LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 3/15 pp. 29-31
  • Eħud Ikisser il-Madmad taʼ l-Oppressur

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Eħud Ikisser il-Madmad taʼ l-Oppressur
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Raġel Immankat jew Gwerrier?
  • “Kelma Moħbija” għas-​Sultan
  • Ħarba Mingħajr Xkiel
  • Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu
  • Storja taʼ Kuraġġ u Tattika
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2021
  • Punti Prinċipali mill-Ktieb taʼ l-Imħallfin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 3/15 pp. 29-31

Eħud Ikisser il-​Madmad taʼ l-​Oppressur

DIN hija storja vera taʼ kuraġġ u tattika. Seħħet xi 3,000 sena ilu. Ir-​rakkont skritturali jibda bil-​kliem: “U wlied Iżrael issuktaw jagħmlu l-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej u l-​Mulej saħħaħ lil Għeglon, sultan taʼ Mowab, kontra Iżrael għax dawn għamlu l-​ħażen f’għajnejn il-​Mulej. Għeglon ġabar miegħu l-​Għammonin u l-​Għamalekin, u ħareġ jaħbat għal Iżrael, u ħa f’idejh Belt it-​Tamar. U wlied Iżrael qdew lil Għeglon, sultan taʼ Mowab, għal tmintax-il sena.”—Mħallfin 3:12-14.

It-territorju tal-​Mowabin kien lejn il-​lvant tax-​Xmara Ġordan u tal-​Baħar il-​Mejjet. Imma huma kienu qasmu x-​xmara u okkupaw l-​inħawi madwar Ġeriko, “belt is-​siġar tal-​palm,” u b’hekk iddominaw lill-​Iżraelin. (Dewteronomju 34:3) Għeglon, is-​sultan taʼ Mowab, “raġel smin ħafna,” kien ordna li jitħallas tribut li kien taʼ piż u umiljanti għall-​Iżraelin għal kważi 20 sena. (Mħallfin 3:17) Madankollu, ir-​rikjesti tiegħu biex jitħallas it-​tribut kienu skuża tajba biex dan it-​tirann jiġi eliminat.

Il-​Bibbja tgħid: “U wlied Iżrael għajjtu lill-​Mulej, u l-​Mulej qajjmilhom salvatur, lil Eħud bin Gera, raġel xellugi mit-​tribù taʼ Benjamin. U wlied Iżrael bagħtuh bit-​tribut f’idu għand Għeglon, sultan taʼ Mowab.” (Mħallfin 3:15) Jistaʼ jkun li Jehovah għamel ċert li Eħud jiġi magħżul biex jippreżenta t-​tribut. M’hemmx miktub jekk qatt kienx wettaq dan l-​inkarigu qabel. Madankollu, il-​mod kif Eħud ipprepara bir-​reqqa għal-​laqgħa tiegħu m’Għeglon u t-​tattika li uża juru li forsi kien xi ftit familjari mal-​palazz t’Għeglon u maʼ dak li setaʼ jistenna hemmhekk. F’dan kollu, il-​fatt li kien xellugi kien sinifikanti.

Raġel Immankat jew Gwerrier?

It-​terminu “xellugi” letteralment ifisser ‘magħluq, immankat, jew marbut fl-​id il-​leminija.’ Ifisser dan li Eħud kien immankat, forsi kellu idu l-​leminija sfigurata? Ikkunsidra x’tgħid il-​Bibbja dwar is-​“sebaʼ mitt raġel magħżul, xellugin” mit-​tribù taʼ Benjamin. “Kull wieħed kellu l-​ħila jwaddab ġebla bl-​iżbandola għal xagħra, u ma jfallilux,” jgħid Mħallfin 20:16. X’aktarx li kienu magħżulin għall-​ħila kbira li kellhom fil-​battalja. Skond xi studjużi tal-​Bibbja, il-​kelma “xellugi” tfisser wieħed “li juża idu x-​xellugija kif ukoll il-​leminija.”—Mħallfin 3:15, The Douay Version.

Fil-fatt, it-​tribù taʼ Benjamin kien magħruf għall-​irġiel xellugin. L-​ewwel Kronaki 12:1, 2 jgħidilna dwar l-​irġiel minn dan it-​tribù, “il-​qalbenin li għenuh fil-​gwerra; mħarrġa fil-​ġbid tal-​qaws; iwaddbu bil-​lemin u bix-​xellug, ħaġar u vleġeġ, bil-​qaws.” Xogħol taʼ referenza wieħed jgħid li din l-​abbiltà setgħet tinkiseb “billi jorbtu l-​id il-​leminija taʼ tfal żgħar—b’hekk kienu ‘marbutin f’idhom il-​leminija’—u għallmuhom jużaw idhom ix-​xellugija fix-​xogħol.” L-​għedewwa taʼ Iżrael kienu normalment imħarrġin biex jiġġieldu maʼ gwerriera li jużaw idhom il-​leminija. B’hekk, ħafna mit-​taħriġ taʼ l-​għadu ma kien ikun jiswa xejn jekk bla mistenni jiġġieled maʼ suldat xellugi.

“Kelma Moħbija” għas-​Sultan

L-​ewwel ħaġa li kellu jagħmel Eħud kien li jipprepara “sejf”—wieħed b’żewġt ixfar li kien żgħir biżżejjed biex jaħbih taħt ħwejġu. Hu forsi stenna li kienu se jfittxulu. Ix-​xwabel normalment kienu jintlibsu fuq in-​naħa tax-​xellug, biex dawk li kienu jużaw idhom il-​leminija setgħu malajr joħorġuhom. Minħabba li kien xellugi, Eħud ħeba l-​arma tiegħu “taħt il-​ħwejjeġ fuq ġenbu tal-​lemin,” x’aktarx fejn l-​għassiesa tas-​Sultan ma kinux ifittxulu. Għalhekk, mingħajr tfixkil, hu “mar joffri t-​tribut lil Għeglon, sultan taʼ Mowab.”—Mħallfin 3:16, 17.

Id-​dettalji dwar l-​ewwel ġrajjiet fil-​palazz t’Għeglon m’humiex imniżżlin. Il-​Bibbja sempliċement tgħid: “U ġara li malli temm joffri t-​tribut, Eħud bagħat in-​nies li kienu jġorruh.” (Mħallfin 3:18) Eħud ippreżenta t-​tribut, wassal lil dawk li ġarrew it-​tribut sa post bla periklu ’l bogħod mill-​palazz t’Għeglon, u wara li bagħathom irritorna lejn il-​palazz. Għala? Dawk l-​irġiel kienu miegħu għall-​protezzjoni għax hekk kienet il-​proċedura, jew forsi sempliċement biex iġorru t-​tribut? Jew riedhom jitilqu biex jeħlishom mill-​periklu qabel ma jwettaq il-​pjan tiegħu? Kienet x’kienet ir-​raġuni, Eħud bil-​kuraġġ mar lura waħdu.

“[Eħud] raġaʼ lura minn ħdejn l-​idoli li hemm ħdejn Gilgal u qallu: ‘Għandi kelma moħbija xi ngħidlek, Sultan.’” L-​Iskrittura ma tgħidilniex kif irnexxielu jerġaʼ jidħol ħdejn Għeglon. L-​għassiesa għala ma kinux suspettużi? Ħasbu li Iżraeli waħdu ma kienx taʼ theddida għall-​mexxej tagħhom? Jistaʼ jkun li l-​fatt li Eħud mar waħdu ta l-​impressjoni li kien se jiċħad lil dawk taʼ pajjiżu? Kien x’kien il-​każ, Eħud fittex li jkellem lis-​sultan waħdu, u rnexxielu.—Mħallfin 3:19.

Ir-​rakkont ispirat ikompli: “Eħud resaq [lejn Għeglon], u hu kien waħdu fl-​għorfa friska li kellu fuq, u Eħud qallu: ‘Għandi kelma minn Alla għalik.’” Eħud ma kienx qed jirreferi għal xi messaġġ bil-​kliem mingħand Alla. Eħud kellu f’moħħu li juża s-​sejf. Forsi billi ħaseb li se jismaʼ xi messaġġ mingħand l-​alla tiegħu Kemox, is-​sultan “qam minn fuq is-​siġġu.” F’ħakka t’għajn, Eħud ħareġ l-​arma tiegħu u daħħalha f’żaqq Għeglon. Mid-​dehra, il-​manku tas-​sejf ma kienx forma taʼ salib. Għalhekk, “daħal saħansitra l-​manku max-​xafra, u x-​xaħam għalaq fuq ix-​xafra, . . . u ħmieġu ħareġ barra,” jew mill-​ferita jew għax ma felaħx jikkontrolla msarnu.—Mħallfin 3:20-22.

Ħarba Mingħajr Xkiel

Mingħajr ma qagħad jipprova jerġaʼ jieħu s-​sejf tiegħu, “Eħud ħareġ fis-​setaħ, u għalaq il-​bieb taʼ l-​għorfa taʼ fuq, u sakkar warajh. U hu ħareġ; u l-​qaddejja tas-​sultan [Għeglon], meta raw il-​bieb taʼ l-​għorfa msakkar qalu: ‘Għandu mnejn qiegħed jaqdi l-​bżonnijiet tiegħu fl-​għorfa friska.’”—Mħallfin 3:23, 24.

X’kien is-​“setaħ” li ħareġ minnu Eħud? Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “It-​tifsira preċiża [tal-kelma Lhudija] ma nafuhiex [imma] ġew suġġeriti ‘kolonnat’ u ‘portiku.’” Għalaq Eħud il-​bibien minn ġewwa u mbagħad telaq minn xi mkien ieħor? Jew għalaq il-​bibien minn barra b’ċavetta li ħa mingħand is-​sultan li kien mejjet? Ħareġ hu mbagħad minn quddiem l-​għassiesa qisu ma ġara xejn? L-​Iskrittura ma tgħidilniex. Madankollu, uża liema metodu uża Eħud, il-​qaddejja t’Għeglon ma ssuspettaw xejn għall-​ewwel meta sabu l-​bibien magħluqin. Ħasbu li kien sempliċement qed “jaqdi l-​bżonnijiet tiegħu.”

Waqt li l-​qaddejja tas-​sultan kienu qed jistennew, Eħud ħarab. Imbagħad sejjaħ lil Iżraelin u qal: “Imxu warajja għax il-​Mulej reħa f’idejkom il-​Mowabin, l-​għedewwa tagħkom.” Billi ħadu f’idejhom il-​mogħdijiet strateġiċi tal-​Ġordan, l-​irġiel t’Eħud waqqfu lil Mowabin milli jirritornaw lejn pajjiżhom. B’hekk, l-​Iżraelin “qatlu dakinhar madwar għaxart elef ruħ mill-​Mowabin, kollha nies b’saħħithom u taʼ ħila, u ebda bniedem ma salva. U Mowab dakinhar waqgħet f’idejn Iżrael, u l-​art strieħet għal tmenin sena.”—Mħallfin 3:25-30.

Lezzjonijiet li Nistgħu Nitgħallmu

Dak li ġara fi żmien Eħud jgħallimna li hemm konsegwenzi tal-​biżaʼ meta nagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Jehovah. Mill-​banda l-​oħra, Jehovah jgħin lil dawk li bi ndiema jduru lejh.

Il-pjanijiet t’Eħud irnexxew la għax hu kien bravu u lanqas għax l-​għedewwa kienu bla ħila. It-​twettiq taʼ l-​iskopijiet t’Alla ma jiddependix minn fatturi umani. Ir-​raġuni primarja għas-​suċċess t’Eħud kienet li hu kellu l-​appoġġ t’Alla waqt li aġixxa fi qbil mar-​rieda Tiegħu li ħadd ma jistaʼ jfixkel, biex jeħles lill-​poplu Tiegħu. Alla kien qajjem lil Eħud, “u kull meta l-​Mulej kien iqajjmilhom l-​imħallfin, il-​Mulej kien ikun maʼ l-​imħallef.”—Mħallfin 2:18; 3:15.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja