LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • mwbr21 Settembru pp. 2-4
  • Referenzi għall-“Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Referenzi għall-“Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna”
  • Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna—2021
  • Sottitli
  • 6-​12 TAʼ SETTEMBRU
  • 20-​26 TAʼ SETTEMBRU
  • 27 TAʼ SETTEMBRU–3 T’OTTUBRU
  • 4-​10 T’OTTUBRU
  • 11-​17 T’OTTUBRU
  • 18-​24 T’OTTUBRU
  • 25-​31 T’OTTUBRU
Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna—2021
mwbr21 Settembru pp. 2-4

Referenzi għall-​Fuljett għall-​Istudju tal-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna

6-​12 TAʼ SETTEMBRU

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | DEWTERONOMJU 33-​34

“Sib Kenn fid-​‘Dirgħajn Dejjiemaʼ taʼ Ġeħova”

it-​2 51

Ġesurun

Dan hu titlu taʼ unur għal Iżrael. Fis-​Settanta Griega jiġi tradott bħala “maħbub.” Dan it-​titlu kellu jfakkar lil Iżrael li Ġeħova għażlu bħala poplu b’patt miegħu, u għalhekk kellu l-​obbligu li jagħmel is-​sewwa. (Dt 33:5, 26; Is 44:2) F’​Dewteronomju 32:15, l-​isem Ġesurun jintuża b’ironija għax maż-​żmien Iżrael nesa lill-​Ħallieq tiegħu.

Ġawhar Spiritwali

it-​2 439 ¶3

Mosè

Mosè kellu 120 sena meta miet. Rigward saħħtu, il-​Bibbja tgħid: “Għajnejh kienu għadhom ma ċċajprux, u lanqas saħħtu ma kienet telqitu.” Hu ndifen minn Ġeħova f’post mhux magħruf. (Dt 34:5-​7) X’aktarx dan sar biex l-​Iżraelin ma jagħmlux il-​qabar tiegħu post taʼ qima falza. Milli jidher ix-​Xitan ried li juża l-​ġisem taʼ Mosè għal dan l-​iskop. Dan għaliex id-​dixxiplu Kristjan Ġuda, ħu Ġesù mill-​omm, kiteb: “Meta Mikiel l-​arkanġlu kellu tilwima max-​Xitan u kien qed jargumenta miegħu dwar il-​ġisem taʼ Mosè, ma ssograx jikkundannah bit-​tgħajjir, imma qallu: ‘Ħa jċanfrek Ġeħova.’”—Ġd 9.

20-​26 TAʼ SETTEMBRU

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 3-​5

“Ġeħova Jbierek Atti taʼ Fidi”

it-​2 105

Xmara Ġordan

Ġeneralment il-​parti tal-​Ġordan ’l isfel mill-​Baħar tal-​Galilija tkun minn metru sa 3 metri fonda u madwar 27 sa 30 metru wiesgħa. Imma fir-​rebbiegħa din tfur u tkun iżjed fonda u wiesgħa. (Ġoż 3:15) Meta kienet tkun l-​iktar mimlija, ma kienx ikun sigur għall-​Iżraelin biex jaqsmu, speċjalment ħdejn Ġeriko. Il-​kurrent tant huwa qawwi hawnhekk li fi żmien reċenti xi għawwiema nġarru miegħu. Iżda Ġeħova b’miraklu waqqaf il-​Ġordan, u b’hekk l-​Iżraelin qasmu fuq art niexfa.—Ġoż 3:14-​17.

27 TAʼ SETTEMBRU–3 T’OTTUBRU

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 6-​7

“Dur ’l Hemm minn Affarijiet bla Valur”

w97 8/15 28 ¶2

Għala Nirrapportaw il-​Ħażin?

Raġuni waħda għala nirrapportaw dnub hi biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ nadifa. Ġeħova hu Alla nadif u Alla qaddis. Hu jrid li dawk kollha li jqimuh ikunu nodfa spiritwalment u moralment. Il-​Kelma ispirata tiegħu twissi: “Bħal tfal ubbidjenti, tibqgħux magħġunin skond ix-​xewqat li kellkom qabel fl-​injoranza tagħkom, imma, fi qbil mal-​Qaddis li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax jien qaddis.’” (1Pt 1:14-​16) Dawk li jipprattikaw id-​dnub jistgħu jaffettwaw kongregazzjoni sħiħa. Din għandha mnejn ma jibqax ikollha l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova jekk ma titteħidx azzjoni kontra l-​ħażen.—Qabbel Ġożwè, kapitlu 7.

4-​10 T’OTTUBRU

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 8-​9

“Tagħlimiet mir-​Rakkont tal-​Gibegħonin”

it-​1 930-​931

Gibegħon

Ftehim ma’ Ġożwè. Il-​Gibegħonin irrealizzaw li kien għalxejn li jiġġieldu kontra Iżrael, avolja kienu b’saħħithom militarment u kellhom belt kbira, għax Ġeħova kien qed jiġġieled għal Iżrael. Allura wara l-​qerda taʼ Ġeriko u Għaj, in-​nies taʼ Gibegħon bagħtu r-​rappreżentanti tagħhom għand Ġożwè f’Gilgal għall-​paċi. Il-​Gibegħonin li ntbagħtu, lebsin ħwejjeġ u sandlijiet qodma, bi fliexken tal-​ġild tal-​inbid mifqugħin, xkejjer qodma, u ħobż niexef, għamluha tabirruħhom li ġejjin mill-​bogħod, art li l-​Iżraelin ma kinux se jiġġieldu kontriha. Huma kienu jafu li kien Ġeħova li għen lil Iżrael. B’għaqal ma semmewx x’kien ġara lil Ġeriko u Għaj, għax aħbar bħal din ma kinux ħa jilħqu jisimgħu biha li kieku telqu “minn pajjiż imbiegħed.” Ir-​rappreżentanti t’Iżrael aċċettaw l-​evidenza u għamlu patt magħhom biex iħalluhom jgħixu.—Ġoż 9:3-​15.

Ġawhar Spiritwali

it-​1 1030

Imdendel maʼ Zokk

Skont il-​liġi li Ġeħova ta lil Iżrael, ċerti kriminali setgħu jiġu mdendlin maʼ zokk wara li jinqatlu. Dawn kienu jitpoġġew biex jarawhom in-​nies bħala eżempju taʼ twissija u kienu meqjusin bħala “xi ħaġa misħuta minn Alla.” Persuna mejta li kienet tiġi mdendla b’dan il-​mod kellha titneħħa qabel jiġi l-​lejl u tindifen. Li kieku kienu jħallu l-​persuna fuq iz-​zokk il-​lejl kollu, il-​ħamrija li Alla ta lill-​Iżraelin kienet titniġġes. (Dt 21:22, 23) Iżrael obda din il-​liġi anke jekk dak li nqatel ma kienx Iżraeli.—Ġoż 8:29; 10:26, 27.

11-​17 T’OTTUBRU

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 10-​11

“Ġeħova Jiġġieled għal Iżrael”

it-​1 50

Adoni-​sedek

Adoni-​sedek kien sultan f’Ġerusalemm fiż-​żmien meta l-​Iżraelin ħadu l-​Art Imwiegħda. Adoni-​sedek ingħaqad maʼ saltniet oħrajn żgħar fil-​Punent tal-​Ġordan biex flimkien iwaqqfu lil Ġożwè milli jkompli jirbaħ l-​artijiet. (Ġoż 9:1-​3) Madanakollu, Ġożwè għamel paċi mal-​Gibegħonin. Biex l-​għedewwa ma jibqgħux jirbħu l-​artijiet, Adoni-​sedek għaqqad l-​armata tiegħu maʼ dawk tal-​erbaʼ slaten tal-​Amurrin u ġġieled kontra Gibegħon. Meta l-​ħames slaten raw kif Ġożwè ħeles lil Gibegħon u li kienu qed jitilfu kontra Ġożwè, huma ħarbu lejn Makkeda fejn inqabdu ġo għar. Ġożwè stess qatel lil Adoni-​sedek u lill-​erbaʼ slaten l-​oħra, u dendilhom maʼ zkuk. Hu tefaʼ l-​iġsma tagħhom fl-​għar, li mbagħad sar il-​qabar tagħhom.—Ġoż 10:1-​27.

it-​1 1020

Silġ

Użat minn Ġeħova. Xi drabi Ġeħova uża s-​silġ biex iwettaq kelmtu u biex juri l-​qawwa kbira tiegħu. (Sa 148:1, 8; Is 30:30) L-​ewwel darba li nsibu miktub li ntuża kienet fis-​sebaʼ kastig fuq l-​Eġittu tal-​qedem. Dakinhar għamlet maltempata taʼ silġ qerrieda li qerdet il-​ħxejjex, għamlet ħsara lis-​siġar, u qatlet kemm lin-​nies u kemm l-​annimali li kienu barra, imma ma laqtitx lill-​Iżraelin f’Gosen. (Eżo 9:18-​26; Sa 78:47, 48; 105:32, 33) Imbagħad, fl-​Art imwiegħda, meta l-​Iżraelin immexxijin minn Ġożwè marru jgħinu lill-​Gibegħonin, Ġeħova uża silġ kbir kontra l-​Amurrin li kienu qed jattakkaw. Dakinhar iżjed mietu nies bis-​silġ milli bil-​gwerra m’Iżrael.—Ġoż 10:3-​7, 11.

18-​24 T’OTTUBRU

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 12-​14

Ġawhar Spiritwali

it-​1 902-​903

Gebal

Ġeħova inkluda “l-​art tal-​Gebalin” fost l-​artijiet li kienu għad iridu jintrebħu minn Iżrael fi żmien Ġożwè. (Ġoż 13:1-​5) Xi kritiċi qalu li din hi inkonsistenza għax Gebal kienet ’il bogħod lejn it-​Tramuntana t’Iżrael (madwar 100 kilometru fit-​Tramuntana taʼ Dan) u mid-​dehra qatt ma kienet maħkuma minn Iżrael. Madanakollu, għandu jiġi nnotat li l-​wegħdi taʼ Ġeħova f’​Ġożwè 13:2-​7 kienu bbażati fuq l-​ubbidjenza Lejh. B’hekk, Iżrael qatt ma rebaħ lil Gebal minħabba d-​diżubbidjenza tiegħu.—Qabbel Ġoż 23:12, 13.

25-​31 T’OTTUBRU

TEŻORI MILL-​KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 15-​17

“Ipproteġi l-​Wirt Prezzjuż Tiegħek”

it-​1 1083 ¶3

Ħebron

Hekk kif il-​gwerer taʼ Iżrael komplew fin-​Nofsinhar taʼ Kangħan, l-​abitanti taʼ Ħebron flimkien mas-​sultan tagħhom kienu se jiġu meqrudin. (Ġoż 10:36, 37) Milli jidher, waqt li Iżrael kien jiġġieled xi mkien ieħor, l-​Għanakin reġgħu stabbilew ruħhom f’Ħebron. B’hekk kien jeħtieġ li Kaleb, xi żmien wara, jiġġieled lil din il-​belt li kienet taħt idejn l-​Għanakin. (Ġoż 11:21-​23; 14:12-​15; 15:13, 14; Mħ 1:10) Ħebron, li oriġinalment ngħatat lil Kaleb tat-​tribù taʼ Ġuda, iktar tard saret belt taʼ refuġju. Madankollu, “ir-​rabaʼ tal-​belt [Ħebron]” u l-​irħula tagħha kienu l-​wirt taʼ Kaleb.—Ġoż 14:13, 14; 20:7; 21:9-​13.

it-​1 848

Xogħol Forzat

Ix-​xogħol forzat milli jidher kien komuni fiż-​żminijiet tal-​Bibbja, u b’hekk in-​nies li tilfu fil-​gwerra spiss kienu jsiru skjavi. (Dt 20:11; Ġoż 16:10; 17:13; Est 10:1; Is 31:8; La 1:1) L-​Iżraelin stess meta kienu skjavi fl-​Eġittu, bnew l-​imħażen taʼ Pitom u Ragħmses. (Eżo 1:11-​14) Imbagħad meta daħlu fl-​Art Imwiegħda, minflok ma obdew il-​kmand taʼ Ġeħova biex ikeċċu u jeqirdu l-​abitanti kollha taʼ Kangħan, l-​Iżraelin ġegħluhom jagħmlu xogħol forzat. Dan affettwa ħażin lil Iżrael għax ħajru jqim allat foloz. (Ġoż 16:10; Mħ 1:28; 2:3, 11, 12) Id-​dixxendenti tal-​Kangħanin, jiġifieri tal-​Amurrin, tal-​Ħittin, tal-​Pereżin, tal-​Ħiwwin, u tal-​Ġebusin, baqgħu jagħmlu xogħol forzat taħt ir-​renju tas-​Sultan Salamun.—1Sl 9:20, 21.

it-​1 402 ¶3

Kangħan

Għalkemm ħafna mill-​Kangħanin baqgħu ħajjin wara li Iżrael iġġieled magħhom, xorta nistgħu ngħidu li “Ġeħova ta lil Israel l-​art kollha li kien ħalef li jagħti lil missirijiethom,” li kien tahom “mistrieħ minn kullimkien,” u li “lanqas wegħda waħda ma naqset mill-​wegħdi tajbin kollha li Ġeħova kien għamel lil dar Israel; kollha seħħew.” (Ġoż 21:43-​45) L-​għedewwa li kienu madwar Iżrael kienu qed jibżgħu u ma kinux taʼ theddida vera għalih. Qabel, Alla kien qal lil Iżrael li kien se jkeċċi ’l barra lill-​Kangħanin “ftit ftit” biex il-​bhejjem salvaġġi ma jiżdidux f’art li ġiet żvojtata f’daqqa. (Eżo 23:29, 30; Dt 7:22) Pjuttost, ir-​rekord juri li l-​ftit telfiet tal-​Iżraelin kienu minħabba li ma baqgħux leali.—Nu 14:44, 45; Ġoż 7:1-​12.

Ġawhar Spiritwali

w15 7/15 32

Kont Taf?

Kien hemm daqstant foresti f’Iżrael tal-​qedem bħalma qisha tindika l-​Bibbja?

Il-​Bibbja tgħid li f’ċerti naħat tal-​Art Imwiegħda kien hemm il-​foresti u li s-​siġar kienu “kotrana.” (1Sl 10:27; Ġoż 17:15, 18) Imma xi xettiċi, meta jaraw in-​nuqqas taʼ siġar f’parti kbira mill-​art illum, jiddubitaw jekk qattx kien hemm dak l-​ammont taʼ siġar.

Il-​ktieb Life in Biblical Israel jispjega li l-​foresti f’Iżrael tal-​qedem kienu bil-​wisq iżjed milli huma llum.

Il-​ktieb Plants of the Bible jgħid li xi naħat taʼ Iżrael issa huma kompletament mingħajr siġar. X’wassal għal dan? Waqt li jispjega li dan kien proċess li ħa ż-​żmien, il-​ktieb jgħid li l-​bniedem b’mod persistenti fixkel in-​natura mhux biss biex ikabbar l-​art fejn joqgħod imma wkoll biex jakkwista l-​materjal għall-​bini u biex iqabbad in-​nar.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja