Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
7-13 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 21-22
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar At 22:16
aħsel dnubietek billi ssejjaħ ismu: Jew “aħsel dnubietek u sejjaħ ismu.” Id-dnubiet taʼ persuna ma jinħaslux bl-ilma tal-magħmudija, imma billi hi ssejjaħ isem Ġesù. Li tagħmel dan jinvolvi li tpoġġi fidi f’Ġesù u turi dik il-fidi b’għemejjel Kristjani.—At 10:43; Ġk 2:14, 18.
IRSISTI FIL-MINISTERU
Ħtieġa Kristjana?
Minn mindu Kristu wettaq il-Liġi, il-Kristjani għadhom obbligati jżommu s-Sabat taʼ kull ġimgħa? Taħt ispirazzjoni, l-appostlu Pawlu jwieġeb: “Għalhekk, tħallu lill-ebda bniedem jiġġudikakom dwar l-ikel u x-xorb jew dwar xi festa jew xi osservanza tal-qamar ġdid jew tas-Sabat; għax dawn l-affarijiet huma dell taʼ dak li għandu jiġi, imma r-realtà hi tal-Kristu.”—Kolossin 2:16, 17.
Dak il-kliem ispirat jagħti x’jifhem li hemm bidla mhux ħażin f’dak li Alla jistenna mill-qaddejja tiegħu. Għala hemm din il-bidla? Għax il-Kristjani huma taħt liġi ġdida, “il-liġi tal-Kristu.” (Galatin 6:2) Il-patt tal-Liġi taʼ qabel li ngħata permezz taʼ Mosè lill-Iżraelin spiċċa meta twettaq bil-mewt taʼ Ġesù. (Rumani 10:4; Efesin 2:15) Spiċċa wkoll il-kmandament dwar li jinżamm is-Sabat? Iva. Wara li qal li “nħlisna mil-Liġi,” Pawlu rrefera għal wieħed mill-Għaxar Kmandamenti. (Rumani 7:6, 7) Mela l-Għaxar Kmandamenti, inkluż il-liġi tas-Sabat, huma parti mil-Liġi li spiċċat. Għalhekk, dawk li jqimu lil Alla m’għadhomx meħtiġin li jħarsu s-Sabat taʼ kull ġimgħa.
Il-bidla minn kif kienu jqimu l-Iżraelin għal kif iqimu l-Kristjani tistaʼ tiġi spjegata b’dan il-mod: Nazzjon jistaʼ jbiddel il-kostituzzjoni tiegħu. Meta l-kostituzzjoni l-ġdida tibda tapplika legalment, in-nies ma jibqgħux meħtiġin jobdu dik taʼ qabel. Għalkemm ftit mil-liġijiet fil-kostituzzjoni l-ġdida jistgħu jkunu l-istess bħal dawk fil-kostituzzjoni taʼ qabel, liġijiet oħrajn jistgħu jkunu differenti. Mela persuna għandha tistudja l-kostituzzjoni l-ġdida bir-reqqa biex tara liema liġijiet japplikaw issa. Iktar minn hekk, ċittadin leali jkun irid ikun jaf meta l-kostituzzjoni l-ġdida daħlet fis-seħħ.
Bl-istess mod, Alla Ġeħova pprovda iktar minn 600 liġi, inkluż għaxra prinċipali, għan-nazzjon taʼ Iżrael. Dawn kienu jinkludu liġijiet dwar il-morali, is-sagrifiċċji, l-affarijiet li kellhom x’jaqsmu mas-saħħa, u li jżommu s-Sabat. Madankollu, Ġesù qal li s-segwaċi midlukin tiegħu kienu se jsiru “ġens” ġdid. (Mattew 21:43) Mis-sena 33 ’il quddiem, dan in-nazzjon kellu “kostituzzjoni” ġdida bbażata fuq żewġ liġijiet bażiċi—imħabba għal Alla u mħabba għall-proxxmu. (Mattew 22:36-40) Għalkemm “il-liġi tal-Kristu” tinkludi istruzzjonijiet li huma simili għal dawk fil-Liġi li ngħatat lil Iżrael, m’għandniex niskantaw li xi liġijiet huma differenti ħafna u li oħrajn m’għadhomx japplikaw. Il-liġi li għandha x’taqsam mal-osservanza tas-Sabat taʼ kull ġimgħa hi waħda minn dawk il-liġijiet li m’għadhomx meħtieġa.
14-20 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 23-24
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar At 23:6
Jien Fariżew: Xi wħud minn dawk fl-udjenza kienu jafuh lil Pawlu. (At 22:5) Meta Pawlu sejjaħ lilu nnifsu bin il-Fariżej, il-Fariżej tas-Sinedriju aktarx li fehmu li Pawlu rrikonoxxa li fil-passat kien Fariżew u li kellhom affarijiet komuni bejniethom. Huma kienu jafu li Pawlu kien sar Kristjan żeluż, għalhekk ma kienx qed jirrappreżenta lilu nnifsu b’mod ħażin. Imma f’dan il-kuntest, dak li qal Pawlu dwar li kien Fariżew jistaʼ jiġi mifhum f’sens relattiv; Pawlu kien qed jidentifika lilu nnifsu mal-Fariżej u mhux mas-Sadduċej għax hu kien jemmen fl-irxoxt bħall-Fariżej. Billi għamel dan, hu stabbilixxa bażi komuni mal-Fariżej li kienu hemm. Milli jidher, hu ttama li billi jqajjem din il-kwistjoni kontroversjali, xi membri tas-Sinedriju kienu se jissimpatizzaw miegħu, u din l-istrateġija ħadmet. (At 23:7-9) Dak li qal Pawlu f’At 23:6 jaqbel ukoll maʼ kif iddeskriva lilu nnifsu meta iktar tard iddefenda lilu nnifsu quddiem is-Sultan Erodi Agrippa. (At 26:5) U meta kien qed jikteb minn Ruma lill-Kristjani sħabu f’Filippi, Pawlu reġaʼ għamel referenza għall-passat li kellu bħala Fariżew. (Flp 3:5) Taʼ min jinnota wkoll kif inhuma deskritti f’At 15:5 Kristjani oħra li qabel kienu Fariżej.—Ara n-nota taʼ studju dwar At 15:5.
nwtsty nota taʼ studju dwar At 15:5
dawk tas-setta tal-Fariżej: Milli jidher, dawn il-Kristjani sa ċertu punt kienu għadhom jiġu assoċjati mat-trobbija tagħhom bħala Fariżej.—Qabbel in-nota taʼ studju dwar At 23:6.
nwtsty nota taʼ studju dwar At 24:24
Drusilla: It-tielet u l-iżgħar bint taʼ Erodi li hu msemmi f’At 12:1, jiġifieri Erodi Agrippa I. Hi twieldet madwar is-sena 38, u kienet oħt Agrippa II u Berniċe. Il-Gvernatur Feliċ kien it-tieni raġel tagħha. L-ewwel raġel tagħha kien is-sultan Sirjan Azizus taʼ Emesa. Wara li ddivorzjatu, hi żżewġet lil Feliċ madwar is-sena 54, jew meta kellha madwar 16-il sena. Hu possibbli li hi kienet preżenti meta Pawlu tkellem quddiem Feliċ “dwar is-sewwa u r-rażna u l-ġudizzju li ġej.” (At 24:25) Meta Feliċ għadda l-pożizzjoni taʼ gvernatur lil Festu, hu ħalla lil Pawlu arrestat “peress li . . . xtaq jingħoġob mil-Lhud.” Xi wħud jaħsbu li għamel hekk biex jogħġob lill-mara żagħżugħa tiegħu, li kienet Lhudija.—At 24:27.
21-27 taʼ Jannar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 25-26
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar At 26:14
toqmos kontra n-niggieża: Niggieża hi virga b’xifer ippontat li tintuża biex tmexxi annimal. (Mħ 3:31) L-espressjoni “li toqmos kontra n-niggieża” hija proverbju li jinsab fil-letteratura Griega. Hi bbażata fuq eżempju taʼ barri stinat li jirreżisti n-niggieża billi jagħti biż-żewġ kontriha, u dan iwassal biex l-annimal iweġġaʼ. Sawl kien jaġixxi b’mod simili qabel sar Kristjan. Billi ħadha kontra s-segwaċi taʼ Ġesù, li kellhom l-approvazzjoni t’Alla Ġeħova, Pawlu rriskja li jweġġaʼ lilu nnifsu serjament. (Qabbel At 5:38, 39; 1Ti 1:13, 14.) F’Ek 12:11, l-“ingiegeż tal-barrin” huma msemmijin b’mod figurattiv. Dawn jirreferu għall-kliem taʼ persuna għaqlija li jqanqal semmiegħ biex jobdi mill-parir.
nwt glossarju
Niggieża. Virga twila b’xifer tal-metall, li tintuża minn bidwi biex iniggeż annimal. In-niggieża hi mqabbla mal-kliem taʼ persuna għaqlija li jqanqal lis-semmiegħ biex jismaʼ mill-parir għaqli. Il-frażi “toqmos kontra n-niggieża” ġejja mill-azzjoni taʼ barri stinat li jirreżisti n-niggieża billi jagħti biż-żewġ kontriha, u b’hekk iweġġaʼ lilu nnifsu.—At 26:14; Mħ 3:31.
28 taʼ Jannar–3 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ATTI 27-28
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar At 27:9
is-sawm taʼ jum it-tpattija: Jew, “is-sawm tal-ħarifa.” Litteralment, “is-sawm.” It-terminu Grieg għal “is-sawm” jirreferi għall-uniku sawm li kien mitlub mil-Liġi Mosajka, jiġifieri s-sawm li għandu x’jaqsam maʼ Jum it-Tpattija li kien isir kull sena. Kien jissejjaħ ukoll, Yom Kippur (bl-Ebrajk, jom ħekkippurim, “jum il-għata”). (Le 16:29-31; 23:26-32; Nu 29:7; ara Glossarju, “Jum it-Tpattija.”) L-espressjoni ‘tgħakkes ruħek,’ li tintuża flimkien maʼ Jum it-Tpattija, ġeneralment hu mifhum li tfisser li ċċaħħad lilek innifsek minn diversi affarijiet, u dan jinkludi li ssum. (Le 16:29, nota taʼ taħt) L-użu tat-terminu “s-sawm” f’At 27:9 jappoġġja l-idea li l-mod primarju taʼ kif xi ħadd kien iċaħħad lilu nnifsu f’Jum it-Tpattija kien jinvolvi s-sawm. Is-sawm taʼ Jum it-Tpattija kien isir lejn l-aħħar taʼ Settembru jew lejn il-bidu t’Ottubru.
Jum it-tpattija. L-iktar jum qaddis u importanti għall-Iżraelin, imsejjaħ ukoll Yom Kippur (mill-Ebrajk, jom ħekkippurim, “jum il-għata”), li kien isir fl-10 taʼ Etanim. Dan kien l-uniku jum fis-sena li fih il-qassis il-kbir kien jidħol fl-Iktar Qaddis tat-tabernaklu. Hemmhekk hu kien joffri d-demm tas-sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu, id-dnubiet tal-Leviti l-oħra, u d-dnubiet tan-nies. Kien żmien fejn kienet issir konvenzjoni mqaddsa u kienu jsumu, u kien ikun ukoll sabat, żmien li fih ma kinux jaħdmu.—Le 23:27, 28.
nwtsty nota taʼ studju dwar At 28:11
Ulied Żews: Skont il-mitoloġija Griega u Rumana, “Ulied Żews” (bil-Grieg, Dajoskuroj) kienu Kastor u Polluks, ulied tewmin tal-alla Żews (Jupiter) u r-reġina tal-Ispartani Leda. Fost affarijiet oħra, huma kienu meqjusin bħala l-protetturi tal-baħħara li setgħu jsalvawhom meta kienu jkunu fil-periklu huma u jbaħħru. Dan id-dettall li kien fil-pruwa tal-ġifen hu prova oħra li r-rakkont inkiteb minn xi ħadd li ra b’għajnejh stess.