14-16, li jgħid li kien “madwar is-sitt siegħa” meta Pilatu ta lil Ġesù biex jiġi maqtul. Għalkemm l-Iskrittura ma tispjegax għalkollox id-differenza, hawnhekk se ssib xi fatti li għandek tikkunsidrahom: Normalment, ir-rakkonti tal-Evanġelji jaqblu bejniethom dwar fi x’ħin seħħew il-ġrajjiet tal-aħħar jum taʼ Ġesù fuq l-art. L-erbaʼ rakkonti jindikaw li l-qassisin u x-xjuħ iltaqgħu wara li sebaħ u li mbagħad ħadu lil Ġesù għand il-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu. (Mt 27:1, 2; Mk 15:1; Lq 22:66–23:1; Ġw 18:28) Mattew, Marku, u Luqa lkoll jgħidu li Ġesù kien diġà fuq iz-zokk meta waqgħet dalma fuq l-art kollha “mis-sitt siegħa . . . sad-disaʼ siegħa.” (Mt 27:45, 46; Mk 15:33, 34; Lq 23:44) Fattur li jistaʼ jkollu impatt fuq il-ħin li Ġesù ġie maqtul hu dan: Xi wħud kienu jikkunsidraw l-ifflaġellar, jew is-swat bil-frosta, bħala parti mill-proċess tal-esekuzzjoni. Xi kultant l-ifflaġellar tant kien ikun aħrax li l-vittma kienet tmut. Fil-każ taʼ Ġesù, kien aħrax biżżejjed li kien hemm bżonn taʼ xi ħadd ieħor biex ikompli jġorr iz-zokk tat-tortura wara li Ġesù kien beda jġorru waħdu. (Lq 23:26; Ġw 19:17) Jekk l-ifflaġellar kien meqjus bħala l-bidu tal-proċedura tal-esekuzzjoni, allura kien għadda ħin mhux ħażin sakemm Ġesù ġie msammar fuq iz-zokk tat-tortura. Bħala appoġġ taʼ dan, Mt 27:26 u Mk 15:15 isemmu l-ifflaġellar flimkien mal-esekuzzjoni fuq iz-zokk. Għaldaqstant, individwi differenti setgħu jagħtu ħinijiet differenti taʼ x’ħin saret l-esekuzzjoni. Dan jiddependi minn meta kienu jqisu li beda l-proċess. Dan jistaʼ juri għala Pilatu baqaʼ skantat meta sar jaf li Ġesù miet ftit ħin biss wara li ġie msammar maz-zokk tat-tortura, forsi għax Pilatu kien iqis li l-esekuzzjoni kienet għadha kif bdiet. (Mk 15:44) Barra minn hekk, il-kittieba tal-Bibbja spiss kienu jaqsmu l-ġurnata f’erbaʼ partijiet taʼ tliet sigħat kull waħda u anki għal-lejl kienu jagħmlu hekk. Din kienet id-drawwa taʼ dak iż-żmien. Il-fatt li l-jum kien jiġi maqsum b’dak il-mod jispjega għala spiss kien hemm referenzi għat-tielet, is-sitt, u d-disaʼ siegħa li kienu jgħodduhom minn tlugħ ix-xemx madwar is–6:00 a.m. (Mt 20:1-5; Ġw 4:6; At 2:15; 3:1; 10:3, 9, 30) Ukoll, in-nies inġenerali ma kellhomx affarijiet li juru l-ħin bl-eżatt bħal arloġġi, allura mal-ħin tal-jum spiss kienu jżidu l-kelma “madwar,” bħalma nsibu fi Ġw 19:14. (Mt 27:46; Lq 23:44; Ġw 4:6; At 10:3, 9) Bħala sommarju: Marku għandu mnejn inkluda kemm l-ifflaġellar u kemm meta Ġesù ġie msammar maz-zokk, filwaqt li Ġwanni rrefera biss għall-ħin li Ġesù ġie msammar maz-zokk. Iż-żewġ kittieba jistaʼ jkun li użaw il-ħin tal-jum li kien l-eqreb tal-perjodu tat-tliet sigħat, u Ġwanni uża l-kelma “madwar” meta rrefera għall-ħin li ta. Forsi hu minħabba dawn il-fatturi li hemm differenza fil-ħinijiet li jissemmew fir-rakkonti. Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatt li Ġwanni, li kiteb ir-rakkont tiegħu għexur taʼ snin wara, inkluda ħin li jidher li hu differenti minn dak taʼ Marku juri li Ġwanni ma qabadx u kkopja r-rakkont taʼ Marku.
nwtsty nota taʼ studju dwar Mk 16:8
għax kienu mbeżżgħin: Skont l-iktar manuskritti antiki tal-aħħar parti tal-ktieb taʼ Marku, l-Evanġelju jispiċċa bil-kliem li nsibu f’vers 8. Xi wħud jgħidu li ma jistax ikun li l-konklużjoni oriġinali spiċċat daqshekk ħesrem. Però, meta nqisu l-istil konċiż taʼ kif kien jikteb Marku, dak li jsostnu mhux bilfors li hu validu. Ukoll, l-istudjużi tar-rabaʼ seklu Ġirolmu u Ewsebju jindikaw li r-rakkont oriġinali jispiċċa bil-kliem “għax kienu mbeżżgħin.”
Hemm għadd taʼ manuskritti Griegi u traduzzjonijiet f’lingwi oħra li jżidu konklużjoni qasira jew twila wara vers 8. Il-konklużjoni t-twila (li tikkonsisti minn 12-il vers ieħor) tinsab fil-Codex Alexandrinus, il-Codex Ephraemi Syri rescriptus, u l-Codex Bezae Cantabrigiensis, li lkoll huma tal-ħames seklu WK. Tidher ukoll fil-Vulgata Latina, il-Curetonian Syriac, u s-Syriac Peshitta. Madankollu, din ma tidhirx fiż-żewġ manuskritti Griegi li nkitbu qabel, il-Codex Sinaiticus u l-Codex Vaticanus tar-rabaʼ seklu, u lanqas fil-Codex Sinaiticus Syriacus tar-rabaʼ jew il-ħames seklu jew fl-ewwel manuskritt taʼ Marku bis-Sahidic Coptic tal-ħames seklu. B’mod simili, l-iktar manuskritti antiki taʼ Marku bl-Armen u bil-Ġorġjan jispiċċaw bil-vers 8.
Ċerti manuskritti Griegi u traduzzjonijiet f’lingwi oħra li nkitbu iktar tard, fihom konklużjoni qasira (li tikkonsisti biss minn żewġ sentenzi). Il-Codex Regius tat-tmien seklu fih iż-żewġ konklużjonijiet u jsemmi l-ewwel il-konklużjoni l-qasira. Qabel kull konklużjoni hemm nota li tgħid li dawn is-siltiet kienu aċċettati jew użati minn xi awtoritajiet jew esperti, għalkemm milli jidher ma jqisu l-ebda waħda minnhom bħala li għandha awtorità.
KONKLUŻJONI QASIRA
Il-konklużjoni l-qasira wara Mk 16:8 mhijiex parti mill-Iskrittura ispirata. Din tgħid dan li ġej:
Imma huma rrakkontaw fil-qosor lil dawk taʼ madwar Pietru kulma ġew kmandati. Ukoll, wara dan, Ġesù nnifsu bagħat permezz tagħhom mil-lvant sal-punent il-proklamazzjoni qaddisa li ma titħassarx tas-salvazzjoni taʼ dejjem.
KONKLUŻJONI TWILA
Il-konklużjoni t-twila wara Mk 16:8 mhijiex parti mill-Iskrittura ispirata. Din tgħid dan li ġej:
9 Wara li qam mill-imwiet kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa deher l-ewwel lil Marija l-Maddalena, li minnha kien keċċa sebaʼ demonji. 10 Hi marret u rrakkontat lil dawk li kienu jkunu miegħu, għax kienu qed jitnikktu u jibku. 11 Imma huma m’emmnux meta semgħu li kien reġaʼ ħa l-ħajja u li kienet ratu. 12 Iktar minn hekk, wara dan, deher b’sura oħra lil tnejn minnhom li kienu mexjin fi triqithom lejn il-kampanja; 13 u ġew lura u qalu lill-bqija. Iżda lanqas lil dawn m’emmnu. 14 Imma iktar tard deher lill-ħdax waqt li kienu mal-mejda, u ċanfarhom għan-nuqqas taʼ fidi tagħhom u għall-ebusija taʼ qalbhom, għax ma kinux emmnuhom lil dawk li issa kienu rawh imqajjem mill-imwiet. 15 U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw l-aħbar tajba lill-ħolqien kollu. 16 Min jemmen u jitgħammed jiġi salvat, imma min ma jemminx jiġi kundannat. 17 Ukoll, se jkun hemm dawn is-sinjali maʼ dawk li jemmnu: F’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu bl-ilsna, 18 jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi ħaġa li ġġib il-mewt żgur ma tweġġagħhomx. Iqiegħdu idejhom fuq il-morda, u dawn ifiqu.”
19 Għalhekk, mela, wara li kellimhom, il-Mulej Ġesù ttieħed ’il fuq fis-sema u qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin t’Alla. 20 Għaldaqstant huma ħarġu jippridkaw kullimkien, waqt li l-Mulej ħadem magħhom u appoġġa l-messaġġ permezz tas-sinjali li kienu jsiru.
11-17 taʼ Ġunju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 1
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 1:69
qarn taʼ salvazzjoni: Jew “salvatur setgħan.” Fil-Bibbja, il-qrun t’annimal spiss jirrappreżenta saħħa, konkwista, u rebħa. (1Sa 2:1; Sa 75:4, 5, 10; 148:14; ntt.) Anki mexxejja u dinastiji, kemm tajbin u kemm ħżiena, huma rappreżentati minn qrun, u dak li jirnexxilhom jikkonkwistaw ġie mxebbah maʼ li jimbottaw bil-qrun. (Dt 33:17; Da 7:24; 8:2-10, 20-24) F’dan il-kuntest, l-espressjoni “qarn taʼ salvazzjoni” tirreferi għall-Messija bħala l-wieħed li għandu l-qawwa biex isalva, salvatur setgħan.
nwtsty noti taʼ studju dwar Lu 1:76
tmur quddiem Ġeħova minn qabel: Ġwanni l-Battista kien se jmur “quddiem Ġeħova minn qabel” fis-sens li kien se jħejji t-triq għal Ġesù. Ġesù kien se jirrappreżenta lil Missieru u kien ġej f’isem Missieru.—Ġw 5:43; 8:29; ara n-nota taʼ studju dwar Ġeħova f’dan il-vers.
Ġeħova: Il-kliem profetiku taʼ Żakkarija fit-tieni parti taʼ dan il-vers jixbah l-espressjonijiet li nsibu f’Is 40:3 u Mal 3:1, fejn l-isem divin, li hu rrappreżentat minn erbaʼ konsonanti Ebrajċi (li jiġu tradotti JĦWH), jidher fit-test Ebrajk oriġinali. Skont il-kuntest taʼ dawn l-espressjonijiet fl-Iskrittura Ebrajka, l-isem divin kien fit-test prinċipali, għalkemm il-manuskritti Griegi li jeżistu jużaw il-kelma Kirjos (Mulej). Barra minn hekk, hu taʼ min jinnota li f’dan il-vers, bħal ħafna drabi oħra fejn tidher Kirjos f’Luqa kapitlu 1, l-artiklu definit Grieg ma ġiex inkluż qabel il-kelma Kirjos bħalma hu suppost skont ir-regoli tal-grammatika, u dan jindika li Kirjos hu isem. Ukoll, għadd taʼ traduzzjonijiet tal-Bibbja jużaw kliem bħal Jehovah, Yahveh, Jaħweh, יהוה (JĦWH, jew it-Tetragrammaton), MULEJ, u ADONAJ fit-test prinċipali jew fin-noti taʼ taħt u fin-noti marġinali biex jindikaw li dawn jirreferu għal Alla Ġeħova. Diversi xogħlijiet taʼ referenzi jappoġġaw dan.
18-24 taʼ Ġunju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 2-3
“Intom iż-żgħar, qegħdin issaħħu r-relazzjoni tagħkom maʼ Ġeħova?”
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 2:41
il-ġenituri tiegħu kienu mdorrijin: Skont il-Liġi, in-nisa ma kellhomx għalfejn imorru għaċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. Però, Marija kellha d-drawwa li kull sena tmur Ġerusalemm flimkien maʼ Ġużeppi għall-festa. (Eżo 23:17; 34:23) Kull sena, flimkien mal-familja tagħhom li kienet qed tikber kienu jagħmlu l-vjaġġ li b’kollox kien kważi 300 kilometru.
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 2:46, 47
jistaqsihom: Bħalma turi r-reazzjoni taʼ dawk li kienu qed jisimgħu lil Ġesù, il-mistoqsijiet tiegħu ma kinux sempliċement bħal dawk li jistaqsi tifel biex jaqtaʼ l-kurżità. (Lq 2:47) Il-kelma Griega tradotta “jistaqsihom” f’xi kuntesti tistaʼ tirreferi għal tip taʼ mistoqsijiet iktar fil-fond bħal dawk li jintużaw fil-Qrati waqt xi ġuri. (Mt 27:11; Mk 14:60, 61; 15:2, 4; At 5:27) L-istorjografi jgħidu li xi mexxejja reliġjużi prominenti kellhom id-drawwa li jibqgħu fit-tempju wara l-festi u jgħallmu f’waħda mil-loġoġ spazjużi li kien hemm. In-nies setgħu jpoġġu ħdejn saqajn dawn l-irġiel biex jisimgħuhom u jistaqsuhom mistoqsijiet.
baqgħu mistagħġbin: Il-forma tal-verb Grieg li tintuża hawnhekk għal “tistagħġeb” jistaʼ jkun li tfisser stagħġib kontinwu jew għal darba wara l-oħra.
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 2:51, 52
baqaʼ sottomess: Jew “baqaʼ jobdi.” Hawnhekk, il-verb Grieg qiegħed f’forma kontinwa u dan jindika li wara li għaġġeb lill-għalliema fit-tempju bl-għarfien li kellu tal-Kelma t’Alla, Ġesù mar id-dar u b’umiltà baqaʼ sottomess lejn il-ġenituri tiegħu. Din l-ubbidjenza kienet iktar sinifikanti minn dik taʼ kwalunkwe tifel ieħor għax hu kellu jwettaq il-Liġi Mosajka sal-inqas dettall.—Eżo 20:12; Ga 4:4.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 2:14
u paċi fuq l-art fost il-bnedmin taʼ rieda tajba: Xi manuskritti għandhom il-kliem li jistaʼ jiġi tradott “u paċi fuq l-art, rieda tajba lejn il-bnedmin,” u dan il-kliem insibuh ukoll f’xi traduzzjonijiet tal-Bibbja. Imma dak li hemm miktub fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida hu bbażat fuq manuskritti iktar antiki u li huma iktar taʼ min joqgħod fuqhom. Din it-tħabbira tal-anġlu ma kinitx tirreferi għal espressjoni taʼ rieda tajba t’Alla lejn il-bnedmin kollha, tkun xi tkun l-attitudni tagħhom u jagħmlu x’jagħmlu. Minflok, din tirreferi għal dawk li se jirċievu r-rieda tajba tiegħu minħabba li juru fidi ġenwina fih u jsiru segwaċi taʼ Ibnu.—Ara nota taʼ studju dwar il-bnedmin taʼ rieda tajba f’dan il-vers.
il-bnedmin taʼ rieda tajba: Ir-“rieda tajba” li l-anġlu rrefera għaliha f’din l-istqarrija evidentement hi dik li ntweriet minn Alla, u mhux mill-bnedmin. Il-kelma Griega ewdokja tistaʼ tiġi tradotta wkoll “favur; jogħġob; approvat.” Kelma oħra minn dak il-verb hi ewdokejo u din tintuża f’Mt 3:17; Mk 1:11; u Lq 3:22 (ara noti taʼ studju dwar Mk 1:11), meta Alla kellem lil Ibnu eżatt wara li tgħammed. It-tifsir bażiku tagħha hu, “tapprova; tieħu pjaċir ħafna; tqis f’mod favorevoli; titgħaxxaq.” Fi qbil maʼ dan l-użu, l-espressjoni “l-bnedmin taʼ rieda tajba” (antropojs ewdokjas) tirreferi għan-nies li għandhom l-approvazzjoni t’Alla, u tistaʼ tiġi tradotta “nies li hu japprova; nies li jogħġbu lilu sew.” Allura, din l-istqarrija anġelika ma kinitx qed tirreferi għar-rieda tajba t’Alla lejn il-bnedmin inġenerali imma lejn dawk li kienu se jogħġbuh billi jkollhom fidi ġenwina fih u billi jsiru segwaċi taʼ Ibnu. Għalkemm f’xi kuntesti l-kelma Griega ewdokja tistaʼ tirreferi għar-rieda tajba tal-bnedmin (Flp 1:15), spiss din tintuża għar-rieda tajba t’Alla, jew hekk għoġbu jagħmel, jew hekk għoġbu. (Mt 11:26; Lq 10:21; Ef 1:5, 9; Flp 2:13; 2Te 1:11) Fis-Settanta f’Sa 51:18 [50:20, LXX], il-kelma ewdokja tintuża għar-“rieda tajba” t’Alla.
25 taʼ Ġunju–1 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 4-5
“Irreżisti t-tentazzjonijiet bħalma għamel Ġesù”
nwtsty midja
L-ogħla ħajt tat-tempju
Għandu mnejn li Satana litteralment tellaʼ lil Ġesù “fuq l-ogħla ħajt tat-tempju” u qallu biex jinxteħet għal isfel, imma ma nafux il-post speċifiku fejn setaʼ kien Ġesù. Ladarba l-kelma “tempju” kif inhi użata hawnhekk tistaʼ tirreferi għall-binja kollha kemm hi, Ġesù għandu mnejn kien wieqaf fil-kantuniera tan-naħa tax-Xlokk (1) tal-binja tat-tempju. Jew jistaʼ jkun li kien wieqaf fuq kantuniera oħra tal-binja tat-tempju. Jekk xi ħadd kien jaqaʼ minn hemm, żgur li kien imut jekk ma kienx jintervieni Ġeħova.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lu 4:17
ir-romblu tal-profeta Isaija: Ir-Romblu taʼ Isaija li nstab fil-Baħar il-Mejjet jikkonsisti fi 17-il strixxa tal-parċmina mwaħħlin maʼ xulxin. Ir-romblu twil 7.3 metri u fih 54 kolonna. Ir-romblu li ntuża fis-sinagoga taʼ Nazaret għandu mnejn li kien twil daqsu. Peress li fl-ewwel seklu kienu għadhom ma jeżistux in-numri tal-kapitli u l-versi, Ġesù kellu jfittex is-silta li xtaq jaqra. Imma l-fatt li hu sab fejn kien il-kliem profetiku juri li hu kien familjari sew mal-Kelma t’Alla.
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 4:25
tliet snin u sitt xhur: Skont l-1Sl 18:1, Elija ħabbar it-tmiem tan-nixfa “fit-tielet sena.” Għaldaqstant, xi wħud jgħidu li dak li qal Ġesù jikkontradixxi r-rakkont tal-1 Slaten. Madankollu, ir-rakkont tal-Iskrittura Ebrajka ma jagħtix x’jifhem li n-nixfa damet inqas minn tliet snin. Il-frażi “fit-tielet sena” milli jidher tapplika għaż-żmien li beda meta Elija qal lil Aħab dwar in-nixfa għall-ewwel darba. (1Sl 17:1) Din l-aħbar x’aktarx seħħet meta l-istaġun tan-nixfa kien diġà beda. Dan normalment kien idum sitt xhur imma jistaʼ jkun li din id-darba dam iktar mis-soltu. Barra minn hekk, in-nixfa ma spiċċatx eżatt meta Elija reġaʼ deher quddiem Aħab, “fit-tielet sena,” imma biss wara li kien hemm il-prova tan-nar fuq il-Muntanja Karmel. (1Sl 18:18-45) Għalhekk, il-kliem taʼ Ġesù li nsibu hawn, kif ukoll il-kliem simili taʼ ħu Ġesù mill-omm li nsibu f’Ġk 5:17, jaqbel sew mal-kronoloġija li tidher fl-1Sl 18:1.