Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
11-17 TAʼ JANNAR
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LEVITIKU 20-21
“Ġeħova Jagħżel Poplu Għalih”
it-1 1199
Wirt
Kwalunkwe propjetà li tgħaddi għand il-werriet jew għand dawk intitolati li jirtu meta jmut xi ħadd; kwalunkwe ħaġa li xi ħadd jirċievi mingħand dawk li għexu qabel. Il-verb ewlieni Ebrajk użat jinvolvi li wieħed jakkwista jew jgħaddi wirt. (Nu 26:55; Eże 46:18) Kultant jiġi użat verb ieħor li jfisser li wieħed jilħaq flok ieħor, imma iktar spiss użat bħala li jiret. (Ġen 15:3; Le 20:24) Ifisser ukoll li jittiħidlek il-wirt jew titkeċċa, u dan jinvolvi azzjoni militari. (Dt 2:12; 31:3) Il-kliem Grieg li għandu x’jaqsam mal-wirt għall-ewwel kien ifisser “bix-xorti” imma mbagħad sar ifisser “li taqsam” u fl-aħħar “wirt.”—Mt 27:35; At 1:17; 26:18.
it-1 317 ¶2
Għasafar
Wara d-Dulluvju globali, Noè offra ‘ħlejjaq nodfa li jtiru’ flimkien maʼ annimali bħala sagrifiċċju. (Ġen 8:18-20) B’hekk, Alla ppermetta li l-għasafar ikunu inklużi fid-dieta tal-bniedem, mingħajr ma jittiekel id-demm. (Ġen 9:1-4; qabbel Le 7:26; 17:13.) Milli jidher, l-‘indafa’ taʼ ċerti għasafar dak iż-żmien kellha x’taqsam maʼ li Alla jaċċetta s-sagrifiċċju; il-Bibbja turi li ebda għasfur użat għall-ikel ma kien meqjus bħala “mhux nadif” sakemm ġiet stabbilita l-Liġi taʼ Mosè. (Le 11:13-19, 46, 47; 20:25; Dt 14:11-20) Il-fatturi li jiddeterminaw liema għasafar kienu meqjusin b’mod ċerimonjali bħala “mhux nodfa” mhumiex imniżżlin fil-Bibbja. B’hekk, waqt li l-biċċa l-kbira tal-għasafar kienu meqjusin bħala tal-priża jew li jieklu annimali mejta, mhux kollha kienu hekk. Din il-projbizzjoni tneħħiet wara li ġie stabbilit il-patt il-ġdid, bħalma Alla fiehem lil Pietru permezz taʼ viżjoni.—At 10:9-15.
Ġawhar Spiritwali
it-1 563
Qtugħ Fuq il-Ġisem
Il-liġi t’Alla pprojbiet speċifikament il-qtugħ fuq il-ġisem meta jmut xi ħadd. (Le 19:28; 21:5; Dt 14:1) Ir-raġuni għal dan kienet li Iżrael kien poplu qaddis għal Ġeħova, propjetà speċjali. (Dt 14:2) B’hekk, Iżrael ma kellux jinvolvi ruħu fil-prattiki idolatrużi kollha. Ukoll, bħala poplu li kien konxju kompletament mill-kundizzjoni attwali tal-mejtin kif ukoll mit-tama tal-irxoxt, turijiet estremi taʼ niket, bħal li xi ħadd iweġġaʼ lilu nnifsu, kienu verament mhux xierqa. (Da 12:13; Eb 11:19) Ukoll, il-projbizzjoni kontra li wieħed jagħmel ħsara lilu nnifsu kienet se tgħin lill-Iżraelin biex jirrispettaw kif jixraq il-ġisem uman, li hu ħolqien t’Alla.
