LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w16 April pp. 21-26
  • Żommu n-newtralità f’dinja mifruda

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żommu n-newtralità f’dinja mifruda
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • QISU L-​GVERNIJIET UMANI BIL-​MOD KIF IQISHOM ĠEĦOVA
  • KUNU “ATTENTI” IŻDA “INNOĊENTI”
  • ĠEĦOVA SE JGĦINEK
  • IBBENEFIKAW MINN QADDEJJA LEALI TAʼ ĠEĦOVA
  • Xi Jfisser li Tkun Newtrali?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Żomm il-lealtà tiegħek lejn is-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jżommu n-newtralità tagħhom fil-politika?
    Mistoqsijiet Komuni dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova
  • Kif tibqaʼ separat mid-dinja
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
w16 April pp. 21-26
Xhud taʼ Ġeħova fil-ħabs minħabba n-newtralità tiegħu

Żommu n-​newtralità f’dinja mifruda

“Agħtu lura . . . lil Alla dak li hu t’Alla.”—MATTEW 22:21.

GĦANJIET: 33, 137

TAF TWIEĠEB?

  • Ġeħova kif iqis il-​gvernijiet umani?

  • X’għandna nagħmlu meta jkun diffiċli biex nibqgħu newtrali?

  • X’nistgħu nitgħallmu minn qaddejja leali taʼ Ġeħova li baqgħu newtrali?

1. Kif nistgħu nobdu kemm lil Alla u kemm il-​gvernijiet umani?

IL-​Bibbja tgħallimna biex nobdu l-​gvernijiet umani, imma tgħidilna wkoll li lil Alla dejjem għandna nobduh. (Atti 5:29; Titu 3:1) Kif inhu possibbli? Ġesù spjega prinċipju li jgħinna nkunu nafu lil min għandna nobdu. Hu qal li għandna nagħtu lura “lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.”[1] (Ara n-​nota fl-​aħħar.) (Mattew 22:21) Aħna nagħtu lura “lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari” meta nobdu l-​liġijiet tal-​gvern, nittrattaw uffiċjali tal-​gvern b’rispett, u nħallsu t-​taxxi. (Rumani 13:7) Madankollu, jekk il-​gvern jgħidilna biex nagħmlu xi ħaġa li Alla ma jridniex nagħmlu, aħna nirrifjutaw li nagħmlu hekk, imma dejjem nagħmlu dan b’rispett.

2. Kif nuru li ma nżommu maʼ ħadd fid-​dinja politika?

2 Mod wieħed kif nistgħu nagħtu “lil Alla dak li hu t’Alla” hu billi ma nżommu maʼ ħadd fi kwistjonijiet politiċi taʼ din id-​dinja. Aħna newtrali f’dawn l-​affarijiet. (Isaija 2:4) Ladarba Ġeħova jippermetti lill-​gvernijiet umani biex imexxu, aħna ma nopponuhomx. Apparti minn hekk, aħna ma ninvolvu ruħna f’ebda attività patrijottika jew nazzjonalistika. (Rumani 13:1, 2) Aħna ma nipprovawx inbiddlu lil gvernijiet jew nipprovaw ninfluwenzaw politikanti, u ma nivvotawx f’elezzjonijiet politiċi jew insiru politikanti.

3. Għala għandna nibqgħu newtrali?

3 Hemm ħafna raġunijiet għala Alla jgħidilna biex inkunu newtrali. Waħda mir-​raġunijiet hi li aħna nimitaw lil Ġesù, li ma ‘kienx parti mid-​dinja.’ Hu qatt ma żamm maʼ xi ħadd fil-​politika jew il-​gwerer. (Ġwanni 6:15; 17:16) Raġuni oħra hi li aħna nappoġġaw is-​Saltna t’Alla. Minħabba li ma nappoġġawx il-​gvernijiet umani, għandna kuxjenza nadifa meta nippritkaw li s-​Saltna t’Alla biss se ssolvi l-​problemi tan-​nies kollha. Ir-​reliġjonijiet foloz jindaħlu fil-​politika, u dan jifred lin-​nies. Imma minħabba li aħna newtrali, aħna magħqudin maʼ ħutna rġiel u nisa mad-​dinja kollha.—1 Pietru 2:17.

4. (a) Kif nafu li se tkun iktar diffiċli biex nibqgħu newtrali? (b) Għala għandna nippreparaw minn issa biex nibqgħu newtrali?

4 Għandu mnejn ngħixu f’post fejn in-​nies ma jippretendux li nżommu maʼ xi naħa fil-​politika. Imma iktar kemm nersqu eqreb lejn it-​tmiem tas-​sistema taʼ Satana, iktar se jkun diffiċli għalina biex nibqgħu newtrali. In-​nies illum diġà “ma jkunux iridu jiftiehmu” u “rashom iebsa,” u allura nistennew li se jkun hawn iktar firda fost in-​nies. (2 Timotju 3:3, 4) F’xi pajjiżi, l-​aħwa diġà ġew effettwati minn tibdil f’daqqa fil-​politika. Huwa għalhekk li għandna bżonn nippreparaw lilna nfusna minn issa biex nibqgħu newtrali anki f’sitwazzjoni diffiċli. Ejja nikkunsidraw erbaʼ affarijiet li nistgħu nagħmlu biex nippreparaw.

QISU L-​GVERNIJIET UMANI BIL-​MOD KIF IQISHOM ĠEĦOVA

5. Ġeħova kif iqishom il-​gvernijiet umani?

5 L-​ewwel mod kif nistgħu nippreparaw minn issa biex nibqgħu newtrali hu billi nqisu l-​gvernijiet umani bil-​mod kif iqishom Ġeħova. Meta Ġeħova ħalaq lin-​nies, ma tahomx id-​dritt li jmexxu fuq nies oħrajn. (Ġeremija 10:23) Hu jqis lin-​nies kollha bħala familja waħda. Imma l-​gvernijiet umani jifirdu lin-​nies billi jsostnu li l-​pajjiż tagħhom hu l-​aħjar. Anki meta l-​gvernijiet ikunu jidhru tajbin, xorta ma jistgħux isolvu l-​problemi kollha. Apparti minn hekk, huma saru l-​għedewwa tas-​Saltna t’Alla, li bdiet tmexxi mill-​1914. Is-​Saltna dalwaqt se tneħħi lill-​gvernijiet umani kollha.—Aqra Salm 2:2, 7-​9.

Ipprepara minn issa biex tibqaʼ newtrali anki f’sitwazzjoni diffiċli

6. Kif għandna nittrattaw lil dawk li għandhom awtorità fil-​gvern?

6 Alla jippermetti li jkun hawn gvernijiet umani għax jistgħu jżommu xi tip taʼ paċi u ordni. Dan jgħinna nippritkaw l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla. (Rumani 13:3, 4) Alla saħansitra jgħidilna biex nitolbu dwar dawk li għandhom awtorità ħalli nkunu nistgħu nqimuh fil-​paċi. (1 Timotju 2:1, 2) Meta ma nkunux qed niġu ttrattati b’mod ġust, għandu mnejn nitolbu lil dawk li għandhom awtorità fil-​gvern biex jgħinuna. Pereżempju Pawlu hekk għamel. (Atti 25:11) Għalkemm il-​Bibbja tgħid li Satana jikkontrolla l-​gvernijiet umani, qatt ma tgħid li jikkontrolla kull individwu li għandu awtorità fil-​gvern. (Luqa 4:5, 6) Allura, qatt m’għandna nagħtu lil xi ħadd l-​idea li xi uffiċjal tal-​gvern qed jiġi kkontrollat mix-​Xitan. Il-​Bibbja tispjega li m’għandniex ninsultaw lil oħrajn.—Titu 3:1, 2.

7. Liema ħsieb għandna nevitaw?

7 Aħna nobdu lil Alla billi ma nurux preferenza lejn xi politikant jew grupp politiku, anki meta l-​ideat jew l-​opinjonijiet tagħhom ikunu taʼ benefiċċju għalina. Kultant, dan għandu mnejn ma jkunx faċli għalina. Pereżempju, immaġina li xi nies jirribellaw kontra gvern li kkaġuna ħafna tbatija, anki lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Naturalment, m’intix se tingħaqad maʼ dawk li qed jirribellaw, imma se taħseb li r-​ribelli huma ġusti u tittama li jirnexxu? (Efesin 2:2) Jekk irridu nibqgħu newtrali, irridu nevitaw li nħossu li naħa minnhom hi ġusta jew hi aħjar minn oħra. Dan ikun evidenti minn dak li ngħidu u nagħmlu.

KUNU “ATTENTI” IŻDA “INNOĊENTI”

8. Meta jkun diffiċli biex nibqgħu newtrali, kif nistgħu nkunu “attenti” iżda “innoċenti”?

8 It-​tieni mod kif nistgħu nibqgħu newtrali hu billi nkunu “attenti bħas-​sriep iżda innoċenti bħall-​ħamiem.” (Aqra Mattew 10:16, 17.) Aħna nkunu “attenti” meta naħsbu minn qabel dwar id-​diffikultajiet. U aħna “innoċenti” meta nibqgħu newtrali f’dawn is-​sitwazzjonijiet diffiċli. Ejja niddiskutu ftit minn dawn is-​sitwazzjonijiet u x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu newtrali.

9. Meta nitkellmu m’oħrajn, minn xiex għandna noqogħdu attenti?

9 Il-​konversazzjonijiet. Jeħtieġ noqogħdu attenti ħafna meta n-​nies jibdew jiddiskutu kwistjonijiet politiċi. Pereżempju, meta nkunu qed nitkellmu maʼ xi ħadd dwar is-​Saltna t’Alla, mhux se ngħidu li naqblu jew li ma naqblux mal-​ideat jew l-​opinjonijiet taʼ xi grupp jew mexxej politiku partikulari. Minflok ma tiddiskuti x’għandhom jagħmlu n-​nies biex isolvu l-​problemi tal-​umanità, urihom mill-​Bibbja kif is-​Saltna t’Alla se ssolvihom b’mod permanenti. Jekk in-​nies iridu jargumentaw dwar xi suġġett, bħaż-​żwieġ bejn tnejn tal-​istess sess jew abort, għidilhom x’tgħid il-​Kelma t’Alla u kif int tipprova ssegwiha f’ħajtek. Jekk xi ħadd jgħidilna li ċerti liġijiet għandhom jitneħħew jew jinbidlu, m’għandna nżommu maʼ ħadd, u ma ninsistux li l-​persuna għandha tbiddel l-​opinjoni tagħha.

Qabbel dak li tismaʼ mal-​“mudell taʼ kliem mimli saħħa” li nsibu fil-​Bibbja

10. Kif nistgħu nagħmlu ċert li nibqgħu newtrali meta naraw jew naqraw xi ħaġa fil-​midja?

10 Il-​midja. Kultant ġrajja fl-​aħbarijiet tingħad b’tali mod li tappoġġa b’mod ċar naħa waħda taʼ kwistjoni. Dan hu speċjalment minnu f’pajjiżi fejn l-​aħbarijiet huma kkontrollati mill-​gvern. Jekk l-​organizzazzjonijiet tal-​aħbarijiet jew ġurnalisti jżommu maʼ naħa, għandna noqogħdu attenti ħafna biex ma nibdewx naħsbu bħalhom. Pereżempju, saqsi lilek innifsek, ‘Nieħu pjaċir nismaʼ lil xi ġurnalist partikulari għax naqbel maʼ dak li jgħid dwar il-​politika?’ Bħala għajnuna biex tibqaʼ newtrali, evita li tara jew taqra ħafna rapporti li jżommu maʼ naħa fi kwistjonijiet politiċi. Minflok, ipprova sib rapporti li ma jżommu maʼ ħadd. U dejjem qabbel dak li tismaʼ mal-​“mudell taʼ kliem mimli saħħa” li nsibu fil-​Bibbja.—2 Timotju 1:13.

11. Kif għandu mnejn ikun diffiċli għalina biex nibqgħu newtrali meta l-​affarijiet li għandna nqisuhom importanti ħafna?

11 Il-​materjaliżmu. Meta l-​flus u l-​affarijiet li għandna nqisuhom importanti ħafna, għandu mnejn insibuha diffiċli biex nibqgħu newtrali. Wara l-​1970, ħafna Xhieda fil-​Malawi kellhom iħallu kulma kellhom minħabba li rrifjutaw li jingħaqdu maʼ grupp politiku. B’dispjaċir, xi wħud ma jkunux lesti li jitilqu l-​ħajja komda tagħhom. Oħt jisimha Ruth tiftakar, “Xi wħud kienu tkeċċew magħna imma iktar tard ingħaqdu maʼ partit politiku u marru lura d-​dar għax ma ridux jissaportu n-​nuqqas taʼ kumdità tal-​ħajja li kien hemm fil-​kamp tar-​refuġjati.” Imma l-​maġġorparti tan-​nies t’Alla mhumiex hekk. Huma jibqgħu newtrali, anki jekk b’riżultat taʼ dan ikollhom inqas flus jew jitilfu kulma jkollhom.—Ebrej 10:34.

12, 13. (a) Ġeħova x’jaħseb dwar in-​nies? (b) Kif nistgħu nindunaw jekk hux qed insiru wisq kburin bil-​pajjiż tagħna?

12 Il-​kburija. Hija xi ħaġa komuni għan-​nies li jkunu kburin jew li jiftaħru bir-​razza, tribù, kultura, belt, jew pajjiż tagħhom. Imma Ġeħova ma jaħsibx li persuna jew grupp taʼ nies hu aħjar minn ieħor. Għalih, aħna lkoll indaqs. Naturalment, Ġeħova għamilna differenti minn xulxin, u nistgħu nieħdu pjaċir b’din il-​varjetà u nammiraw din il-​varjetà. Ma jridniex nabbandunaw il-​kultura tagħna. Imma fl-​istess ħin ma jridniex naħsbu li aħna aħjar minn oħrajn.—Rumani 10:12.

13 Qatt m’għandna nkunu tant kburin bil-​pajjiż jew nazzjon tagħna li naħsbu li hu aħjar minn ieħor. Jekk naħsbu b’dan il-​mod, għandu mnejn ikun diffiċli ħafna għalina biex nibqgħu newtrali. Hekk ġara fl-​ewwel seklu. Xi aħwa Ebrej ma ttrattawx lir-​romol Griegi b’mod ġust. (Atti 6:1) Kif nistgħu nindunaw jekk bdejniex niżviluppaw din it-​tip taʼ kburija? Jekk ħu jew oħt minn pajjiż ieħor tagħtik suġġeriment, taħseb int mill-​ewwel, ‘Aħna nagħmlu l-​affarijiet aħjar hawn,’ u mbagħad tirrifjuta s-​suġġeriment? Jekk jiġri hekk, ftakar f’dan il-​parir importanti: ‘B’umiltà qisu lill-​oħrajn superjuri għalikom.’—Filippin 2:3.

ĠEĦOVA SE JGĦINEK

14. It-​talb kif jistaʼ jgħinna, u liema eżempju Bibliku jagħti prova taʼ dan?

14 It-​tielet mod biex tibqaʼ newtrali hu billi tistrieħ fuq Ġeħova. Itlob għall-​ispirtu qaddis, li jistaʼ jagħtik il-​paċenzja u r-​rażan. Dawn il-​kwalitajiet se jgħinuk f’każ li l-​gvern jagħmel xi ħaġa b’mod korrott jew inġust. Itlob lil Ġeħova għall-​għerf biex tagħraf sitwazzjoni li tistaʼ tagħmilhielek diffiċli biex tibqaʼ newtrali. U itolbu biex jgħinek tagħmel l-​aħjar ħaġa f’dik is-​sitwazzjoni. (Ġakbu 1:5) Għandu mnejn tintbagħat il-​ħabs jew tiġi kkastigat b’mod ieħor minħabba li tkun leali lejn Ġeħova. Jekk jiġri hekk, itlob għall-​kuraġġ ħalli tkun tistaʼ tispjega lil oħrajn b’mod ċar għala int newtrali. Int tistaʼ tkun ċert li Ġeħova se jgħinek tissaporti.—Aqra Atti 4:27-​31.

Tgħallem versi tal-​Bibbja li se jgħinuk tibqaʼ newtrali u versi li jiddeskrivu d-​dinja l-​ġdida

15. Il-​Bibbja kif tistaʼ tgħinna nibqgħu newtrali? (Ara wkoll il-​kaxxa “Il-​Kelma t’Alla saħħet il-​konvinzjoni tagħhom.”)

15 Ġeħova jistaʼ jsaħħaħna permezz tal-​Bibbja. Immedita fuq versi li se jgħinuk tibqaʼ newtrali. Ipprova tgħallem bl-​amment dawn il-​versi, għax se jgħinuk f’każ li xi darba ma jkollokx Bibbja miegħek. Barra minn hekk, il-​Bibbja tistaʼ ssaħħaħ it-​tama tiegħek f’dak li jgħid Alla dwar il-​futur. Għandna bżonn din it-​tama biex nissaportu l-​persekuzzjoni. (Rumani 8:25) Agħżel versi li jiddeskrivu dak li b’mod partikulari tixtieq tgawdi fid-​dinja l-​ġdida, u immaġina lilek innifsek hemm.

IBBENEFIKAW MINN QADDEJJA LEALI TAʼ ĠEĦOVA

16, 17. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tal-​qaddejja leali t’Alla li baqgħu newtrali? (Ara l-​ewwel stampa.)

16 Ir-​rabaʼ mod li jgħinna nibqgħu newtrali hu billi naħsbu dwar l-​eżempji taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova. Ħafna wħud fiż-​żmien tal-​Bibbja kellhom kuraġġ, u ħadu deċiżjonijiet għaqlin li għenuhom jibqgħu newtrali. Aħseb dwar Sidrak, Mesak, u Għabednego, li rrifjutaw iqimu statwa li kienet tirrappreżenta t-​tmexxija politika taʼ Babilonja. (Aqra Danjel 3:16-​18.) Ir-​rakkont tal-​Bibbja jgħin lil ħafna Xhieda llum biex ikunu kuraġġużi u biex jirrifjutaw li jqimu l-​bandiera tal-​pajjiż taʼ fejn jgħixu. Ġesù ma ndaħalx fil-​politika jew kwistjonijiet oħra li kienu jifirdu lin-​nies. Hu kien jaf li l-​eżempju tajjeb tiegħu setaʼ jgħin lid-​dixxipli tiegħu. Hu qal: “Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.”—Ġwanni 16:33.

17 Ħafna Xhieda fi żmienna baqgħu newtrali. Xi wħud kienu ġew ittorturati, mitfugħin il-​ħabs, u saħansitra maqtulin għax baqgħu leali lejn Ġeħova. L-​eżempju tagħhom jistaʼ jgħinna jkollna kuraġġ. Ħu mit-​Turkija qal: “Franz Reiter kien ħu żagħżugħ li ġie maqtul minħabba li rrifjuta li jingħaqad mal-​armata taʼ Hitler. L-​ittra li kiteb lil ommu l-​lejl taʼ qabel ma miet uriet li kellu fidi u fiduċja kbira ħafna f’Ġeħova, u jien ridt nagħmel bħalu f’każ li niffaċċja prova bħal din.”[2]—Ara n-​nota fl-​aħħar.

18, 19. (a) Il-​membri tal-​kongregazzjoni tiegħek kif jistgħu jgħinuk tibqaʼ newtrali? (b) X’int determinat li tagħmel?

18 L-​aħwa rġiel u nisa fil-​kongregazzjoni tiegħek jistgħu jgħinuk tibqaʼ newtrali. Informa l-​anzjani jekk tkun f’sitwazzjoni diffiċli. Huma jistgħu jagħtuk parir tajjeb mill-​Bibbja. Barra minn hekk, jekk xi membri tal-​kongregazzjoni jkunu jafu x’inhi s-​sitwazzjoni tiegħek, ikunu jistgħu jinkuraġġuk. Itlobhom biex jitolbu għalik. Imma aħna wkoll għandna nappoġġaw lil ħutna u nitolbu għalihom. (Mattew 7:12) Sabiex issib listi taʼ ismijiet taʼ aħwa li huma fil-​ħabs, ara l-​artiklu fuq jw.org bit-​titlu “Jehovah’s Witnesses Imprisoned for Their Faith—By Location,” li tistaʼ ssibu jekk tikklikkja fuq NEWSROOM > LEGAL DEVELOPMENTS. Agħżel ftit ismijiet, u itlob lil Ġeħova biex jgħin lil dawn l-​aħwa rġiel u nisa biex ikunu kuraġġużi u jibqgħu leali lejh.—Efesin 6:19, 20.

19 Hekk kif nersqu eqreb tat-​tmiem, mhux se nissorprendu ruħna jekk il-​gvernijiet jagħmlu iktar u iktar pressjoni fuqna sabiex inżommu man-​naħa tagħhom. Huwa għalhekk li hu importanti għalina li nippreparaw minn issa biex nibqgħu newtrali f’din id-​dinja mifruda!

^ [1] (paragrafu 1) Meta Ġesù semma lil Ċesari, Ġesù kien qed jitkellem dwar il-​gvern. F’dak iż-​żmien, Ċesari kien il-​mexxej u l-​ogħla persuna fl-​awtorità.

^ [2] (paragrafu 17) Ara l-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom, paġna 662, u l-​kaxxa “Miet biex jonora lil Alla” f’kapitlu 14 tal-​ktieb Is-​Saltna t’Alla qed taħkem!

Il-​kelma t’Alla saħħet il-​konvinzjoni tagħhom

“Meta mmeditajt fuq Proverbji 27:11, Mattew 26:52, u Ġwanni 13:35, issaħħitli l-​konvinzjoni tiegħi biex nirrifjuta s-​servizz militari. Apparti minn hekk, dawn il-​versi għenuni nibqaʼ kalm matul il-​prova tiegħi.”—Andriy, mill-​Ukraina.

“L-​iskrittura taʼ Isaija 2:4 għenitni nibqaʼ newtrali waqt prova. Kont inġib quddiem għajnejja kemm se tkun trankwilla l-​ħajja fid-​dinja l-​ġdida, meta ħadd mhu se jġorr arma biex iweġġaʼ lil ħaddieħor.”—Wilmer, mill-​Kolumbja.

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Aħna newtrali fil-​kwistjonijiet taʼ din id-​dinja: Aħna ma nżommu maʼ ħadd rigward politika jew gwerer għax aħna leali lejn is-​Saltna t’Alla

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja