Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
3-9 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 12-14
“Patt li Jaffettwa Lilek”
it-1 522 ¶4
Patt
Patt m’Abraham. Il-patt m’Abraham milli jidher beda jgħodd meta Abram (Abraham) qasam l-Ewfrat fi triqtu lejn Kangħan. Il-patt tal-Liġi sar 430 sena wara. (Ga 3:17) Ġeħova kien kellem lil Abraham meta kien joqgħod fil-Mesopotamja, f’Ur tal-Kaldin. Hu qallu biex imur f’pajjiż li kien se jurih iktar tard. (At 7:2, 3; Ġen 11:31; 12:1-3) Eżodu 12:40, 41 jgħidilna li fl-aħħar tal-430 sena li għamlu jgħixu fl-Eġittu u fl-art taʼ Kangħan, “f’dan l-istess jum” ħarġu l-Iżraelin, li kienu lsiera fl-Eġittu. Il-ġurnata li nħelsu mill-Eġittu kienet l-14 taʼ Nisan 1513 QK, il-ġurnata tal-Qbiż. (Eżo 12:2, 6, 7) Dan forsi juri li Abraham qasam ix-Xmara Ewfrat fi triqtu lejn Kangħan fl-14 taʼ Nisan 1943 QK, u milli jidher dan hu meta beda jgħodd il-patt Abrahamiku. Alla reġaʼ deher lil Abraham wara li vvjaġġa sa Sikem ġo Kangħan. Hu ta iktar dettalji dwar il-wegħda billi qal: “Lil nislek se nagħtiha din l-art,” u b’hekk wera x’kienet il-konnessjoni bejn il-patt u l-wegħda fl-Għeden. Ukoll, b’dan il-mod irrivela li ‘n-nisel’ kien se jkun minn dixxendenti tal-bnedmin. (Ġen 12:4-7) Iktar tard Ġeħova reġaʼ ta iktar dettalji, bħalma hu miktub f’Ġenesi 13:14-17; 15:18; 17:2-8, 19; 22:15-18.
w89 7/1 3 ¶4
Għala għandek tkun taf il-verità dwar Abraham
Dik hi wegħda tal-għaġeb, u Abraham semagħha tiġi mlissna f’minn tal-inqas żewġ okkażjonijiet oħra. (Ġenesi 18:18; 22:18) Sabiex iwettaqha, Alla saħansitra se jqajjem mill-mewt rappreżentanti taʼ familji li spiċċaw għalkollox. Il-ħajja għal uħud irxoxtati bħal dawn se tkun verament barka, ladarba l-biċċa l-kbira minnhom se jiġu lura għal sitwazzjoni fuq l-art li tixbah il-Ġenna li l-bniedem tilef fil-bidu. Wara dan, huma jiġu mgħallmin kif jaqilgħu l-barka taʼ ħajja taʼ dejjem.—Ġenesi 2:8, 9, 15-17; 3:17-23.
it-2 213 ¶3
Liġi
Fuq il-bażi taʼ evidenza storika, xi studjużi jemmnu li meta kienet tinbiegħ biċċa art, dak li kien se jixtri kien jintwera l-art minn post fil-għoli, biex b’hekk setaʼ jara eżatt it-truf tal-art. Meta x-xerrej kien jgħid, “Qed nara,” hu kien juri b’mod legali li aċċettaha. Meta Ġeħova wiegħed lil Abraham li kien se jagħtih l-art taʼ Kangħan, Abraham l-ewwel intqallu biex iħares fl-erbaʼ direzzjonijiet kollha. Abraham ma qalx, “Qed nara,” forsi għax Alla qal li kien se jagħti l-Art Imwiegħda lin-nisel t’Abraham iktar ’il quddiem. (Ġen 13:14, 15) Mosè, bħala r-rappreżentant legali t’Iżrael, intqallu biex ‘jara’ l-art li, jekk dak li ddiskutejna hu korrett, kien jindika li Iżrael kien se jieħu l-art taħt idejh b’mod legali, taħt it-tmexxija taʼ Ġożwè. (Dt 3:27, 28; 34:4; ikkunsidra wkoll l-offerta taʼ Satana lil Ġesù f’Mt 4:8.) Azzjoni oħra li kienet tidher li kellha x’taqsam mal-liġi kienet li timxi f’art jew tidħol fiha bl-iskop li ssir tiegħek. (Ġen 13:17; 28:13) F’xi dokumenti tal-qedem instab li kull meta kienet tinbiegħ biċċa art kien ikun hemm miktub in-numru taʼ siġar li kien ikun hemm fiha.—Qabbel Ġen 23:17, 18.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-2 683 ¶1
Qassis
Melkisedek, is-sultan taʼ Salem, kien qassis straordinarju. Fil-Bibbja m’hemmx informazzjoni dwar l-antenati, it-twelid, jew il-mewt tiegħu. Is-saċerdozju tiegħu ma kienx permezz taʼ wirt, u ma kien hemm ħadd li kellu pożizzjoni bħal tiegħu, la qablu u lanqas warajh. Melkisedek kien kemm sultan u kif ukoll qassis. Is-saċerdozju tiegħu kien ikbar mis-saċerdozju Levitiku, għax f’ċertu sens nistgħu ngħidu li Levi ħallas l-għexur lil Melkisedek. Dan kien possibbli peress li Abraham offra l-għexur lil Melkisedek u ġie mbierek minnu. Levi kien dixxendent t’Abraham, allura f’ċertu sens Levi ħallas l-għexur lil Melkisedek. (Ġen 14:18-20; Eb 7:4-10) F’dawn l-affarijiet, Melkisedek irrappreżenta lil Ġesù Kristu, il-“qassis għal dejjem bl-istess mod taʼ Melkisedek.”—Eb 7:17.
IRSISTI FIL-MINISTERU
Mara Devota Lejn Alla u Mara Miżżewġa Prezzjuża
Sara kienet miżżewġa lil raġel li jispikka fil-fidi. Imma din il-mara devota ħalliet eżempju taʼ min jinnotah. Fil-fatt, il-Bibbja ssemmiha tliet darbiet b’isimha, bħala mara li nisa devoti għandhom jimitaw. (Isaija 51:1, 2; Ebrej 11:11; 1 Pietru 3:3-6) Għalkemm l-Iskrittura tirrivela biss ftit dwar din il-mara rimarkevoli, aħna xorta nistgħu naraw ftit mis-sbuħija tagħha.
Pereżempju, aħseb fl-ewwel reazzjoni taʼ Sara meta Abraham informaha li Alla kien qalilhom biex jitilqu minn Ur. Ħasbet hi dwar fejn kienu se jmorru u għala? Kienet inkwetata dwar il-bżonnijiet materjali tagħhom? Kienet imdejqa minħabba li kienet ħa titlaq lill-ħbieb u l-familja, li ma kinitx taf meta—jew jekk qattx—se terġaʼ tarahom? Bla dubju, ħsibijiet bħal dawn għaddew minn moħħha. Madankollu, hi kienet lesta li titlaq u fdat li Ġeħova kien se jberikha talli kienet ubbidjenti.—Atti 7:2, 3.
Minbarra li kienet qaddejja ubbidjenti t’Alla, Sara kienet mara tajba ħafna. Minflok ma kienet tikkompeti m’Abraham biex tikkontrolla l-affarijiet tal-familja, Sara żviluppat rispett profond għal żewġha, billi appoġġjatu bi mħabba waqt li ggwida l-familja tagħhom. B’hekk, hi żejnet, jew sebbħet lilha nfisha bil-kwalitajiet sbieħ tagħha.—1 Pietru 3:1-6.
Jistgħu n-nisa llum jibbenefikaw minn kwalitajiet bħal dawn? “L-eżempju taʼ Sara għallimni li għandi nħossni komda nitkellem u nesprimi l-ħarsa tiegħi maʼ żewġi,” tgħid mara jisimha Jill, li ilha fi żwieġ ferħan iktar minn 30 sena. Tkompli tgħid, “Fl-istess ħin, bħala l-kap tal-familja, ir-raġel tiegħi għandu r-responsabbiltà li jieħu l-aħħar deċiżjoni. Wara, ix-xogħol tiegħi jkun li nagħmel dak kollu li nistaʼ biex nappoġġja dik id-deċiżjoni.”
Forsi l-iktar lezzjoni li tmissilna qalbna u li nistgħu nitgħallmu minn Sara hi din: Għalkemm kienet sabiħa ħafna, hi ma ħallietx is-sbuħija fiżika tagħha ġġegħelha ssir kburija. (Ġenesi 12:10-13) Minflok, hi appoġġjat lil Abraham b’umiltà kemm fil-ħażin u kemm fit-tajjeb tal-ħajja tagħhom flimkien. Bla dubju, Abraham u Sara kienu koppja leali, umli, u li tħobb. Dan verament ġab barkiet għat-tnejn li huma.
10-16 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 15-17
“Ġeħova Ta Isem Ieħor lil Abram u Saraj—Għala?”
it-1 817
Nuqqas, Issib Nuqqas
Mill-banda l-oħra, l-affarijiet li jagħmel il-bniedem ħafna drabi jkunu bin-nuqqasijiet. Il-bnedmin kollha wirtu d-dnub u l-iżball minn Adam. (Rum 5:12; Sa 51:5) Imma Ġeħova, li hu nnifsu hu bla nuqqas, “jaf tajjeb kif aħna msawrin, u jiftakar li aħna trab,” u għalhekk juri ħniena. (Sa 103:13, 14) Hu qies lil Noè, li kien ubbidjenti u leali, bħala “bla nuqqas fost in-nies taʼ żmienu.” (Ġen 6:9) Ukoll, ikkmanda lil Abraham, “Imxi quddiemi u uri li int bla nuqqas.” (Ġen 17:1) Għalkemm dawn l-irġiel kienu t-tnejn imperfetti u mietu, Ġeħova, li “jara l-qalb,” qieshom bla nuqqas. (1Sa 16:7; qabbel it-2Sl 20:3; 2Kr 16:9.) Hu kkmanda lil Iżrael: “Għandek tkun bla nuqqas quddiem Ġeħova Alla tiegħek.” (Dt 18:13; 2Sa 22:24) Hu pprovda lil Ibnu li kien bla nuqqas bħala sagrifiċċju b’fidwa. (Eb 7:26) Hu minħabba dan li lil dawk li juru fidi u ubbidjenza, Alla jistaʼ jsejħilhom ‘ġusti,’ jew bla nuqqas, waqt li fl-istess ħin iżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala l-Imħallef ġust u bla nuqqas.—Rum 3:25, 26.
it-1 31 ¶1
Abraham
Għadda ż-żmien, u issa kienu ilhom Kangħan madwar għaxar snin imma Sara kienet għadha bla tfal. Għalhekk issuġġeriet li tintuża l-qaddejja Eġizzjana tagħha Ħagar biex ikollha t-tfal permezz tagħha. Abraham qabel maʼ dan. Għalhekk, fl-1932 QK, meta Abraham kellu 86 sena, twieled Ismagħel. (Ġen 16:3, 15, 16) Għadda iktar żmien, u fl-1919 QK, meta Abraham kellu 99 sena, Ġeħova kkmanda li kull tifel u raġel fid-dar t’Abraham kellu jiġi ċirkonċiż. Dan sar bħala sinjal jew marka biex turi li sar patt speċjali bejn Ġeħova u Abraham. Fl-istess ħin, Ġeħova biddel isem Abram għal Abraham, għax qal: “Se nagħmlek missier kotra taʼ ġnus.” (Ġen 17:5, 9-27; Rum 4:11) Wara ftit Abraham wera ospitalità maʼ tliet anġli f’sura taʼ bnedmin li kienu hemm f’isem Ġeħova. Dawn wiegħdu li Sara stess kienet ser toħroġ tqila u jkollha iben, iva, fi żmien sena!—Ġen 18:1-15.
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
it-1 460-461
Kronoloġija
Ġeħova qal lil Abram (Abraham): “Kun af fiż-żgur li d-dixxendenti tiegħek għad jgħammru bħala barranin f’art li mhix tagħhom, u jkollhom jaqduhom, u dawn se jgħakksuhom għal erbaʼ mitt sena.” (Ġen 15:13; ara wkoll At 7:6, 7.) Dan il-kliem intqal qabel ma twieled il-werriet, jew ‘id-dixxendent’ imwiegħed, Iżakk. Fl-1932 QK, twieled Ismagħel lil Abram, permezz tal-qaddejja Eġizzjana Ħagar, u fl-1918 QK, twieled Iżakk. (Ġen 16:16; 21:5) Jekk ngħoddu 400 sena lura miż-żmien li l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu, li kien jimmarka li l-poplu ma kienx se jibqaʼ jiġi ‘mgħakkes,’ naslu għas-sena 1913 QK, u f’dak iż-żmien Iżakk kellu madwar ħames snin. (Ġen 15:14) Jidher li Iżakk kien qataʼ l-ħalib, u kien diġà resident barrani f’art li ma kinitx tiegħu. Hu issa esperjenza l-bidu tal-moħqrija imbassar meta beda jiġi ‘mwaqqaʼ għaċ-ċajt’ minn Ismagħel, li kellu madwar 19-il sena. (Ġen 21:8, 9) Għalkemm illum il-ġurnata jistaʼ ma jidhirx importanti l-fatt li Ismagħel kien qed iwaqqaʼ għaċ-ċajt lill-werriet t’Abraham, dak iż-żmien kien differenti. Nistgħu naraw dan mir-reazzjoni taʼ Sara u mill-approvazzjoni t’Alla meta insistiet li Ħagar u binha Ismagħel jitkeċċew. (Ġen 21:10-13) Il-fatt li dan ir-rakkont inkiteb fid-dettall fil-Bibbja juri wkoll li dak iż-żmien beda l-perjodu taʼ 400 sena taʼ moħqrija li kien se jibqaʼ għaddej saż-żmien li l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu.—Ga 4:29.
it-1 778 ¶4
Eżodu
“Fir-rabaʼ ġenerazzjoni.” Għandna bżonn niftakru li Ġeħova qal lil Abraham li fir-rabaʼ ġenerazzjoni d-dixxendenti tiegħu kienu se jmorru lura Kangħan. (Ġen 15:16) Matul l-430 sena, miż-żmien li beda jitwettaq il-patt Abrahamiku saż-żmien li l-Iżraelin ħarġu mill-Eġittu, kien hemm iktar minn erbaʼ ġenerazzjonijiet, jekk nikkunsidraw ukoll il-ħajja twila li kienu jgħixu dak iż-żmien, skont ir-rekord li għandna. Imma l-Iżraelin fil-fatt damu 215-il sena biss fl-Eġittu. L-‘erbaʼ ġenerazzjonijiet’ wara d-dħul fl-Eġittu jistgħu jiġu kkalkulati b’dan il-mod, u se nużaw eżempju taʼ tribù wieħed t’Iżrael, it-tribù taʼ Levi: (1) Levi, (2) Keħat, (3) Għamram, u (4) Mosè.—Eżo 6:16, 18, 20.
17-23 taʼ Frar
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 18-19
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
w88 5/15 23 ¶4-5
Qatt ħadd ra lil Alla?
Issa hu possibbli nifhmu għala Abraham indirizza lill-kelliemi anġeliku t’Alla li kien f’sura taʼ bniedem bħallikieku kien qed ikellem lil Alla Ġeħova nnifsu. Peress li dan l-anġlu qal eżatt dak li Alla ried jgħid lil Abraham u kien qiegħed hemmhekk jirrappreżenta lil Alla b’mod persunali, il-Bibbja setgħet tgħid li “Ġeħova deherlu.”—Ġenesi 18:1.
Ftakar li kelliemi anġeliku t’Alla setaʼ jwassal il-messaġġi t’Alla bi preċiżjoni daqs kemm telefown jew radju jwassal kliemna lil persuna oħra. Għalhekk, nistgħu nifhmu kif Abraham, Mosè, Manogħa, u oħrajn setgħu jitkellmu maʼ anġlu f’sura taʼ bniedem bħallikieku kienu qed jitkellmu m’Alla. Filwaqt li dawn l-individwi setgħu jaraw lil dawn l-anġli u l-glorja taʼ Ġeħova fihom, huma ma setgħux jaraw lil Alla. Għalhekk, dan bl-ebda mod ma jikkontradixxi dak li qal l-appostlu Ġwanni: “Ebda bniedem ma ra lil Alla f’xi żmien.” (Ġwanni 1:18) Dak li raw dawn l-irġiel kienu anġli li jirrappreżentaw lil Alla u mhux lil Alla nnifsu.
24 taʼ Frar–1 taʼ Marzu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠENESI 20-21
Ħaffer għal Ġawhar Spiritwali
w89 10/1 8 ¶9
Abraham—Eżempju għal Kull Min Ifittex il-Ħbiberija t’Alla
9 Abram aġixxa b’att ieħor taʼ fidi. Kif jgħid ir-rakkont: “Hu bena artal hemm għal Ġeħova.” (Ġenesi 12:7) Wisq probabbli, dan inkluda l-offerta taʼ annimal bħala sagrifiċċju, għax il-kelma Ebrajka għal “artal” tfisser “post taʼ sagrifiċċju.” Iktar tard, Abram irrepeta dawn l-atti taʼ fidi f’partijiet oħra tal-art. Flimkien maʼ dan, hu ‘sejjaħ l-isem taʼ Ġeħova.’ (Ġenesi 12:8; 13:18; 21:33) Il-frażi Ebrajka “sejjaħ l-isem” tfisser ukoll “tiddikjara (tipprietka) l-isem.” In-nies taʼ daru kif ukoll il-Kangħanin żgur li semgħuh bi qlubija jiddikjara l-isem taʼ Alla tiegħu, Ġeħova. (Ġenesi 14:22-24) B’mod simili, dawk kollha li jfittxu l-ħbiberija t’Alla llum iridu jsejħu lil ismu bil-fidi. Dan ikun jinkludi li tieħu sehem fl-ippritkar pubbliku, billi “dejjem noffru ’l Alla sagrifiċċju taʼ tifħir, jiġifieri, il-frott tax-xofftejn li jagħmlu dikjarazzjoni pubblika għal ismu.”—Ebrej 13:15; Rumani 10:10.