18-24 TAʼ JANNAR
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LEVITIKU 22-23
“Festi li Jfissru Xi Ħaġa Għalina”
it-1 826-827
Il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira
L-ewwel ġurnata tal-Festa tal-Ħobż bla Ħmira kienet assemblea solenni kif ukoll Sabat. Fit-tieni ġurnata, is-16 taʼ Nisan, qatta tal-ewwel frott tal-ħsad tax-xgħir, l-ewwel prodott fil-Palestina li jsir, kien jinġieb lill-qassis. La qmuħ ġodda, la ħobż, u lanqas qamħ inkaljat mill-ħsad il-ġdid ma setaʼ jittiekel qabel din il-festa. Il-qassis offra l-ewwel frott lil Ġeħova b’mod simboliku billi xejjer qatta qamħ ’l hemm u ’l hawn, waqt li muntun bla difett fl-ewwel sena tiegħu kien offrut bħala offerta tal-ħruq. Flimkien maʼ dawn kienu joffru offerta tal-qamħ li kienu jbillu fiż-żejt u offerta tax-xorb. (Le 23:6-14) Ma kien hemm l-ebda kmand biex jaħarqu xi qmuħ jew id-dqiq tiegħu fuq l-artal, kif kienu jagħmlu iktar tard il-qassisin. Mhux biss kien hemm offerta tal-ewwel frott li kienet issir fil-pubbliku jew bħala nazzjon imma wkoll sar arranġament biex kull familja u kull individwu li kellu xi art f’Iżrael joffri sagrifiċċji taʼ radd il-ħajr f’din l-okkażjoni taʼ festa.—Eżo 23:19; Dt 26:1, 2.
Sinifikat. Li jieklu l-ħobż bla ħmira f’dan iż-żmien kien fi qbil mal-istruzzjonijiet li Mosè rċieva mingħand Ġeħova, bħalma hu miktub f’Eżodu 12:14-20, li jinkludi t-twissija stretta f’vers 19: “Għal sebat ijiem ebda għaġina mħemmra m’għandha tinstab fi djarkom.” F’Dewteronomju 16:3 il-ħobż bla ħmira jissejjaħ “il-ħobż tas-sofferenza,” u kull sena dan kien ifakkar lil-Lhud f’meta telqu bl-għaġla mill-art tal-Eġittu (meta ma kellhomx ħin biex l-għaġina tħemmer [Eżodu 12:34]). B’hekk huma ftakru fis-sofferenza u l-jasar li Iżrael inħeles minnhom, bħalma Ġeħova qal, “sabiex il-jiem kollha taʼ ħajtek tiftakar fil-jum li fih ħriġt mill-art taʼ l-Eġittu.” Il-fatt li rrealizzaw il-ħelsien li kellhom bħala nazzjon u li rrikonoxxew lil Ġeħova bħala l-Ħellies tagħhom għenhom biex jiċċelebraw l-ewwel mit-tliet festi annwali tal-Iżraelin.—Dt 16:16.
it-2 598 ¶2
Pentekoste
L-ewwel frott mill-ħsad tal-qamħ kellu jiġi trattat differenti mill-ewwel frott tax-xgħir. Tnejn minn kull għaxra taʼ efa dqiq fin tal-qamħ (4.4 litri) flimkien mal-ħmira kellhom jinħmew f’żewġ ħobżiet. Kellhom ikunu “mill-postijiet fejn tgħammru,” li kien ifisser li kellhom ikunu ħobż magħmul għall-użu taʼ kuljum taʼ familja u mhux għal skopijiet sagri. (Le 23:17) Maʼ dawn kellhom jiġu offruti offerti tal-ħruq u offerta għad-dnub, u żewġt iħrief irġiel bħala offerta taʼ sħubija. Il-qassis kien ixejjer il-ħobż u l-ħrief quddiem Ġeħova billi kien ipoġġi jdejh taħthom u jxejjirhom ’l hemm u ’l hawn, u dan kien ifisser li ġew preżentati quddiem Ġeħova. Wara li l-ħobż u l-ħrief jiġu offruti, dawn kienu jsiru tal-qassis biex jikolhom bħala offerta taʼ sħubija.—Le 23:18-20.
