LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 3/15 pp. 30-32
  • Għadu realistiku li tiżżewweġ “biss fil-Mulej”?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għadu realistiku li tiżżewweġ “biss fil-Mulej”?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • GĦALA XI WĦUD GĦANDHOM ID-​DUBJI?
  • FIDUĊJA F’ĠEĦOVA HI IMPORTANTI ĦAFNA
  • GĦADU REALISTIKU
  • WAQT LI TISTENNA LIL ĠEĦOVA
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Parir Għaqli lill-Miżżewġin u lil Dawk li Mhumiex
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif Tistaʼ Ssib il-Ferħ Jekk Tibqaʼ Ma Tiżżewwiġx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 3/15 pp. 30-32
Għarus u għarusa qed jagħmlu l-wegħdi taż-żwieġ waqt li oħrajn fil-kongregazzjoni josservaw

Għadu realistiku li tiżżewweġ “biss fil-​Mulej”?

“Ma nistaʼ nsib lil ħadd fil-​kongregazzjoni biex niżżewweġ, u qed nibżaʼ li nixjieħ u nibqaʼ waħdi.”

“Xi rġiel fid-​dinja għandhom qalbhom tajba, jafu jħobbu, u jaħsbu f’ħaddieħor. Ma jgħiduli xejn kontra r-​reliġjon tiegħi, u donnhom huma iktar interessanti minn xi aħwa rġiel.”

Xi qaddejja t’Alla li huma single qalu xi ħaġa simili. Huma jafu li Ġeħova jrid li l-​qaddejja tiegħu jiżżewġu “biss fil-​Mulej,” jiġifieri li jiżżewġu lil Kristjani veri biss. (1 Korintin 7:39) Allura, għala xi Kristjani jgħidu hekk?

GĦALA XI WĦUD GĦANDHOM ID-​DUBJI?

Kristjani li jgħidu hekk forsi jħossu li hemm iktar aħwa nisa single milli aħwa rġiel single. F’ħafna pajjiżi, dan hu minnu. Pereżempju, fil-​Korea, 57 fil-​mija tal-​aħwa Kristjani single huma nisa u 43 fil-​mija huma rġiel. U fil-​Kolumbja, 66 fil-​mija tal-​aħwa Kristjani single huma nisa u 34 fil-​mija huma rġiel.

F’xi postijiet, ġenituri li mhumiex Xhieda għandhom mnejn jitolbu ħafna flus jew rigali li jqumu l-​flus meta l-​bniet tagħhom jiżżewġu. U xi aħwa rġiel single forsi ma jkunux jaffordjaw dawn ir-​rigali. B’hekk, xi nisa Kristjani jinkwetaw dwar jekk qattx ikunu jistgħu jsibu sieħeb Kristjan biex jiżżewġu.a

FIDUĊJA F’ĠEĦOVA HI IMPORTANTI ĦAFNA

Jekk ġieli ħassejtek hekk, tistaʼ tkun ċerta li Ġeħova jifhem is-​sitwazzjoni tiegħek u jaf eżattament kif tħossok.—2 Kronaki 6:29, 30.

Xorta waħda, fil-​Bibbja, Ġeħova jikkmandana biex niżżewġu biss fil-​Mulej. Għala? Minħabba li hu jaf x’inhu l-​aħjar għalina u jrid jipproteġina. Hu ma jridx li nieħdu deċiżjonijiet ħżiena li mbagħad iweġġgħuna jew jagħmluna mdejqin. Fi żmien Neħemija, ħafna Lhud kienu qed jiżżewġu nisa li ma kinux jaqdu ’l Alla. Hu għalhekk li Neħemija semma l-​eżempju ħażin li ħalla Salamun. Hu “kien maħbub minn Alla tiegħu, u għalhekk Alla għamlu sultan fuq Israel kollu. Imma anki lilu ġegħluh jidneb in-​nisa barranin li żżewweġ.” (Neħemija 13:23-​26) Ġeħova jaf li t-​tfakkiriet tiegħu huma għall-​ġid tagħna, u għalhekk jidderieġi lill-​Kristjani biex jiżżewġu biss fil-​Mulej. (Salm 19:7-​10; Isaija 48:17, 18) Aħna ninsabu grati ħafna li jagħtina parir taʼ mħabba u taʼ min joqgħod fuqu. Meta nobdu lil Ġeħova bħala l-​Mexxej tagħna, aħna naċċettaw li hu għandu d-​dritt li jgħidilna x’għandna nagħmlu.—Proverbji 1:5.

Bla dubju, int ma tridx li tintrabat “taħt madmad li mhux indaqs,” jiġifieri li tiżżewweġ lil xi ħadd li ma jħobbx lil Ġeħova. Individwu bħal dan jistaʼ jġiegħlek tieqaf taqdi ’l Alla. (2 Korintin 6:14) Il-​pariri t’Alla dejjem jirnexxu, u ħafna Kristjani llum b’mod għaqli ddeċidew li jobdu lil Ġeħova. Però, oħrajn iddeċidew li ma jobduhx lil Ġeħova.

GĦADU REALISTIKU

Oħt fl-​Awstralja jisimha Maggy bdiet toħroġ maʼ xi ħadd li ma kienx Kristjan veru.b Hi tgħid: “Tlift ħafna laqgħat għas-​sempliċi fatt li ridt inkun miegħu. F’kemm ilni ngħidlek, spiritwalment mort il-​baħar.” Żagħżugħa oħra fl-​Indja li jisimha Ratana bdiet toħroġ maʼ wieħed minn tal-​klassi tagħha li beda jistudja l-​Bibbja. Però, hu kien qed jistudja l-​Bibbja ħalli jkun jistaʼ joħroġ magħha. Maż-​żmien, hi waqfet taqdi lil Ġeħova u ngħaqdet maʼ reliġjon oħra biex tkun tistaʼ tiżżewġu.

Ndenguè mill-​Kamerun kellha 19-​il sena meta żżewġet raġel li ma kienx jaqdi lil Ġeħova. Qabel ma żżewġu, hu wegħedha li setgħet tkompli tkun Xhud taʼ Ġeħova. Però, ħmistax wara ż-​żwieġ tagħhom, hu qalilha li ma ridhiex tattendi aktar laqgħat tal-​kongregazzjoni. Hi tgħid: “Kont insib ruħi waħdi u dejjem nibki. Irrealizzajt li tlift il-​kontroll taʼ ħajti. Ħassejt il-​kuxjenza tniggiżni l-​ħin kollu.”

Huwa minnu li xi Kristjani żżewġu lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova imma li xorta waħda għandu qalb tajba u hu raġunevoli. Madankollu, anki jekk għandu qalbu tajba, ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova, kif se tiġi effettwata? Kif se tħossok meta tiftakar li ma tajtx widen għall-​parir li tak biex tkun ferħana? U l-​iktar importanti, Ġeħova kif se jħossu dwar dak li għamilt?—Proverbji 1:33.

Aħwa rġiel u nisa minn mad-​dinja kollha li obdew il-​parir taʼ Ġeħova taʼ li jiżżewġu “biss fil-​Mulej” huma konvinti li din hi l-​aħjar deċiżjoni. Aħwa rġiel u nisa single huma determinati li jagħmlu lil Ġeħova ferħan billi jiżżewġu lil xi ħadd li jaqdih. Michiko mill-​Ġappun kienet determinata li tobdi ’l Alla avolja l-​qraba tagħha pprovaw jikkonvinċuha biex tiżżewweġ lil xi ħadd li ma jħobbx lil Ġeħova. U kien diffiċli għaliha li tara xi wħud minn sħabha jiżżewġu Kristjani veri waqt li hi baqgħet ma żżewġitx. Hi tgħid: “Bqajt ngħid lili nnifsi li ladarba Ġeħova hu ‘l-​Alla l-​hieni,’ il-​ferħ tagħna ma jiddependix minn jekk niżżewġux jew le. Nemmen ukoll li jaqtgħalna x-​xewqat tagħna. Allura, jekk ma nistgħux insibu lil xi ħadd biex niżżewġu avolja aħna nixtiequ niżżewġu, l-​aħjar li nistgħu nagħmlu hu li nibqgħu single għalissa.” (1 Timotju 1:11) Iktar tard, Michiko żżewġet ħu mill-​aħjar, u hi ferħana li semgħet mill-​parir taʼ Ġeħova.

Hemm ukoll xi aħwa rġiel li stennew biex isibu l-​persuna t-​tajba biex jiżżewġu. Pereżempju, Bill mill-​Awstralja jammetti li kultant għoġbuh nisa li mhumiex Xhieda taʼ Ġeħova. Però, hu ma żviluppax ħbiberija mill-​qrib magħhom għax ma riedx li jibda relazzjoni u li jispiċċa “taħt madmad li mhux indaqs” maʼ xi ħadd li mhux tal-​istess twemmin. Matul is-​snin, hu kien interessat ukoll fi ftit aħwa nisa, imma huma ma kinux interessati fih. Bill stenna 30 sena sakemm sab mara Kristjana li kellha miri simili għal tiegħu. Hu jgħid: “M’għandi l-​ebda dispjaċir. Inħossni mbierek għax noħorġu fil-​ministeru flimkien, nistudjaw flimkien, u nqimu flimkien. Nieħu pjaċir niltaqaʼ u nassoċja mal-​ħbieb taʼ marti għax ilkoll huma qaddejja taʼ Ġeħova. Aħna nagħmlu ħilitna biex iż-​żwieġ tagħna jimxi fuq prinċipji Bibliċi.”

WAQT LI TISTENNA LIL ĠEĦOVA

X’tistaʼ tagħmel waqt li tafda fil-​parir taʼ Ġeħova u tistenna li jkollok raġel li jaqdih? Tistaʼ taħseb dwar għala m’intix miżżewġa. Jekk tħoss li r-​raġuni hi li trid tobdi l-​kmand taʼ Ġeħova, mela allura tistaʼ tkun ċerta li dan jagħmel lil Ġeħova ferħan. (1 Samwel 15:22; Proverbji 27:11) Barra minn hekk, kompli itlob regolarment lil Ġeħova u għidlu eżattament xi tħoss. (Salm 62:8) Hekk kif tagħmel l-​aħjar tiegħek biex tirreżisti t-​tentazzjoni u tiġġieled kontra x-​xewqat ħżiena, ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova se tkompli tissaħħaħ. Int tistaʼ tkun ċerta li Ġeħova jagħti kas x-​xewqat tiegħek u l-​bżonnijiet tiegħek għax int prezzjuża għalih. Hu ma jwiegħed lil ħadd li se jsiblu xi raġel jew mara għaż-​żwieġ. Imma jekk verament għandek bżonn lil xi ħadd biex tiżżewweġ, mela Ġeħova jaf l-​aħjar mod kif jissodisfa l-​bżonnijiet tiegħek.—Salm 145:16; Mattew 6:32.

Kultant għandek mnejn tħossok bħal David, li qal: “Fittex wiġibni, O Ġeħova. L-​ispirtu tiegħi spiċċa. Taħbix wiċċek minni.” (Salm 143:5-​7, 10) Taqtax qalbek. Agħti ċans lil Ġeħova biex jurik dak li jridek tagħmel. Ismaʼ minn Ġeħova billi taqra l-​Bibbja, u mmedita fil-​fond dwar dak li qrajt. Dan se jgħinek issir taf dak li Ġeħova jitlob minnek u kif għen lill-​qaddejja tiegħu tal-​passat. Billi tismaʼ minnu, se tafdah biżżejjed biex tkompli tobdih.

Oħt tgħin lil tifel żgħir jikkummenta waqt laqgħa

Kristjani single huma taʼ valur fil-kongregazzjoni u prezzjużi għal Ġeħova, u spiss jgħinu lil familji u liż-żgħar!

X’tistaʼ tagħmel iktar biex tibqaʼ ferħana u bieżla waqt li int single? Tistaʼ taħdem biex issaħħaħ ir-​relazzjoni li għandek maʼ Ġeħova u tiżviluppa reputazzjoni tajba. Tistaʼ wkoll titgħallem tkun ġeneruża, ħabrieka, faċli biex jingwalawha miegħek, u leali lejn Ġeħova. Dawn il-​kwalitajiet huma neċessarji għal żwieġ ferrieħi. (Ġenesi 24:16-​21; Rut 1:16, 17; 2:6, 7, 11; Proverbji 31:10-​27) Fittex l-​ewwel is-​Saltna billi tkun okkupata fil-​ministeru u fil-​kongregazzjoni. Dawn l-​affarijiet se jipproteġuk milli tieħu deċiżjonijiet mhux għaqlin. Bill jgħid hekk dwar is-​snin li kien single: “Iż-​żmien itir! Jien użajt il-​ħin fis-​servizz taʼ Ġeħova bħala pijunier.”

Il-​kmand taʼ Ġeħova li niżżewġu “biss fil-​Mulej” mhuwiex antikwat jew taʼ żmien in-​nanna. Billi nagħżlu li niżżewġu Kristjan veru, aħna nkunu qed nonoraw lil Ġeħova u se nkunu ferħanin. Il-​Bibbja tgħid: “Hieni l-​bniedem li jibżaʼ minn Ġeħova, li jitgħaxxaq ferm bil-​kmandamenti tiegħu. Affarijiet taʼ valur u rikkezzi jkollu f’daru; u l-​ġustizzja tiegħu tibqaʼ għal dejjem.” (Salm 112:1, 3) Għaldaqstant, kun determinata li tobdi l-​kmand t’Alla li tiżżewweġ “biss fil-​Mulej.”

a F’dan l-​artiklu, se niddiskutu dan is-​suġġett mill-​ħarsa taʼ oħt. Però, il-​prinċipji japplikaw ukoll għall-​aħwa rġiel single.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja