Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
3-9 taʼ Diċembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 9-11
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar At 10:6
Xmun, il-konzatur: Konzatur kien jaħdem bil-ġlud tal-annimali billi kien juża taħlita taʼ ġir biex ineħħi kull pil jew traċċa taʼ laħam u xaħam. Imbagħad fuq il-ġilda kien jitfaʼ sustanza taʼ likwidu qawwi sabiex il-ġilda tkun tistaʼ tintuża biex jintgħamlu affarijiet biha. Dan il-proċess kien iħalli riħa tinten u kien jeħtieġ ammont kbir taʼ ilma, u jistaʼ jkun li għalhekk li Xmun kien joqgħod ħdejn il-baħar, x’aktarx barra ’l belt taʼ Ġaffa. Skont il-Liġi Mosajka, min kien imiss l-iġsma t’annimali mejtin ma kienx jistaʼ jqim lil Alla maʼ nies oħrajn. (Le 5:2; 11:39) Għaldaqstant, ħafna Lhud kienu jistmerru lill-konzaturi u kienu jżommu lura milli joqogħdu maʼ wieħed minnhom. Infatti, it-Talmud iktar tard qies ix-xogħol taʼ konzatur bħala iktar baxx minn taʼ wieħed li jiġbor id-demel. Però, Pietru ma ħalliex il-preġudizzju jżommu milli joqgħod għand Xmun. Il-fatt li Pietru ma kienx preġudikat f’dan il-każ serva biex jippreparah għall-inkarigu li kien imiss—dak li jmur f’dar taʼ Ġentil. Xi studjużi jikkunsidraw il-kelma Griega għal “konzatur” (birsews) bħala laqam taʼ Xmun.
10-16 taʼ Diċembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 12-14
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty noti taʼ studju dwar At 13:9
Sawl, li jismu wkoll Pawlu: Minn issa ’l quddiem, Sawl beda jissejjaħ Pawlu. L-appostlu kien Lhudi u kellu ċittadinanza Rumana mit-twelid. (At 22:27, 28; Flp 3:5) Allura x’aktarx li minn meta kien żgħir kellu kemm l-isem Ebrajk Sawl u kemm l-isem Ruman Pawlu. F’dak iż-żmien, ma kinitx xi ħaġa stramba li xi Lhud, speċjalment fost dawk li kienu joqogħdu barra Iżrael, ikollhom żewġ ismijiet. (At 12:12; 13:1) Pereżempju, xi wħud mill-qraba taʼ Pawlu kellhom ismijiet Rumani jew Griegi flimkien mal-isem Ebrajk tagħhom. (Rum 16:7, 21) Bħala “appostlu tal-ġnus,” Pawlu kien ġie inkarigat biex ixandar l-aħbar tajba lil nies mhux Lhud. (Rum 11:13) Mid-dehra hu ddeċieda li juża l-isem Ruman tiegħu; forsi ħass li kien se jiġi iktar aċċettat. (At 9:15; Ga 2:7, 8) Xi wħud issuġġerew li hu ħa dan l-isem Ruman biex jonora lil Serġju Pawlu. Imma dan ma tantx jidher li hu minnu ladarba Pawlu żamm dan l-isem anki wara li telaq minn Ċipru. Oħrajn issuġġerew li Pawlu kien jevita li juża l-isem Ebrajk minħabba li bil-Grieg kien jitlissen simili għal kelma li kienet tintuża għal xi ħadd (jew annimal) li jiddandan, jew jitkessaħ, meta jimxi.
Pawlu: Fl-Iskrittura Griega Kristjana, l-isem Pawlos, mil-Latin Pawlus, ifisser “Ftit; Żgħir,” u dan jintuża 157 darba meta jirreferi għall-appostlu Pawlu u darba biss meta jirreferi għall-prokonslu taʼ Ċipru li kien jismu Serġju Pawlu.—At 13:7.
17-23 taʼ Diċembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 15-16
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar At 16:37
aħna Rumani: Jiġifieri, ċittadini Rumani. Pawlu u mid-dehra anki Sila kienu ċittadini Rumani. Il-liġi Rumana kienet tgħid li ċittadin dejjem kellu d-dritt li jgħaddi ġuri ġust u qatt ma kellu jiġi kkastigat fil-pubbliku jekk ma jkunx ġie kkundannat. Iċ-ċittadinanza Rumana kienet tagħti lil individwu ċerti drittijiet u privileġġi kull fejn kien imur fl-imperu. Ċittadin Ruman kien taħt il-liġi Rumana, u mhux taħt il-liġijiet tal-bliet provinċjali. Meta kien jiġi akkużat, hu setaʼ jaqbel li jgħaddi ġuri skont il-liġi lokali, però xorta kellu d-dritt li jinstemaʼ minn tribunal Ruman. Fil-każ li s-sentenza kienet tinvolvi l-kastig tal-mewt, hu kellu d-dritt li jappella għal quddiem l-imperatur. L-appostlu Pawlu pprietka b’mod estensiv mal-Imperu Ruman kollu. Hemm miktub li hu uża d-drittijiet tiegħu bħala ċittadin Ruman tliet darbiet. L-ewwel darba kien hawnhekk f’Filippi meta qal lill-maġistrati li huma kienu kisru d-drittijiet tiegħu meta sawtuh.—Għad-darbtejn l-oħra, ara At 22:25; 25:11.
24-30 taʼ Diċembru
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 17-18
“Imita lill-appostlu Pawlu fil-mod kif kien jipprietka u jgħallem”
nwtsty noti taʼ studju dwar At 17:2, 3
irraġuna: Pawlu mhux sempliċement qalilhom l-aħbar tajba. Hu spjegaha u ta prova mill-Iskrittura, jiġifieri mill-Iskrittura Ebrajka ispirata. Hu mhux biss qara l-Iskrittura; hu rraġuna minnha, u adatta l-mod kif irraġuna skont l-udjenza tiegħu. Il-verb Grieg djalegomej ġie mfisser bħala “li tnejn jew iktar jitkellmu flimkien; jitħaddtu; jiddiskutu.” Dan ifisser komunikazzjoni man-nies. Din il-kelma Griega tintuża wkoll f’At 17:17; 18:4, 19; 19:8, 9; 20:7, 9.
ta prova permezz tar-referenzi: Il-kelma Griega letteralment tfisser “li tqiegħed maġenb.” Dan għandu mnejn jindika li Pawlu qabbel bir-reqqa l-profeziji dwar il-Messija li jissemmew fl-Iskrittura Ebrajka mal-ġrajjiet fil-ħajja taʼ Ġesù, u b’hekk wera kif Ġesù wettaq dawk il-profeziji.
nwtsty nota taʼ studju dwar At 17:17
fis-suq: Is-suq (bil-Grieg, agora) taʼ Ateni kien fil-Majjistral tal-Akropoli u kien ikopri madwar 50 kilometru kwadru. Is-suq ma kienx biss post fejn ibigħu u jixtru. Kien il-qalba ekonomika, politika, u kulturali tal-belt. In-nies taʼ Ateni kienu jieħdu pjaċir jiltaqgħu hemmhekk u jieħdu sehem f’diskussjonijiet intellettwali.
nwtsty nota taʼ studju dwar At 17:22, 23
Lil Alla Mhux Magħruf: Il-kliem Grieg Agnostoj tijoj kien parti minn kitba li kien hemm fuq altar f’Ateni. In-nies taʼ Ateni kienu jibżgħu mill-allat. Infatti huma bnew ħafna tempji u altari, u saħansitra għamlu altari lil allat astratti, bħal lil Fama, Modestja, Enerġija, Persważjoni, u Ħasra. Huma ddedikaw altar “Lil Alla Mhux Magħruf.” Dan għax forsi kienu jibżgħu li jħallu lil xi alla barra u b’hekk ikollhom id-diżapprovazzjoni tiegħu. B’altar bħal dan, in-nies kienu qed jammettu li jeżisti Alla li ma kienu jafu xejn dwaru. Bit-tattika, Pawlu uża dan l-altar bħala bażi biex jipprietka lill-udjenza tiegħu. Hu introduċielhom lill-Alla—l-Alla l-veru—li sa dak il-ħin ma kinux jafu bih.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar At 18:21
jekk Ġeħova jrid: Espressjoni li tenfasizza l-bżonn li nikkunsidraw ir-rieda t’Alla meta nagħmlu jew nippjanaw li nagħmlu xi ħaġa. L-appostlu Pawlu żamm dan il-prinċipju f’moħħu. (1Ko 4:19; 16:7; Eb 6:3) Id-dixxiplu Ġakbu wkoll inkuraġġixxa lill-qarrejja tiegħu biex jgħidu: “Jekk Ġeħova jrid, nibqgħu ħajjin u nagħmlu wkoll dan jew dak.” (Ġk 4:15) Espressjonijiet bħal dawn m’għandhomx ikunu frażijiet fil-vojt; kull min b’mod sinċier jgħid “jekk Ġeħova jrid” għandu jipprova jaġixxi fi qbil mar-rieda taʼ Ġeħova. Din l-espressjoni mhux dejjem ikun hemm bżonn li tingħad b’mod li jinstemaʼ imma spiss tingħad biss fil-qalb.—Ara sgd taqsima 2.