Aħwa Rġiel Żgħażagħ, Qed Tirsistu?
1. Ħu żagħżugħ meta għandu jibda japplika d-direzzjoni misjuba fl-1 Timotju 3:1?
1 “Jekk raġel qed jirsisti . . . , ikun jixtieq xogħol tajjeb.” (1 Tim. 3:1) Dan il-kliem imnebbaħ jinkuraġġixxi lill-aħwa rġiel biex jirsistu ħalli jikkwalifikaw għal privileġġi taʼ servizz fil-kongregazzjoni. Bilfors trid tkun adult biex tagħmel dan? Fir-realtà, ikun aħjar li tibda tirsisti meta tkun għadek żagħżugħ. B’hekk, tistaʼ tirċievi t-taħriġ u turi jekk jistħoqqlokx tinħatar bħala qaddej ministerjali meta tikber. (1 Tim. 3:10) Jekk int ħu żagħżugħ mgħammed, kif tistaʼ tirsisti?
2. Kif tistaʼ tikkultiva u turi l-ispirtu taʼ li tagħti minnek innifsek?
2 Agħti Minnek Innifsek: Ftakar li qed tirsisti għal xogħol tajjeb, mhux għal xi titlu. Għalhekk, rawwem fik xewqa biex tgħin lil ħutek. Mod kif tistaʼ tagħmel dan hu billi timmedita fuq l-eżempju mill-aħjar taʼ Ġesù. (Mt. 20:28; Ġw. 4:6, 7; 13:4, 5) Itlob lil Ġeħova jgħinek tkun interessat f’ħaddieħor. (1 Kor. 10:24) Tistaʼ tgħin int b’mod prattiku lil dawk fil-kongregazzjoni li huma morda jew imdaħħlin fiż-żmien? Tagħmel lilek innifsek disponibbli biex tiżbogħ, tnaddaf, jew tieħu ħsieb aspetti oħra tal-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna? Toffri ruħek biex tagħti taħditiet volontarji fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku? Se ssib li tikseb il-ferħ meta tagħti minnek innifsek għal ħaddieħor.—Atti 20:35.
3. L-ispiritwalità kemm hi importanti, u kif tistaʼ tiżviluppaha?
3 Kun Spiritwali: Hu bil-wisq iktar importanti li qaddej fil-kongregazzjoni jkun spiritwali milli jkollu xi talenti speċjali jew abbiltajiet naturali. Raġel spiritwali jipprova jħares lejn l-affarijiet bl-istess mod kif jagħmlu Ġeħova u Ġesù. (1 Kor. 2:15, 16) Juri “l-frott taʼ l-ispirtu.” (Gal. 5:22, 23) Hu evanġelizzatur żeluż li jpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajtu. (Mt. 6:33) Int tistaʼ tiżviluppa kwalitajiet spiritwali billi jkollok rutina tajba taʼ studju persunali. Dan jinkludi li taqra l-Bibbja kuljum, li taqra kull ħarġa tat-Torri tal-Għassa u Stenbaħ!, u li tipprepara għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u tattendihom. (Salm 1:1, 2; Ebr. 10:24, 25) Meta kien qed jinkuraġġixxi liż-żagħżugħ Timotju biex jagħmel avvanz spiritwali, Pawlu kitiblu: “Oqgħod attent il-ħin kollu . . . għat-tagħlim tiegħek.” (1 Tim. 4:15, 16) Allura aħdem sew fuq it-taħditiet li tiġi inkarigat bihom fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Ipprepara għall-ministeru, u ħu sehem fih regolarment. Agħmel miri spiritwali u aħdem biex tilħaqhom, bħal pereżempju li taqdi bħala pijunier, fis-servizz f’Betel, jew li tattendi l-Iskola tal-Bibbja Għal Aħwa Rġiel Mhux Miżżewġin. L-ispiritwalità se tgħinek ‘taħrab mix-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija.’—2 Tim. 2:22.
4. X’valur hemm f’li tkun leali u taʼ min joqgħod fuqek?
4 Uri li Int Leali u taʼ Min Joqgħod Fuqek: Fl-ewwel seklu, l-aħwa li ġew inkarigati biex iqassmu l-ikel lill-Kristjani fil-bżonn kienu “kwalifikati,” milli jidher għax kienu magħrufin bħala wħud leali u taʼ min joqgħod fuqhom. Għalhekk, l-appostli ma kellhomx għalfejn jinkwetaw dwar jekk kienx se jsir ix-xogħol. B’hekk, setgħu jiffokaw fuq kwistjonijiet iktar importanti. (Atti 6:1-4) Għalhekk, meta tingħata inkarigu fil-kongregazzjoni, wettqu bl-aħjar mod li tistaʼ. Imita lil Noè, li bir-reqqa segwa l-istruzzjonijiet li ngħata biex jibni l-arka. (Ġen. 6:22) Il-lealtà hi prezzjuża f’għajnejn Ġeħova u turi li int matur spiritwalment.—1 Kor. 4:2; ara l-kaxxa “Il-Benefiċċji tat-Taħriġ.”
5. Aħwa rġiel żgħażagħ għala għandhom jirsistu?
5 Kif ġie profetizzat, Ġeħova qed jgħaġġel il-ġbir tan-nies. (Is. 60:22) Bħala medja, kwart taʼ miljun qed jitgħammdu kull sena. Peress li deħlin tant uħud ġodda fil-verità, hemm bżonn taʼ rġiel spiritwali kwalifikati biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni. Issa iktar minn qatt qabel, hemm ħafna x’tagħmel fis-servizz taʼ Ġeħova. (1 Kor. 15:58) Aħwa rġiel żgħażagħ, qed tirsistu? Jekk iva, tkunu qed tixtiequ xogħol tassew tajjeb!
[Kumment f’paġna 2]
Peress li deħlin tant uħud ġodda fil-verità, hemm bżonn taʼ rġiel spiritwali kwalifikati biex jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet tal-kongregazzjoni
[Kaxxa f’paġna 3]
Il-Benefiċċji tat-Taħriġ
Aħwa rġiel żgħażagħ kwalifikati jibbenefikaw meta l-anzjani jagħtuhom inkarigi u jħarrġuhom. Indokratur tas-circuit kien bilqiegħda fuq il-platform jinkuraġġixxi lil pubblikatur wara l-laqgħa. Innota tifel żgħir bilwieqfa fil-viċin, u allura staqsieh jekk kienx qed jistenna biex ikellmu. It-tfajjel wieġeb li kien inkarigat biex jiknes il-platform wara kull laqgħa. Il-ġenituri tiegħu kienu lesti biex jitilqu imma ma riedx jitlaq qabel ma jwettaq l-inkarigu tiegħu. L-indokratur tas-circuit b’ferħ resaq minn fejn kien. Hu qal: “L-anzjani f’dik il-kongregazzjoni regolarment kienu jħarrġu lil aħwa rġiel żgħażagħ kwalifikati billi jagħtuhom inkarigi fil-kongregazzjoni. Minħabba f’hekk, spiss kienu jirrikkmandaw lil ħu żagħżugħ bħala qaddej ministerjali meta kont inżur il-kongregazzjoni.”