25-31 TAʼ JANNAR
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LEVITIKU 24-25
“Is-Sena tal-Ġublew u Ħelsien fil-Futur”
it-1 871
Ħelsien
L-Alla tal-Ħelsien. Ġeħova hu l-Alla tal-ħelsien, jew libertà. Hu ħeles lin-nazzjon t’Iżrael mill-jasar tal-Eġittu. Hu qalilhom li jekk jobdu l-kmandamenti tiegħu ma kien se jonqoshom xejn. (Dt 15:4, 5) David tkellem dwar “ħelsien mill-inkwiet” fit-torrijiet taʼ Ġerusalemm. (Sa 122:6, 7) Madankollu, il-Liġi kienet tgħid li jekk raġel ftaqar, hu setaʼ jbigħ lilu nnifsu bħala skjav biex jipprovdi l-bżonnijiet għalih u għal familtu. Imma dan l-Ebrew ingħata l-ħelsien permezz tal-Liġi fis-sebaʼ sena tal-jasar tiegħu. (Eżo 21:2) Fil-Ġublew (li kien isir kull 50 sena), kienet tingħata l-libertà lill-abitanti kollha tal-art. Kull Ebrew kien jinħeles, u kull raġel kien imur lura lejn il-wirt tal-art tiegħu.—Le 25:10-19.
it-1 1200 ¶2
Wirt
Ladarba l-art kienet tibqaʼ għand l-istess familja minn ġenerazzjoni għal oħra, ma setgħetx tinbiegħ b’mod perpetwu. Il-bejgħ tal-art attwalment kien biss il-kera tagħha għall-valur taʼ kemm kienet tipproduċi prodotti tal-art. Il-prezz tax-xiri kien ivarja skont in-numru taʼ snin li kien jifdal sal-Ġublew li kien imiss. F’dan iż-żmien, l-art kienet terġaʼ tmur lura għand is-sid oriġinali tagħha sakemm din ma tkunx inxtrat lura jew mifdija qabel il-Ġublew. (Le 25:13, 15, 23, 24) Din il-liġi inkludiet djar fi bliet mingħajr swar, li kienu meqjusin bħala parti mill-għelieqi. Għal dar li kienet f’belt bis-swar, id-dritt li tinxtara lura kien jgħodd biss għal sena minn meta nbiegħet. F’dan iż-żmien kienet issir il-propjetà tax-xerrej. Fil-każ taʼ djar fi bliet Leviti, id-dritt li jinxtraw lura baqaʼ għal dejjem għax il-Leviti ma kellhomx art bħala wirt.—Le 25:29-34.
it-2 122-123
Ġublew
Meta n-nazzjon taʼ Iżrael obda l-liġi tal-Ġublew, din ipproteġietu minn dak li qed jiġri f’ħafna pajjiżi llum, jiġifieri li n-nies ikunu jew sinjuri ħafna jew fqar ħafna. B’hekk, kulħadd kien jibbenefika u ħadd ma kien ibati minn sitwazzjoni ekonomika ħażina, iżda kulħadd kien jikkontribwixxi għall-ġid tan-nazzjon permezz tat-talenti u l-abbiltajiet tiegħu. Peress li Ġeħova kien ibierek dak li kienet tipproduċi l-art u permezz tat-tagħlim li kien provdut, jekk Iżrael kien jobdi, hu kien se jgawdi gvern perfett u prosperità li Ġeħova biss setaʼ jipprovdi.—Is 33:22.
1-7 TAʼ FRAR
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LEVITIKU 26-27
“Kif Tirċievi l-Barka taʼ Ġeħova?”
it-1 223 ¶3
Li Jqanqal il-Biżaʼ
Minħabba l-mod kif Ġeħova uża lil Mosè u ttratta miegħu, Mosè għamel għemejjel kbar li jqanqlu l-biżaʼ quddiem għajnejn Iżrael kollu. (Dt 34:10, 12; Eżo 19:9) Dawk li kellhom il-fidi kellhom biżaʼ bnin mill-awtorità taʼ Mosè. Huma rrealizzaw li Alla tkellem permezz tiegħu. Ukoll, l-Iżraelin kellu jkollhom rispett profond lejn is-santwarju taʼ Ġeħova. (Le 19:30; 26:2) Dan kien ifisser li huma kellhom juru rispett kbir lejn is-santwarju, jagħtu qima bil-mod li Ġeħova qalilhom, u jġibu ruħhom fi qbil mal-kmandi tiegħu kollha.
Ġawhar Spiritwali
it-2 617
Pesta
Tiġi Milli Wieħed Jitlaq il-Liġi t’Alla. In-nazzjon taʼ Iżrael kien imwissi li jekk ma jibqax iżomm il-patt li Alla għamel magħhom, dan kien se jwassal f’li ‘jibgħat il-pesta f’nofshom.’ (Le 26:14-16, 23-25; Dt 28:15, 21, 22) Fl-Iskrittura kollha, is-saħħa spiritwali jew fiżika għandha x’taqsam mal-barka t’Alla (Dt 7:12, 15; Sa 103:1-3; Pr 3:1, 2, 7, 8; 4:21, 22; Ri 21:1-4), filwaqt li l-mard għandu x’jaqsam mad-dnub u l-imperfezzjoni. (Eżo 15:26; Dt 28:58-61; Is 53:4, 5; Mt 9:2-6, 12; Ġw 5:14) Huwa veru li f’ċerti każi Alla Ġeħova ġab il-mard b’mod dirett u dak il-ħin stess fuq xi persuni, bħall-ġdiem taʼ Mirjam, taʼ Użżija, u taʼ Geħażi (Nu 12:10; 2Kr 26:16-21; 2Sl 5:25-27). Imma milli jidher f’ħafna każi, il-mard u l-pesta kienu r-riżultat tal-imġiba midinba taʼ xi persuni jew in-nazzjon. Huma sempliċiment ħasdu dak li żergħu; ġisimhom bata l-effetti tal-ħażen li għamlu. (Ga 6:7, 8) Dwar dawk li daru għall-immoralità sesswali oxxena, l-appostlu jgħid li Alla “telaqhom għan-nuqqas taʼ ndafa, sabiex jiddiżonoraw lil ġisimhom stess . . . jirċievu fihom infushom il-ħlas sħiħ li kien ħaqqhom għall-iżball tagħhom.”—Rum 1:24-27.
8-14 TAʼ FRAR
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 1-2
“Ġeħova Jorganizza l-Poplu Tiegħu”
it-1 397 ¶4
Kamp
Il-kamp taʼ Iżrael kien kbir ħafna. Kien hemm total taʼ 603,550 gwerrier, flimkien man-nisa, tfal, anzjani, persuni b’diżabilità, 22,000 Levita, u “kotra mħallta kbira ħafna taʼ barranin”—b’kollox xi 3,000,000 ruħ jew iktar. (Eżo 12:38, 44; Nu 3:21-34, 39) It-tul u l-wisaʼ tal-kamp mhumiex fiċ-ċert; il-kalkoli jvarjaw ħafna. Meta l-kamp kien faċċata taʼ Ġeriko fuq il-Pjanuri taʼ Mowab, jingħad li kien “minn Bet-ġesimot sa Abel-sittim.”—Nu 33:49.
Ġawhar Spiritwali
it-2 764
Reġistrazzjoni
Jitniżżlu l-ismijiet, ġeneralment skont il-linja ġenealoġika tat-tribù u tad-dar. Dan kien jinvolvi iktar minn sempliċi ċensiment jew li jingħaddu l-kapijiet tad-djar. Ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali li jissemmew fil-Bibbja kienu għal diversi skopijiet, bħal taxxa, inkarigi għal servizz militari, u għal xogħol tal-Leviti fis-santwarju.
15-21 TAʼ FRAR
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 3-4
“L-Inkarigu tal-Leviti”
it-2 683 ¶3
Qassis
Taħt il-Patt tal-Liġi. Meta l-Iżraelin kienu fil-jasar fl-Eġittu, Ġeħova qaddes għalih kull l-ewwel imwieled tifel taʼ Iżrael fiż-żmien meta qered l-ewwel imwieled tal-Eġizzjani permezz tal-għaxar kastig. (Eżo 12:29; Nu 3:13) B’hekk, dawn l-ewwel imweldin kienu taʼ Ġeħova, u kellu jużahom biss f’servizz speċjali għalih. Lil dawn l-ewwel imweldin, Alla setaʼ tahom l-inkarigu li jaqdu bħala qassisin u dawk li jieħdu ħsieb it-tempju. Minflok, għoġbu jagħżel it-tribù taʼ Levi għal dan is-servizz. Għal din ir-raġuni, hu ppermetta lin-nazzjon ikollu l-Leviti minflok l-ewwel imweldin tat-12-il tribù l-oħrajn (Efrajm u Manasse, iż-żewġt itfal taʼ Ġużeppi, kienu meqjusin bħala żewġ tribujiet). Ċensiment wera li kien hemm 273 iktar l-ewwel imweldin mhux Leviti minn xahar ’il fuq milli kien hemm Leviti. Għalhekk, Alla ried li jitħallas il-prezz taʼ ħames xekel (€10) bħala fidwa għal kull wieħed mill-273, liema flus ingħataw lil Aron u lil uliedu. (Nu 3:11-16, 40-51) Qabel ġara dan, Ġeħova kien diġà warrab għalih lil membri maskili tal-familja taʼ Aron tat-tribù taʼ Levi bħala dawk li jaqdu bħala qassisin taʼ Iżrael.—Nu 1:1; 3:6-10.
it-2 241
Leviti
Inkarigi. Kien hemm tliet familji taʼ Leviti minn ulied Levi, dawk taʼ Gerson, Keħat, u Merari. (Ġen 46:11; 1Kr 6:1, 16) Kull waħda minn dawn il-familji ġiet mogħtija post ħdejn it-tabernaklu fix-xagħri. Il-familja taʼ Keħat minn Aron ikkampjat fil-Lvant quddiem it-tabernaklu. Il-Keħatin l-oħra kkampjaw in-naħa tan-Nofsinhar, il-Gersonin fil-Punent, u l-Merarin fit-Tramuntana. (Nu 3:23, 29, 35, 38) Il-Leviti kellhom ix-xogħol li jarmaw, iżarmaw, u jġorru t-tabernaklu. Biex imorru minn post għall-ieħor, Aron u wliedu kienu jaqilgħu l-purtiera li kienet tifred il-Qaddis mill-Iktar Qaddis u jgħattu l-arka tat-testimonjanza, l-altari, u l-għamara u għodod sagri oħra. Imbagħad, il-Keħatin ġarrewhom. Il-Gersonin ġarrew id-drapp tat-tined, l-għata, il-purtieri tal-bitħa u tad-daħla, il-ħbula tat-tined (milli jidher il-ħbula tat-tabernaklu nnifsu), u l-Merarin ħadu ħsieb it-twavel tal-qafas, il-kolonni, il-pedestalli bl-ingast, l-imsiemer u l-ħbula tat-tined (ħbula tal-bitħa madwar it-tabernaklu).—Nu 1:50, 51; 3:25, 26, 30, 31, 36, 37; 4:4-33; 7:5-9.
it-2 241
Leviti Fi żmien Mosè, Levita ried ikollu 30 sena biex jingħata l-inkarigi kollha, bħal li jġorr it-tabernaklu u l-affarijiet tiegħu meta kien jinġarr. (Nu 4:46-49) Ċertu xogħol setaʼ jsir mill-età taʼ 25 sena, imma milli jidher mhux ix-xogħol taʼ strapazz, bħal li jġorru t-tabernaklu. (Nu 8:24) Fi żmien is-Sultan David, l-età tnaqqset għal 20 sena. Ir-raġuni li ta David kienet li t-tabernaklu (li issa kien hemm it-tempju minfloku) ma kellux għalfejn jibqaʼ jinġarr. Wara l-età taʼ 50 sena, ma kienx ikun hemm iktar inkarigi għal servizz obbligatorju. (Nu 8:25, 26; 1Kr 23:24-26) Il-Leviti kellhom ikunu jafu x’tgħid sew il-Liġi. Spiss kienu jintalbu jaqrawha fil-pubbliku u jgħallmuha lin-nies komuni.—1Kr 15:27; 2Kr 5:12; 17:7-9; Ne 8:7-9.
22-28 TAʼ FRAR
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | NUMRI 5-6
“Kif Tistaʼ Timita lin-Nażiriti?”
it-2 477
Nażirit
Nażirit kellu jobdi tliet restrizzjonijiet prinċipali: (1) Ma kellux jixrob xorb li jsakkar, lanqas ma kellu jiekol xi prodott tad-dielja, kemm jekk mhux misjur, misjur, jew niexef, lanqas jixrob il-meraq tiegħu kemm jekk frisk, fermentat, jew il-ħall tal-inbid. (2) Ma kellux jaqtaʼ x-xagħar taʼ rasu. (3) Ma kellux imiss ġisem mejjet, lanqas dak taʼ xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib ħafna, bħal missier, omm, ħu, jew oħt.—Nu 6:1-7.
Wegħdi Speċjali. Il-persuna li jagħmel din il-wegħda speċjali kellu “jgħix bħala Nażirit [jiġifieri dedikat, separat] għal Ġeħova” u mhux għal għajn in-nies billi jiċċaħħad mill-pjaċiri tal-ħajja. Minflok, “il-jiem kollha tiegħu bħala Nażirit hu jkun qaddis għal Ġeħova.”—Nu 6:2, 8; qabbel Ġen 49:26.
Dak li kien mistenni min-Nażiriti kellu tifsir speċjali fil-qima taʼ Ġeħova. In-Nażirit ma setax imiss ġisem mejjet lanqas taʼ dawk li jiġu minnu mill-qrib ħafna, bħalma ma setax il-qassis il-kbir minħabba x-xogħol sagru tiegħu. Minħabba r-responsabbiltà serja tax-xogħol tagħhom, il-qassis il-kbir u s-sotto-qassisin ma setgħux jixorbu nbid jew xorb li jsakkar waqt l-inkarigi sagri tagħhom quddiem Ġeħova.—Le 10:8-11; 21:10, 11.
Iktar minn hekk, in-Nażirit “għandu juri li hu qaddis billi jħalli n-nokkli tax-xagħar taʼ rasu jikbru,” u dan kellu jservi taʼ sinjal li minnu kulħadd kellu jagħraf malajr li kien Nażirit. (Nu 6:5) L-istess kelma Ebrajka għal Nażirit intużat b’konnessjoni maʼ ‘dwieli mhux miżburin’ matul is-Sabat qaddis u s-snin tal-Ġublew. (Le 25:5, 11) Interessanti wkoll huwa l-fatt li l-istrixxa tad-deheb fuq it-turban tal-qassis il-kbir, li kien fiha l-kliem “Il-qdusija hi taʼ Ġeħova,” kienet tissejjaħ “is-sinjal qaddis tad-dedikazzjoni,” fejn intużat ukoll forma tal-kelma Nażir. (Eżo 39:30, 31) Bl-istess mod, il-kuruna uffiċjali li kienu jilbsu s-slaten midlukin taʼ Iżrael kienet tissejjaħ ukoll neʹzer. (2Sa 1:10; 2Sl 11:12) Fil-kongregazzjoni Kristjana, l-appostlu [Pawlu] jgħid li x-xagħar twil taʼ mara hu mogħti lilha minflok għata tar-ras. Din hija tfakkira naturali għaliha li hi għandha pożizzjoni differenti minn tar-raġel; hi għandha tkun konxja mill-pożizzjoni taʼ sottomissjoni fl-arranġament t’Alla. Mela ħtiġijiet bħal dawn—xagħar mhix maqtugħa (xi ħaġa mhux naturali għal raġel), li jżomm lura għalkollox mill-inbid, kif ukoll il-bżonn li jkun nadif u bla tebgħa—kienu jfakkru lil Nażirit dedikat dwar l-importanza taʼ ċaħda personali u sottomissjoni sħiħa għar-rieda taʼ Ġeħova.—1Ko 11:2-16.