Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
1-7 TAʼ NOVEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 18-19
“Il-Mod Għaqli Kif Ġeħova Qassam l-Art”
it-1 359 ¶1
Fruntiera
Jidher li t-tqassim tal-art fost it-tribujiet kien jiddependi minn żewġ fatturi: ir-riżultat tat-tfigħ tax-xorti u d-daqs tat-tribù. Ix-xorti setgħet stabbiliet biss il-post bejn wieħed u ieħor tal-wirt li kull tribù kellu jkollu. B’hekk kienu jkunu jafu jekk is-sezzjoni tagħhom kinitx se tkun in-naħa tal-baħar jew fil-muntanji. Id-deċiżjoni tax-xorti kienet tiġi minn Ġeħova, u b’hekk kien jiġi evitat li jkun hemm l-għira u l-ġlied fost it-tribujiet. (Pr 16:33) B’dan il-mod Alla kien ukoll jiggwida l-affarijiet biex is-sitwazzjoni taʼ kull tribù kienet tkun fi qbil mal-profezija ispirata taʼ Ġenesi 49:1-33 li Ġakobb qal qabel miet.
it-1 1200 ¶1
Wirt
Art li tintiret. Il-wirt taʼ wlied Iżrael ġie mogħti lilhom minn Ġeħova, li kien tkellem maʼ Mosè dwar il-fruntieri tal-art. (Nu 34:1-12; Ġoż 1:4) Ulied Gad, ulied Ruben, u nofs it-tribù taʼ Manasse ngħataw is-sehem tagħhom tat-territorju minn Mosè. (Nu 32:33; Ġoż 14:3) It-tribujiet l-oħra rċivew il-wirt tagħhom bix-xorti skont id-direzzjoni taʼ Ġożwè u Elegħażar. (Ġoż 14:1, 2) Fi qbil mal-profezija taʼ Ġakobb f’Ġenesi 49:5, 7, Simegħon u Levi ma ngħatawx art separata bħala wirt. It-territorju taʼ Simegħon kien art fit-territorju taʼ Ġuda (Ġoż 19:1-9), filwaqt li Levi ngħata 48 belt fit-territorju kollu taʼ Iżrael. Ladarba l-Leviti kellhom l-inkarigu taʼ servizz speċjali fit-tempju, Ġeħova kien il-wirt tagħhom. Huma ngħataw l-għexur bħala l-wirt tagħhom għas-servizz li taw. (Nu 18:20, 21; 35:6, 7) Il-familji ngħataw inkarigi fit-territorju tat-tribù tagħhom. Hekk kif il-familji kienu jikbru u l-ulied kienu jirtu, maż-żmien l-art kienet titqassam f’partijiet iżgħar.
it-1 359 ¶2
Fruntiera
Wara li t-tfigħ tax-xorti kien jiddetermina l-post ġeografiku tat-tribù, imbagħad kien hemm bżonn li jiġi determinat il-kobor tat-territorju skont id-daqs tat-tribù. “Qassmu bix-xorti l-art għalikom stess biex tkun tagħkom skond il-familji tagħkom. Lil min ikun ħafna għandkom iżżidulu l-wirt tiegħu, u lil min ikun ftit għandkom tnaqqsulu l-wirt tiegħu. Skond fejn jitlagħlu bix-xorti, hemmhekk isir tiegħu.” (Nu 33:54) Id-deċiżjoni dwar fejn kien ikun il-wirt kienet tibqaʼ, imma setgħu jsiru aġġustamenti fid-daqs tal-wirt. Għalhekk, meta t-territorju taʼ Ġuda nstab li kien kbir wisq, il-kobor tal-art ġie mnaqqas billi taw porzjonijiet minnu lit-tribù taʼ Simegħon.—Ġoż 19:9.
Ġawhar Spiritwali
it-1 359 ¶5
Fruntiera
Ir-rakkont tat-tqassim tat-territorju fil-Punent tal-Ġordan juri li l-ewwel il-bliet u l-fruntieri ġew determinati mit-tfigħ tax-xorti għal Ġuda (Ġoż 15:1-63), Ġużeppi (Efrajm) (Ġoż 16:1-10), u nofs it-tribù taʼ Manasse. (Ġoż 17:1-13) Wara dan, jidher li t-tqassim tal-art waqaf għal xi żmien għax Iżrael mar minn Gilgal għal Silo. (Ġoż 14:6; 18:1) Ma nafux kemm dam dan iż-żmien, imma Ġożwè ġibed l-attenzjoni tas-sebaʼ tribujiet li kien baqaʼ peress li qagħdu jittratienu biex iqassmu l-bqija tal-art. (Ġoż 18:2, 3) Hemm diversi spjegazzjonijiet għal din l-attitudni. Xi kummentaturi jgħidu li dan setaʼ kien minħabba l-abbundanza taʼ priża miksuba mir-rebħiet tagħhom u li ma kienx hemm biżaʼ taʼ xi attakk mill-Kangħanin, u għalhekk ma kellhom l-ebda għaġla biex jieħdu l-bqija tat-territorju. Il-ħsieb li jiffaċċjaw għedewwa b’saħħithom biex jieħdu l-bqija tal-art setaʼ ġegħelhom jittratienu. (Ġoż 13:1-7) Ukoll, huma ma kinux jafu biżżejjed dwar l-art li kien għad baqgħalhom jieħdu.
8-14 TAʼ NOVEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 20-22
Ġawhar Spiritwali
it-1 402 ¶3
Kangħan
Għalkemm ħafna mill-Kangħanin ma ġewx mirbuħin, xorta jistaʼ jingħad li “Ġeħova ta lil Israel l-art kollha li kien ħalef li jagħti lil missirijiethom,” li kien tahom “il-mistrieħ minn kullimkien,” u li “lanqas wegħda waħda ma naqset mill-wegħdi tajbin kollha li Ġeħova kien għamel lil dar Israel; kollha seħħew.” (Ġoż 21:43-45) L-għedewwa li l-Iżraelin kienu mdawrin bihom kienu mbeżżgħin u ma kienu tal-ebda sfida vera għas-sigurtà tagħhom. Qabel, Alla kien qalilhom li kien se jkeċċi lill-Kangħanin “ftit ftit” biex il-bhejjem salvaġġi tar-rabaʼ ma jiżdidux f’art li ġiet żvojtata f’daqqa waħda min-nies. (Eżo 23:29, 30; Dt 7:22) Minkejja li l-Kangħanin kienu armati tajjeb għall-gwerra, inkluż karrijiet bi xfafar tal-ħadid, it-telfiet li kellhom l-Iżraelin ma kinux għax Ġeħova ma wettaqx il-wegħda tiegħu. (Ġoż 17:16-18; Mħ 4:13) Minflok, dan kien għax l-Iżraelin ma baqgħux leali.—Nu 14:44, 45; Ġoż 7:1-12.
15-21 TAʼ NOVEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 23-24
“L-Aħħar Twissija taʼ Ġożwè lin-Nazzjon”
it-1 75
Titħalltux man-Nazzjonijiet
Bħalma Ġeħova kien wiegħed lill-missirijiet t’Iżrael, hu tahom id-dritt għal dik l-art. Għalhekk, huma ma kinux se jidħlu bħala residenti barranin. Ġeħova ma ridhomx jitħalltu man-nazzjonijiet pagani. (Eżo 23:31-33; 34:11-16) Huma kellhom jobdu biss il-liġijiet u l-istatuti t’Alla u mhux dawk tan-nazzjonijiet. (Le 18:3, 4; 20:22-24) Huma kienu partikolarment imwissijin biex ma jingħaqdux fiż-żwieġ maʼ nazzjonijiet bħal dawn. Żwieġ bħal dan ma kienx jinvolvi biss li jkollhom nisa pagani, imma wkoll qraba pagani bid-drawwiet u l-prattiki reliġjużi tagħhom. Dan kien iġib apostasija u nassa.—Dt 7:2-4; Eżo 34:16; Ġoż 23:12, 13.
13-19 TAʼ DIĊEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | IMĦALLFIN 8-9
Ġawhar Spiritwali
it-1 753 ¶1
Efod, I
Minkejja l-intenzjoni tajba ta’ Gidegħon biex ifakkar ir-rebħa li Ġeħova kien ta lil Iżrael u biex jagħti unur lil Alla, l-efod “serva bħala nassa għal Gidegħon u għan-nies taʼ daru,” għax l-Iżraelin għamlu immoralità spiritwali billi tawh qima. (Mħ 8:27) Madankollu, il-Bibbja ma tgħidx li Gidegħon innifsu tah qima; għall-kuntrarju l-appostlu Pawlu speċifikament semmieh bħala wieħed mis-‘sħaba kbira’ taʼ xhieda leali taʼ Ġeħova.—Eb 11:32; 12:1.
20-26 TAʼ DIĊEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | ĠOŻWÈ 10-12
Ġawhar Spiritwali
it-2 26
Ġefta
Ġefta, Iben Leġittimu. Omm Ġefta kienet “prostituta,” però dan ma jfissirx li Ġefta twieled mill-prostituzzjoni jew li kien illeġittimu. Ommu kienet prostituta qabel iż-żwieġ tagħha bħala t-tieni mara taʼ Gilegħad, bħalma Raħab darba kienet prostituta imma iktar tard iżżewġet lil Salmon. (Mħ 11:1; Ġoż 2:1; Mt 1:5) Il-fatt li ħut Ġefta mill-missier keċċewh biex ma jkollux parti mill-wirt juri li Ġefta ma kienx illeġittimu. (Mħ 11:2) Ukoll, iktar tard Ġefta sar il-mexxej tan-nies taʼ Gilegħad (li fosthom kien hemm ħutu mill-missier). (Mħ 11:11) Iktar minn hekk, hu offra sagrifiċċju lil Alla fit-tabernaklu. (Mħ 11:30, 31) Dawn l-affarijiet ma kinux ikunu possibbli għal tifel illeġittimu, għax il-Liġi speċifikament qalet: “Ebda iben illeġittimu ma jidħol fil-kongregazzjoni taʼ Ġeħova. Saħansitra sa l-għaxar ġenerazzjoni, ħadd minn tiegħu ma jidħol fil-kongregazzjoni taʼ Ġeħova.”—Dt 23:2.